Mit-trab tal-art għas-sema

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 14 ta’ Awwissu 2021: Omelija mill-Isqof Anton Teuma fil-Quddiesa tal-Velja Djoċesana tal-Għid tal-Assunta. Fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-velja-santa-marija-ta-pinu-is-sibt-14-ta-awwissu-2021″ params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Fuq dak il-ħajt hemm il-mużajk tal-Misteri tar-Rużarju tal-Glorja. Waħda mill-ikoni sbieħ li hemm hija proprju dik tat-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema, ir-raba’ Misteru tal-Glorja. Jekk intom xi darba rriflettejtu ftit fuqha, jew tajtu kas sewwa tagħha, tindunaw li hemm xbieha mimduda tal-Madonna, kollha kemm hi kulur kannella, il-kulur tal-art, il-kulur tat-trab, il-kulur ta’ Adam, il-kulur tal-mewt. L-Appostli li hemm madwarha – kif jirrakkonta l-Apokrifu, ktieb li jirrakkonta d-Dormitio, ir-‘raqda’ ta’ Marija – huma ffokati proprju fuq dan il-ġisem mejjet, fuq dan il-kulur tal-art, fuq dan it-trab kannella. Imbagħad lil hinn, fl-isfond ta’ din l-ikona, hemm iċ-ċentru tagħha, hemm Ġesù, li f’idejh għandu bħallikieku tarbija. Dik it-tarbija mhix għajr Marija. Marija mhix dik li hemm mimduda bil-kulur kannella, il-kulur tal-art, il-kulur tal-mewt; imma Marija twieldet mill-ġdid għall-ħajja ta’ dejjem, magħquda ħaġa waħda mal-Iben tagħha Ġesù.

Dan hu l-misteru li qegħdin niċċelebraw illum kif irrappreżentat lilna fl-ikoni, biex nippruvaw nifhmu xi ħaġa minn dak li qegħdin infakkru. Imma llejla ejjew inħarsu ftit iktar lejn il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Ejjew inħarsu lejn it-trab, lejn il-kannella, lejn il-ħamrija, lejn il-mewt li hemm fl-istorja ta’ ħajjitna. Ejjew inħarsu lejn dawk il-mumenti jew esperjenzi ta’ nuqqas ta’ tama. M’aħniex ser insibuha bi tqila biex nippruvaw niftakru xi episodju jew tnejn minn dawn f’ħajjitna, għax żgur li kollha kemm aħna għandna. Minkejja li aħna lkoll qegħdin hawn, nafu li fl-isfond u fl-istess ħin fiċ-ċentru tal-istampa tal-ħajja tagħna hemm Ġesù. Minkejja li nitħabtu biex nemmnu, li aħna wkoll fl-esperjenzi tal-ħamrija, fl-esperjenzi tal-art, fl-esperjenzi tal-mewt, aħna wkoll inkunu qed nitwieldu għall-ħajja ta’ dejjem. Imma ejjew nammettu li l-ġlieda tal-fidi xi kultant tegħjina. Hawn tidħol Marija, hawn tidħol il-Festa sabiħa u kbira li qed nagħmlu llejla.

It-trab tal-art jilħaq l-iskop tiegħu, il-quċċata tal-funzjoni tiegħu, meta jitħallat u jitħawwad mal-veġetali, mal-pjanta; u jsir saħansitra l-enerġija ta’ dik il-pjanta. Mir-renju tal-minerali, mir-renju tal-inanimat, ta’ dak li mhux ħaj, it-trab, il-ħamrija jibdew jagħmlu parti mill-ħajja, minn dak li hu veġetali. L-istess il-veġetali, il-pjanti, is-siġar, il-ħaxix, jilħqu l-ogħla funzjoni tagħhom meta jsiru enerġija, saħħa, qawwa ta’ renju ogħla minnhom, li hu tal-annimali; u jsiru s-sustanza, il-ħajja tal-annimal. L-istess l-annimali, jilħqu l-quċċata tagħhom, isiru ikel, sustanza, qawwa, mhux biss għan-natura, mhux biss għal dak li hawn madwarna, mhux biss biex iċ-ċiklu tal-ħajja jkompli, imma biex dawn ukoll jiġu mmansati mill-bniedem, jidħlu f’komunikazzjoni mal-bniedem, jidħlu f’relazzjoni mal-bniedem; isiru kumpanija għall-bniedem, xi kultant għas-servizz tiegħu.

Il-bniedem kif jilħaq l-ogħla funzjoni tiegħu, il-quċċata ta’ dak li għalih qiegħed jgħix, ta’ dak li għalih huwa msejjaħ? Il-bniedem jista’ jilħaq il-quċċata tiegħu meta jitla’ s-sema. X’jiġifieri jitla’ s-sema? Il-bniedem jilħaq il-quċċata tiegħu meta jħalli lil Alla jkellmu, jedukah, jiffurmah, b’tali mod li l-bniedem ma jibqax sempliċi bniedem, imma jibda jirraġuna, jaħseb u jħobb kif jirraġuna, jaħseb u jħobb Alla. Allura meta aħna nerġgħu lura lejn it-trab tal-art – għax hekk ngħidu – ma mmorrux lura għal renju inferjuri għal dak tagħna – niġu mikula mill-annimali, imbagħad insiru trab. Le, mhux hekk! Il-Festa tal-lum tagħtina l-aħbar sabiħa li meta mmutu, għalkemm b’għajnejna naraw dak li raw l-Appostli f’dik l-ikona ta’ Marija Mtellgħa fis-Sema, għalkemm b’għajnejna ma narawx ħlief ġisem dgħajjef li qiegħed jitmermer u jsir trab, imma fil-fatt il-verità hi oħra.

Il-verità hi li l-persuna tagħna tingħaqad u ssir ħaġa waħda ma’ Alla. Dak li ġara lil Marija – il-Festa li qegħdin niċċelebraw illum – hu d-destin tiegħek, hija l-mappa, it-triq tiegħi; huwa dak li hemm jistennieni. Allura l-Festa tal-lum tidher għalina bħala l-għan tal-umanità kollha kemm hi. Il-bniedem mhux maħluq b’kumbinazzjoni, mhux maħluq fid-dinja sempliċiment biex jgħix għal ftit snin, jipprova jaħkem u jieħu dak li jista’ sakemm idum ħaj, għax imbagħad hemm it-tmiem, għax imbagħad jispiċċa kollox; imma mhux hekk. Il-Festa tal-lum timmotivana u tagħtina l-fiduċja li l-ħajja tagħna l-milja tagħha ssibha meta tinbela’ f’Alla, meta tingħaqad ma’ Alla, bħalma ġara lil Marija; meta l-ħajja umana tagħna ssir il-ħajja ta’ Alla.

Imma kieku jkollna nirriflettu ftit fuq il-ħajja ta’ Marija nindunaw li din l-esperjenza kienet diġà bdiet matul ħajjitha. Ġratilha biċċa kbira lil Marija! Hemmhekk insibuha l-ewwel darba fil-Vanġelu. Xi ġralha? Xi ħaġa li għan-nies ta’ żmienha kienet skandlu. Żgur li qalu biha. Aħna dan il-kuntest kollu noħorġu minnu, għax aħna t-Tħabbira, it-tnissil ta’ Ġesù bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, għalina hija xi ħaġa kbira. Imma l-kuntest soċjali warrabnieh u nsejnieh kollu. Skandlu kbir! Qatt għaddejt int minn żmien li tħossok fi lsien in-nies? Qatt għaddejt int minn żmien li ħassejt li lilek jew lil xi ħadd mill-familja tiegħek ġratlu waħda kbira, li kulħadd qiegħed ipaċpaċ fuqha? Xi ħaġa li lilek iġġagħlek toħroġ mill-bieb ’il barra? Kif ħarset lejha din l-esperjenza Marija? Ippruvaw irriflettu ftit: meta t-trab tal-art, meta l-ħamrija, meta l-ispirtu tal-mewt jiltaqa’ mal-ispirtu tal-ħajja, jiltaqa’ mal-Ispirtu ta’ Alla; meta l-ħajja tagħna, l-esperjenza tal-ġisem dgħajjef tagħna, tar-relazzjonijiet diffikultużi tagħna, jiltaqgħu mal-Kelma ta’ Alla. Għal Marija kienet grazzja, u mhux għaliha biss, u mhux għal Ġużeppi biss, imma għad-dinja kollha. Dik id-diżgrazzja, dak l-iskandlu jsir grazzja. U hekk jista’ jiġri minn dik l-esperjenza li inti f’ħajtek taraha stramba, dik l-esperjenza f’ħajtek jew fin-nies ta’ madwarek li int bħalissa qiegħed tgħix bil-mistħija.

Interessanti allura l-mod ta’ kif Marija tħalli lil Alla jdawwal l-esperjenza tad-dgħufija tal-ħajja tagħha. Il-laqgħa li kellha Marija mal-qariba tagħha Eliżabetta anzjana ma kinetx sempliċiment żjara ta’ kortesija għax kienet ilha ma taraha. Ma kinetx sempliċiment ser tmur tifirħilha għax ġratilha xi ħaġa sabiħa. Imma kienet iktar minn hekk, għax Marija ma kinetx biss dik il-kannella li hemm mimduda, Marija ma kinetx biss dik il-mara li tirraġuna bil-moħħ jew bl-emozzjonijiet tal-bniedem, imma kienet il-ħin kollu mdawla bil-Kelma ta’ Alla. Dan jgħodd mhux biss għal Marija, imma jgħodd ukoll għalija, għal kull wieħed u kull waħda minna. Dik iż-żjara lil Eliżabetta serviet ta’ sinjal tal-preżenza ta’ Alla, sinjal tad-Divin. Eliżabetta, Ġwanni, il-ġrajjiet ta’ madwarhom, kienu għal Marija sinjal tal-preżenza ta’ Alla, tal-preżenza ta’ xi ħadd li hu ikbar. Il-moħħ ta’ Marija ma kienx jara biss lil dik il-mara xwejħa, anzjana, tqila, imma kien jara lil hinn. Għax Marija kienet lil hinn minn dak il-kannella, kienet imdawla bil-qawwa tal-Ispirtu, bid-dawl tal-Kelma. Allura dik iż-żjara għal Marija sservi bħala għotja tagħha nfisha, bħala mument, okkażjoni ta’ qadi, ta’ mħabba lil din il-mara li kienet tiġi minnha. Ma kinetx biss żjara, imma kienet lil hinn, kienet Vanġelu.

It-twelid ta’ Ġesù, id-diffikultà biex isibu dar… Kemm ikollna diffikultajiet aħna marbutin mad-dar! Kemm hawn għarajjes u miżżewġin żgħar li għandhom diffikultajiet u problemi marbuta mal-loans tad-dar! Kemm hawn diffikultajiet simili! Kif tħares lejhom Marija? Kif tgħixha Marija din l-esperjenza li tfittex dar? M’għandhiex saqaf. Kif qed tgħixha? Kif tgħixu t-twelid ta’ Ġesù f’għar tal-annimali? Din it-taħlita kontinwa li kien hemm fil-persuna ta’ Marija bejn ir-raġuni umana, l-emozzjonijiet umani, il-qtugħ ta’ qalb! Min jaf kemm qatgħet qalbha Marija, kemm beżgħet! Imma fl-istess ħin dan il-biża’, dan il-qtugħ ta’ qalb hu mdawwar bil-fiduċja, bit-tama f’Alla, bil-moħħ mistrieħ tagħha li Alla jaf x’inhu jiġri, li Alla qed jieħu ħsiebha u mhux ser iħalliha weħidha. Dik it-tarbija ssir rigal, issir don; dik it-tarbija li twieldet bil-qawwa tal-Ispirtu minn Marija ssir għotja lid-dinja, rigal lid-dinja; ma tħosshiex proprjetarja tagħha.

Kemm tgħallimna Marija fil-mod ta’ kif aħna nirraġunaw, nikkunsidraw, inqisu lill-familja tagħna, lil uliedna, dak li nippretendu minnhom, dak li naħsbu għalihom, dak li niddeċiedu għalihom! Nistgħu nibqgħu sejrin fil-ħajja ta’ Marija b’din l-għaġna bejn il-ħamrija u l-Ispirtu ta’ Alla. Jekk f’ħajjitha Marija sal-aħħar mument tal-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art kienet kollha kemm hi bieb miftuħ, qalb miftuħa għal dak li jrid Alla, għall-ġrajja li Alla kien qiegħed iħażżeż permezz tal-istorja tagħha, allura jistax ikun li Ġesù ma jkollux qalbu miftuħa beraħ biex jilqa’ lil Marija, meta hija kienet diġa mimlija bih? Jistax ikun li Alla l-Missier ma jkollux qalbu miftuħa beraħ biex meta Marija tgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem, tmur kollha kemm hi sħiħa, bil-persuna sħiħa tagħha, bħalma ser jiġri lili, ser jiġri lilek, ser jiġri lil kull wieħed u kull waħda minna?

Din hija l-Festa li qegħdin niċċelebraw illum. Bir-raġun l-Ewwel Qari, sabiħ ħafna, mill-Ewwel Ktieb tal-Kronaki (15:3-4,15-16; 16:1-2), jippreżentalna din l-Arka, din il-biċċa kaxxa li kienet daqshekk għażiża, għax fiha hemm il-Kelma ta’ Alla, it-twavel tal-Liġi, ftit mill-manna, ftit mill-bastun ta’ Aron: is-sinjali tal-preżenza ta’ Alla. Min hi din l-Arka? X’inhi din il-kaxxa? Huwa int, huwa jien, huwa kull wieħed u kull waħda minna. Imma mhux biss: hija d-dinja ta’ madwarna, huma s-siġar, l-annimali, il-pjanti. Kollha kemm huma jgħajtu l-preżenza ta’ Alla.

Ejjew nitolbuh lill-Mulej illum biex bl-interċessjoni ta’ Marija mhux biss niċċelebraw il-Festa lilha, imma nħallu din il-festa ddawwlilna l-esperjenzi kollha ta’ ħajjitna, b’mod speċjali dawk l-iktar suwed li għaddejjin minnhom bħalissa. Ejjew nitolbu lil Marija biex tagħtina dak l-Ispirtu li hi rċeviet. Tqawwina bih, biex aħna wkoll, mhux biss bħalha nkunu kapaċi niftħu qalbna biex isseħħ ir-rieda ta’ Alla, fil-ħajja ta’ kull wieħed u kull waħda minna, imma nħallu lil Alla li hemm fina jimliena bit-tama li tant għandna bżonn, jimliena bil-fiduċja li tant għandna bżonn, b’mod speċjali fl-esperjenzi, fil-ġrajjiet anki ta’ żmienna li qegħdin ngħixu, anki din l-istess pandemija, anki l-istess diffikultajiet oħra marbuta magħha. Ejjew nemmnu li Alla mhux ’il barra mill-pandemija, imma Alla qiegħed fil-pandemija. Ejjew infittxuh fiha, ejjew naraw xi jrid fiha, mhux ’il barra minnha. Ħafna drabi nispiċċaw ippreokkupati nitolbuh biex jeħlisna minnha, għax nimmaġinaw u naħsbu li mhux qiegħed fiha. Le, il-Mulej qiegħed f’dik il-ħamrija, il-Mulej qiegħed f’dak l-ispirtu ta’ mewt, il-Mulej qiegħed f’dak il-qtigħ ta’ qalb. Ejjew nitolbuh lill-Mulej jagħtina l-intelliġenza tal-Ispirtu li kellha Marija, din il-mara kbira, biex il-ħajja tagħna fuq din l-art illum ngħixuha fil-milja tagħha, ngħixuha fil-gradi kollha tagħha, ngħixuha fil-possibbiltajiet kollha tagħha. B’xorti ħażina jiġrilna li ħafna drabi ngħixuha wisq marbutin mal-ħamrija, mas-swied, mad-dlam. Il-Festa tal-lum tagħtina t-tama, il-ħerqa, l-entużjażmu, il-ħeġġa illi Alla hu verament is-Salvatur tagħna, tal-umanità tagħna, u jixtieq li lkoll kemm aħna, bnedmin dgħajfin, nilħqu l-milja ta’ dak li aħna fih.

Leave a Reply

%d bloggers like this: