Qari tat-Tnejn tal-Ewwel Ġimgħa ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

L-Ewwel Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tnejn.

Qari I

Il-mara l-oħra kienet tinki lil Anna u tweġġagħha, għax il-Mulej kien għalqilha ġufha.

1 Sam 1, 1-8

Bidu tal-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

Kien hemm raġel minn Ramatajm-Sofim mill-muntanji ta’ Efrajm, u kien jismu Elkana bin Ġeroħam, bin Eliħu, bin Toħu, bin Suf minn Efrajm. U kellu żewg nisa, waħda jisimha Anna u l-oħra Peninna. Peninna kellha wlied, imma Anna ma kellhiex ulied. Minn sena għal oħra dan ir-raġel kien jitla’ Silo mill-belt tiegħu biex jadura lill-Mulej tal-eżerċti u joffrilu sagrifiċċju. Kien hemm iż-żewġ ulied ta’ Għeli, Ħofni u Fineħas, qassisin tal-Mulej. Ġara li f’jum minnhom, Elkana offra s-sagrifiċċju u ta ishma lil martu Peninna u lis-subien u l-bniet tagħha lkoll; imma lil Anna, għalkemm kien iħobbha, taha sehem wieħed biss għax il-Mulej kien għalqilha ġufha. Il-mara l-oħra kienet tinkiha u tweġġagħha, għax il-Mulej kien għalqilha ġufha. Hekk kien jiġri kull sena, kull meta kienu jitilgħu f’dar il-Mulej; hekk kienet tħobb tinkiha, u Anna kienet taqbad tibki u ma tikolx. Darba żewġha Elkana qalilha: “Anna! Għaliex qiegħda tibki u għaliex m’intix tiekol? Għala int qalbek sewda? M’iniex jien aħjar għalik minn għaxar ulied?”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 115 (116), 12-13.14-17.18-19

R/. (17a): Lilek, Mulej noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr

Xi rrodd lill-Mulej

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,

u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta’ dar il-Mulej,

ġo nofsok, Ġerusalemm! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 1, 15

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna ta’ Alla waslet, jgħid il-Mulej:

indmu u emmnu fl-Evanġelju.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Indmu u emmnu fl-Evanġelju.

Mk 1, 14-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”. Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ’l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek u minnufih sejħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu