Ġwanni Pawlu II waqt quddiesa għall-familji

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL- PAKISTAN, IL-FILIPPINI,
GUAM (USA), IL-ĠAPPUN U ANCHORAGE (USA)
QUDDIESA GĦALL-FAMILJI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Cebu City (Filippini), 19 ta’ Frar 1981

1. Waqt li ninsab f’din il-belt importanti, magħrufa bħala l-benniena tal-Kristjaneżmu fil-Filippini, nixtieq nesprimi lill-Mulej tal-istorja l-ferħ profond tiegħi u r-ringrazzjament tiegħi. Il-ħsieb li għal 450 sena d-dawl tal-Vanġelu idda dejjem ħaj f’dan il-Pajjiż u fuq il-poplu tiegħu, huwa mottiv ta’ eżultanza kbira. Erbà sekli u nofs ta’ interazzjoni fruttuża bejn il-kultura lokali u l-messaġġ Kristjan kellhom bħala riżultat dik il-fużjoni armonjuża msejħa “kultura kristjana Filippina”. L-insara kollha li jiġu hawn minn kull parti tad-dinja jsibu ruħhom ġo darhom, f’nofs persuni li jaqsmu magħhom l-istess aspirazzjoni u l-istess tama, li jsibu l-punt ċentrali f’Ġesù Kristu. Ikun imfaħħar l-Isem ta’ Ġesù għal dak li hija mħabbtu!

Il-providenza ta’ Alla fil-Filippini kienet tassew meraviljuża. L-evanġelizzazzjoi li bdiet fis-sittax-il seklu ma kinitx xi ħaġa purament aċċidentali. Il-grazzja divina kienet diġa qiegħda taħdem meta l-poplu ta’ dan ir-reġġjun kellu l-ewwel kuntatt tiegħu bix-xbiha tal-qaddis Niño. Kien avveniment storiku mportanti, ta’ sinifikat reliġjuż għani, il-fatt li fl-ewwel ta’ Jannar 1571, ir-raħal irjali ta’ Sugbu reġà ġie mgħammed “Villa del santo Niño”, u b’dan l-ewwel belt tal-Filippini ġiet imqiegħda taħt il-protezzjoni tal-Bambin Ġesù.

2. Il-Providenza divina ippermettitilna li nkunu hawn illum, biex inkunu nistgħu noffru Sagrifiċċju ta’ tifħir u ringrazzjament lil Missierna għall-erbà sekli u nofs ta’ kristjaneżmu f’dan il-Pajjiż.

Il-Knisja kollha tiżżi ħajr lil Alla, għaliex il-poplu “li darba kien ‘il bogħod sar qrib grazzi għad-demm ta’ Kristu” (Ef 2,12-13). Hija tiżżi ħajr lil Alla għall-450 sena li fih ismu hawn kien igglorifikat, għaliex kienet offruta adorazzjoni awtentika, għaliex il-Verġni Marija kienet meqjuma b’devozzjoni u bi mħabba, u għaliex miljuni ta’ persuni kienu mwielda mill-ġdid fi Kristu. Iċ-celebrazzjonijiet indimentikabbli li nżammu l-bieraħ f’Manila ad unur tal-protomartri Filippin, il-Beatu Lorenzo Ruiz wrewna b’qawwa li l-fidi nisranija tefgħet għeruq profondi fl-art tal-Filippini.

Il-Knisja hija grata b’mod partikolari lil Alla li l-komunità ċkejkna nisranija ta’ Sugbu, taħt il-protezzjoni ta’ Ġesù Bambin, saret illum arċidijoċesi fjorixxenti ta’ żewġ miljuni t’erwieħ, kważi lkoll kattoliċi, bi kleru attiv u żelanti, kemm dijoċeżan kif ukoll reliġjuż, bi rġiel u nisa reliġjużi u mpennjati, u b’numru nkuraġġanti ta’ seminaristi. Jiena wkoll kuntent b’mod profond li nsir naf li jeżistu istituzzjonijiet numerużi u organizzazzjonijiet kattoliċi u movimenti lajkali. Wieħed jistà tassew jgħid li t-tkabbir fil-fidi u fil-ħajja nisranija kien sallum karatteristika kostanti tal-Knisja ta’ Ċebu, kif ukoll tal-Knisja kollha tal-Filippini. Il-passat glorjuż jimliena b’tama kbira għall-futur. Ir-rapporti armonjużi, taħt il-gwida tal-Kardinal Julio Rosales, tal-Arċisqof koadjatur u tal-Isqof awżiljarju, fost il-ġerarkija u l-kleru kemm dijoċeżan kif ukoll reliġjuż; l-impenn profond fl-evanġelizzazzjoni min-naħa tas-saċerdoti, tar-reliġjużi u tal-lajċi; l-eżistenza ta’ sens ekkleżjali solidu u r-reliġjożità profonda tan-nies: dan kollu jikkostitwixxi qawwa spiritwali kbira għall-kostituzzjoni f’Ċebu ta’ Knisja dinamika.

3. Maħbubin ħuti fi Kristu, il-qima sekulari tal-qaddis Niño hawn f’Ċebu, hija l-ispunt illum, biex inkellimkom dwar il-familja. Iċ-ċkejken Ġesù twieled mill-Verġni Marija għex f’familja u kien propju fil-familja ta’ Nażżaret li huwa beda l-missjoni li l-Missier kien afdalu.

“Għaliex tweldithilna tarbija, ingħatalna iben” (Iż 9,5). Fih tnisslet era ġdida, Fih id-dinja reġgħet inħolqot, Fih kienet offruta lill-umanità ħajja ġdida, ħajja mifdija minn u fi Kristu.

Għaliex il-Ħallieq irid li l-ħajja jkollha oriġni mill-imħabba ta’ raġel u mara marbutin bir-rabta taż-żwieġ, u għaliex Kristu għolla din l-għaqda sponsali għad-dinjità ta’ sagrament, aħna għandna nħarsu lejn il-familja, lejn in-natura tagħha u lejn il-missjoni tagħha, taħt id-dawl ħaj tal-fidi tagħna nisranija..Bi kburija leġittima nistgħu niddikjaraw li t-tagħlim tallum tal-Knisja dwar iż-żwieġ u l-familja kien it-tagħlim kostanti tagħha b’fedeltà lejn Kristu. Il-Knisja kattolika dejjem għallmet – u dan intennih hawn b’konvinzjoni li tiġini minn dmiri ta’ Ragħaj suprem u ta’ Mgħallem – li ż-żwieġ kien stabbilit minn Alla; li ż-żwieġ huwa kuntratt ta’ mħabba bejn raġel wieħed u mara waħda; li r-rabta li tgħaqqad mara u raġel hija indissolubili bir-rieda ta’ Alla, li ż-żwieġ bejn l-insara huwa sagrament li huwa simbolu tal-għaqda ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu u li ż-żwieġ għandu jkun miftuħ għat-trażmissjoni tal-ħajja umana.

4. Meta Ġesù beda l-ħajja pubblika tiegħu, waqt li ppriedka u fejjaq, jum wieħed kien iffaċċjat minn xi Fariżej, li xtaqu jinterrogawh dwar iż-żwieġ. Ġesù weġibhom b’ċarezza waqt li reġà ddikjara dak li kienu qalu l-Iskritturi “Imma sa mill-bidu Alla ħalaqhom maskju u femmina; għalhekk ir-raġel iħalli lil Missieru u lil Ommu u t-tnejn isiru ġisem wieħed.  Mela ma jkunux iktar tnejn imma ġisem wieħed. Il-bniedem mela ma jifridx dak li rabat Alla” (Mk 10,6-9). Billi ħalaqhom maskju u femmina Alla stabilixxa l-kumplimentarjetà tas-sessi, hekk raġel iħalli lil Missieru u lil Ommu biex jingħaqad ma’ martu f’dik l-għaqda ta’ mħabba li tħaddan il-livelli kollha tal-eżistenza umana. Din l-għaqda ta’ mħabba tagħmel iva li r-raġel u l-mara jikbru flimkien u adegwatament jieħdu ħsieb ta’ wliedhom. L-għaqda li tagħmel minnhom ħaġa waħda biss ma tistax tkun mittiefsa minn xi awtorità umana; hija dejjem għas-servizz tal-ulied u tal-istess miżżewġin. Għal dan il-għan l-imħabba bejn ir-raġel u l-mara fiż-żwieġ hija mħabba li fl-istess ħin hija fidila u fertili. “Hija mħabba qaddisa bejn Kristu u l-Knisja, bħal ma San Pawl kiteb lill-Efesin: “Dan il-misteru huwa kbir; qiegħed ngħid b’riferenza għal Kristu u għall-Knisja!” (Ef 5,32).

5. Għal dawn l-għanijiet il-Knisja qatt ma se tattwa u linqas se tbiddel it-tagħlim tagħha dwar iż-żwieġ u l-familja. Għal dawn l-għanijiet il-Knisja tikkundanna kull attentat, bħall-poligamija, li tistà teqred l-għaqda taż-żwieġ, u kull attentat, “bħad-divorzju, li jistà jeqred ir-rabta taż-żwieġ.

Għal dawn l-għanijiet il-Knisja  tiddikjara wkoll li ż-żwieġ għandu jkun miftuħ għat-trażmissjoni tal-ħajjiet umani. Hija tixtieq taqsam, bħal ma kien, il-poter krejattiv tagħha mal-irġiel u n-nisa miżżewġa, waqt li tafdalhom il-poter li jipprokrejaw. Alla jixtieq li dan il-poter terribbli tal-prokrejazzjoni ta’ ħajja umana ġdida, jiġi aċċettat, b’mod liberu u b’imħabba mill-koppja, fil-waqt li fih tagħżel b’mod liberu li tingħaqad fiż-żwieġ. Li tkun ġenitur imbagħad għandu dinjità partikolari, iggarantita minn Alla nnifsu. Min-naħa tiegħi, il-mandat apostoliku tiegħi jobligani li nerġà niddikjara b’mod iktar ċar u b’mod l-iktar sod possibbli dak li l-Knisja ta’ Kristu tgħallem dwar dan, u li ntenni b’qawwa il-kundanna tiegħi għall-kontraċezzjoni artifiċjali u għall-abort.

6. Propju hekk: Mill-waqt tal-konċepiment u fl-istadji suċċessivi kollha tagħha, il-ħajja umana kollha hija sagra, għaliex kienet maħluqa xbiha u xebħ ta; Alla. Il-ħajja umana hija prezzjuża, għaliex hija don ta’ Alla, li mħabbtu hija bla limiti; u meta Alla jagħti l-ħajja, din hija għal dejjem. Kull min ifittex li jeqred il-ħajja umana fil-ġuf matern, mhux biss jikser is-sagralità ta’ esseri uman li jgħix, jikber u jiżviluppu ruħu, u b’dan jopponi lil Alla, imma jattakka wkoll is-soċjetà, għaliex jhedded ir-rispett għall-ħajja umana kollha. Nixtieq intenni hawn dak li ddikjarajt tul iż-żjara tiegħi f’art twelidi: “Jekk id-dritt ta’ persuna għall-ħajja jinkiser fil-waqt tal-konċepiment fil-ġuf tal-omm, tiġi b’mod indirett mogħtija daqqa wkoll lill-ordni morali kollu, li jsrrvi biex jiggarantixxi il-ġid invjolabbli tal-bniedem. Fost dan il-ġid, il-ħajja tokkupa l-ewwel post. Il-Knisja tiddefendi d-dritt għall-ħajja, mhux biss fil-konfront tal-majjestà tal-Ħallieq, imma wkoll fil-konfront tal-ġid essenzjali tal-persuna umana” (8 ta’ Ġunju 1979).

7. Meta l-Knisja tqiegħed quddiemkom l-ideali taż-żwieġ u tal-familja nisranija, meta hija tinsisti li l-imħabba bejn ir-raġel u martu u l-imħabba tal-ġenituri għandhom ikunu kkaratterizzati milli-ġenerożità, hija taf li llum huma bosta l-fatturi li jheddu l-ħajja tal-familja u li jittentaw il-qalb umana.

Ir-riċerka egoistika tal-pjaċir. Il-permissiviżmu sesswali u l-biżà ta’ impenn permanenti huma forzi distruttivi. Bħal omm tajba, il-Knisja tgħasses fuq wliedha fil-waqtiet diffiċli; hija tgħasses fuq il-koppji li jkunu f’diffikultà bit-tagħlim kostanti tagħha. Bl-imħabba u l-fehim fil-konfront tad-dgħufija umana, imma wkoll billi taf il-poter tal-grazzja ta’ Kristu f’kull qalb umana, il-Knisja b’mod kostanti tisfida lil uliedha. Hija tisfidahom biex jagħrfu d-dinjità tal-Magħmudija tagħhom u tad-don tal-grazzja sagramentali sabiex ikunu jistgħu jirnexxilhom jirriflettu l-imħabba sagrifikali ta’ Kristu f’ħajjithom, biex jiżviluppaw l-imħabba propja f’għaqda fidila u ndissolibbli u biex iwieġbu b’ġenerożità għad-don li jsiru ġenituri. Kif jiddikjara l-Konċilju Vatikan II: “L-imħabba konjugali awtentika hija assunta fl-imħabba divina u hija sostnuta u arrikkita minn qawwa redentiva ta’ Kristu u mill-azzjoni feddejja tal-Knisja. Għaliex il-miżżewġin, b’mod effikaċi jitwasslu għand Alla u jkunu mgħejjuna u mqawwija fl-iżvolġiment tal-missjoni sublimi ta’ missirijiet u ommijiet” (Gaudium et Spes, 48). Lilkom ilkoll, koppji nsara – miżżewġin u ġenituri – nindirizza  din l-istedina: imxu ma’ Kristu! Huwa hu li jirrivelalkom id-dinjità tal-patt sollenni li intom stipulajtu: huwa Hu li jagħti valur immens lill-imħabba konjugali tagħkom; u huwa Hu, Ġesù Kristu, li f’kollox għandu l-poter li jagħmel ħafna iktar minn dak li nistgħu nitolbu u naħsbu (cf. Ef 3,20).

8. F’komunità nisranija, kull wieħed u waħda għanhom ir-responsabiltà fil-konfront tal-familji. Il-programmi li għandhom bħala skop il-familja u d-dinjità taż-żwieġ huma mportanti ħafna: programmi li jħejju l-għarajjes, u programmi li jgħinu lill-miżżewġin. Fil-konfront ta’ wliedhom, il-ġenituri għandhom irwol insostitwibbli, mhux biex bħala l-ewwel edukaturi fil-fidi u bħala mudelli ta’ virtù, imma wkoll bħala eżempji ta’ mħabba konjugali fidila. F’dik il-komunità ta’ mħabba li kull familja għandha tkun, il-ġenituri u l-ulied jistgħu jkunu evanġelizzati u jkunu fl-istess ħin strumenti ta’ evanġelizzazzjoni. Ir-rispett awtentiku għall-ħajja u d-dinjità umana, il-karità ġeneruża u s-sens tad-dover u tal-ġustizzja, mgħaddsu b’mod sod fil-Vanġelu, jiġu minn familja fejn ijiddominaw rapporti b’saħħithom bejn il-ġenituri u l-ulied u fejn kull membru tal-familja jfittex li joffri lilu nnifsu għas-servizz tal-oħrajn. Familja fejn it-talb, is-sosten amoruż u l-formazzjoni tal-fidi huma l-prinċipji kostanti, twassal benefiċċji kbar ħafna mhux biss lill-membri tal-familja nfisha, imma wkoll lill-Knisja u lis-soċhetà.

9. Jien b’mod partikolari kuntent li sirt naf li fil-Filippini kollha l-Apostolat tal-familji rċieva approvazzjoni u appoġġ entużjastiċi. Nixtieq nesprimi lill-Konferenza Episkopali tal-Filippini l-apprezzament tiegħi talli pproklamat id-deċenju attwali, dak mill-1981 sal-1990, “Id-deċenju tal-familja” u talli ħejjiet programm pastorali vast għal dan il-għan. Nixtieq infaħħar b’qalbi kollha d-diversi organizzazzjonijiet u l-movimenti li, f’kollaborazzjoni stretta mal-ġerarkija, jiddedikaw l-isforzi ġenerużi tagħhom għall-familja. Nixtieq ninkuraġġixxi lill-edukaturi kattoliċi kollha, imma b’mod speċjali lill-istess ġenituri biex jiddedikaw attenzjoni speċjali għall-formazzjoni addattata taż-żgħażagħ fir-rigward tas-sesswalità umana, billi jagħmlu aċċent adegwat fuq l-għan orġinarju tal-Ħallieq, fuq il-poter feddej ta’ Kristu u fuq l-influwenza ta’ ħajja tassew sagramentali.

Ir-responsabiltà delikata tal-edukazzjoni sesswali hija dmir prevalenti tal-familji, fejn atmosfera ta’ rispett reċiproku fl-imħabba twassal għal fehim pjenament uman u nisrani tas-sinifikat tal-imħabba u tal-ħajja.

10. U hekk, ħuti fi Kristu, ħbiebi ta’ Ċebu City u tal-madwar, jiena se nħallikom. Dan kien għalija jum indimentikabbli: li nkun magħkom, nagħmilkom parteċipi tat-tagħlim ta’ Sidna Ġesù Kristu dwar il-familja nisranija, u nħoss l-imħabba reċiproka tagħkom f’nofs il-familja ta’ Alla: il-Knisja. Jalla l-imqaddes Niño jberikkom. Marija, Omm Ġesù u San Ġużepp, l-għarus tagħha, jassistukom u jassistu lill-familji kollha tal-Filippini biex ikunu l-mera tal-qdusija, tal-ferħ u tal-imħabba tas-Sagra Familja ta’ Nażzaret.

 
“Pagpalain kayo nang Poong Maykapal!” (Alla jberikkom!).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.