Ġwanni Pawlu II f’Anchorage, USA

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL- PAKISTAN, Il-FIILIPPINI,
GUAM (USA), IL-ĠAPPUN U ANCHORAGE (USA)
QUDDIESA TAL-ISPIRTU SANTU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Anchorage (USA), 26 ta’ Frar 1981.

Għeżież ħuti,

Għannu lill-Mulej għanja ġdida; / għannu lill-Mulej mill-art kollha! / F’nofs il-ġnus irrakkuntaw il-glorja tiegħu, / lill-ġnus kollha għidu l-għeġubijiet tiegħu!

1. Is- sentimenti ta’ ferħ li juri l-qalb tas-salmista biex ifaħħar lill-Mulej b’dan il-kliem huma l-istess sentimenti li jitqanqlu fina waqt li ninġabru hawn ġo Anchorage biex niċċelebraw din il-quddiesa tal-Ispirtu Santu. Liema mod aħjar biex nesprimu tifħir lil Alla jekk mhux f’dak l-Ispirtu li huwa l-bidu vitali tal-ħajja tal-Knisja? Liema innu iktar addattat jistà jkun kantat minn dak li jkellimna dwar l-ispirazzjoni u dwar il-gwida tal-Ispirtu Santu fil-proklamazzjoni tal-Vanġelu ta’ Kristu lid-dinja? X’jistà iktar jagħtina tant motiv ta’ ferħ jekk mhux l-abitazzjoni tal-Ispirtu li hija għalina xhieda, antiċipazzjoni, garanzija tal-glorja li tistenniena fis-Sema?

2. Waqt li ninsabu hawn fl-Alaska, hekk mogħnija bis-sbuħijiet tan-natura, hekk imħattba bdanakollu hekk splendida, aħna nħossu l-preżenza tal-Ispirtu ta’ Alla fl-opra multipla tal-ħolqien. U ma nħossux biss din l-preżenza fin-natura inanimata u fl-ordni tal-pjanti u tal-annimali, imma tant b’mod maġġuri fid-don prezzjuż tal-ħajja li Alla ispira f’kull wieħed u waħda minn uliedu. Waqt li mmudella r-raġel u l-mara fuq ix-xbiha tiegħu, Alla jibqà ma’ kull individwu matul il-pellegrinaġġ ta’ din il-ħajja terrena, billi jistieden, isejjaħ, iħajjar permezz tal-Ispirtu tiegħu biex naċċettaw is-salvazzjoni offruta minn Kristu.

Waqt li nħarsu lejn il-persuni miġburin hawn illum, jiena nara s-sinjal tas-sejħa tal-fidi tal-Ispirtu Santu fl-Alaska. Hawn bosta persuni b’passat differenti u kultura differenti huma miġbudin minn komunità ta’ fidi waħda. Hawn l-indiġeni tal-Alaska – eskimeżi, elewtini u indjani – jingħaqdu ma’ persuni li jiġu minn kull parti tal-Istati Uniti biex jiffurmaw komunità unika ekkleżjali. Hawn fl-aħħar snin ġew b’numru dejjem jikber l-Ispanjoli biex jingħaqdu fil-fraternità magħquda tal-Knisja. Fl-għarfien ta’ din l-attività tal-Ispirtu, ma nħossuniex imbuttati biex inkantaw kant ta’ ferħ lill-Mulej? Ma jfurux qlubna meta nitkellmu dwar il-barkiet meraviljużi li l-Ispirtu daħħal fil-Knisja?

3. Imma hemm mottiv ieħor biex ikompli jirrendi grazzji tal-Ispirtu Santu bħalissa. Fi tmiem vjaġġ pastorali li ħadni matul dawn l-aħħar jħdax-il jum fil-Pakistan, fil-Filippini, fi Guam, fil-Ġappun u issa fl-Alaska, nixtieq nesprimi gratitudni profonda lill-Ispirtu Santu għall-gwida u l-protezzjoni tiegħu marul iż-żjara kollha. F’isem it-Trinità Qaddisa, bdejt il-vjaġġ tiegħi bħala pellegrin tal-fidi, billi weġibt għall-missjoni li Ġesù ta lil Pietru:  “Wettaq lil ħutek” (Lq 22,32). Kien biex nassumi din ir-responsabiltà, afdata lili mill-istess Spirtu Santu, li dħalt għal dan il-vjaġġ, u nittama li bl-għajnuna tal-istess Spirtu Santu dawn l-sforzi se jkunu sors ta’ nkuraġġiment għall-Isqfijiet u għal ħuti kollha fil-fidi.

4. Nistgħu sew nistaqsu lilna nfusna: b’liema mod l-Ispirtu jqanqal qalb il-bniedem biex iwieġeb għar-rivelazzjoni tal-glorja tal-Mulej? Ġesù jgħidilna fil-Vanġelu tallum li l-misteri tal-fidi huma moħbija għall-għorrief u l-għaqlin ta’ din id-dinja u minflok huma mgħarrfin lit-tfal sempliċi. It-tweġiba tal-fidi hija dejjem tweġiba nfantili, ta’ wieħed li jagħraf lil Alla bħala Missier.

Ġesù stess jgħallimna din il-lezzjoni meta aċċetta l-missjoni tiegħu fil-ħajja, billi fittex mhux li jagħmel ir-rieda tiegħu, imma dik ta’ dak li bagħtu (cf. Ġw 5,30). Imnissel bl-opra tal-Ispirtu Santu, Ġesù huwa portatur tal-Ispirtu f’kull sitwazzjoni tal-ministeru pubbliku tiegħu.

Meta kien wettaq ir-rieda tal-Missier dwar il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Imwiet tiegħu, Ġesù bagħat l-Ispirtu Santu fuq id-dixxipli tiegħu sabiex ikomplu jwasslu għal tmiemu l-pjan universali tas-salvazzjoni tal-Missier.

Huwa sewwa għalina li nirriflettu għal ftit ħin dwar dak li huwa assolut fil-filjolanza ta’ Kristu, li tagħha aħna parteċipi permezz tal-Ispirtu Santu. F’dan ir-rigward it-tieni qari mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani huwa tassew utli. L-Appotlu jiddeskrivi s-sitwazzjoni ta’ iben kif inhi distinta mill-kondizzjoni tal-ilsir. Hemm rlazzjoni differenti, relazzjoni ta’ ntimità, u din l-intimità hija ndikata fl-isem li bih il-Missier huwa magħruf u nterpellat. San Pawl jgħidilna li dawk li huma mwielda mill-ilma u mill-Ispirtu Santu ikellmu lill-Missier Divin bl-istess kliem li Ġesù uża fl-intimità tat-talb tiegħu fil-Ġetsemani: “Abba, Missier” (cf. Rm 8,16). Il-filjolanza tagħna fi Kristu mela tinvolvi relazzjoni li hija iktar qrib u iktar personali minn dik ta’ wild għall-ġenituri li tawh il-ħajja. Min-naħa tal-Missier hemm imħabba “li mhux biss toħloq it-tajjeb, imma li tagħmel li nipparteċipaw fil-ħajja stess ta’ Alla: Missier, Iben u Spirtu Santu” (Ġwanni Pawlu II, Dives in Misericordia, 7). Waqt li l-ilsir kellu obbligi lejn sidu, l-iben huwa liberu u allura jistà jirreċiproka dik l-istess imħabba li biha kien maħbub.

Bħala wlied Alla l-imħabba tagħna, mogħtija u alimentata fl-Ispirtu Santu, b’mod ripetut tistedinna għal intimità iktar profonda mal-Missier. U kemm pronta u entużjasta għandha tkun t-tweġiba tagħna!

Din l-istedina hija nterpretata fit-talb, li mhuwiex sempliċi obbligu x’niżvolġu imma wkoll mezz biex insaħħu l-għaqda fl-imħabba. Din l-attività tat-talb fil-Knisja, ma hija qatt limitata għal ċerti gruppi jew għal individwi partikolari. Dan huwa privileġġ u dmir għal kulħadd. It-talb m’għandux ikun limitat għas-sehem fir-riti liturġiċi tal-Knisja; huwa għal kuntrarju għandu wkoll jirrifletti r-riċerka kostanti tal-persuni jew tal-gruppi biex jiskopru fit-talb privat jew fit-talb komuni modi biex jipprofondixxu l-għaqda tagħhom fi Kristu.

F’dan il-kuntest aħna nagħrfu l-għaqal ta’ Pawlu VI, li osserva li huwa permezz tat-talb li l-insara jakkwistaw l-ewwel frott tal-Ispirtu, li huwa l-ferħ: “L-Ispirtu Santu jipprovoka talba filjali li tiġi mill-qiegħ tar-ruħ u tesprimi ruħha f’tifħir, iżżi ħajr, riparazzjoni u supplika. Allura nkunu nistgħu nisperimentaw ferħ li huwa tassew spiritwali, il-ferħ li huwa frott tal-Ispirtu Santu. Dan huwa l-ferħ ta’ min isib fl-ispirtu uman mistrieħ u sodisfazzjon profond fil-pussess ta’ Alla Wieħed u Tlieta, magħruf mill-fidi u maħbub bil-karità li tiġi Minnu” (Pawlu VI, Gaudete in Domino, III).

Il-preżenza ta’ dan il-ferħ madankollu ma teskludix il-possibiltà tat-tbatija. San Pawl minnufih jenfasizza dan il-fatt meta jgħid li tipparteċipa fil-filjolanza ta’ Kristu tfisser li tieħu sehem ukoll fit-tbatija tiegħu. Għaliex li tigglorifika ruħek fi Kristu huwa li tigglorifika ruħek fis-Salib tiegħu (cf. Gal 6,14). Jekk infittxu li napprofondixxu r-relazzjoni tagħna mal-Missier fl-Ispirtu Santu, m’għandniex nissorprendu ruħna jekk ninnutaw li m’aħniex mifhuma, ikkontestati jew saħansitra ppersegwitati minħabba l-konvinzjonijiet tagħna.

5. Disat ijiem ilu ibbejatifikajt lil Lorenzu Luiz u lil sħabu fil-Filippini. Dan ir-raġel qaddis u dawn in-nisa qaddisin għarfu sewwa s-sinifikat ta’ kliem Kristu: “La darba ppersegwitaw lili, se jippersegwitaw ukoll lilkom!” (Ġw 15,20). Imma minkejja l-oppożizzjoni li ltaqgħu magħha, kellhom fiduċja fil-gwida tal-Ispirtu Santu li sostnihom quddiem il-wiċċ tan-niket.

Din il-fidi mmarkat ukoll l-istorja tal-missjunarji f’dawn it-territorji tal-Alaska.

Ukoll huma ltaqgħu mas Salib taħt il-forma ta’ limitazzjonijiet fiżiċi, delużjonijiet u oppożizzjoni tal-isforzi tagħhom biex jiddefendu l-fidi. Spiss l-impenn tagħhom deher jiltaqà ma’ riżultati skarsi matul ħajjithom, imma ż-żrieragħ kienu miżrugħa għax-xhieda ta’ fidi li llum hija evidenti.

Maħbubin ħuti, hemm bżonn li nitgħallmu l-għaqal ta’ wlied Alla biex nafdaw u nittamaw fil-preżenza kostanti tal-Ispirtu Santu fil-Knisja. Ejjew ma nħallu qatt lilna nfusna niġu kkonfonduti mit-tbatija li tistà tidħol f’ħajjitna, imma ejjew infittxu pjuttost li nittrasformawha fid-dawl tas-Salib tas-Salvatur tagħna. Jalla l-fiduċja tagħna tkun dejjem tweġiba fl-Ispirtu Santu biex niskopru f’kull sitwazzjoni ġdida okkażjoni biex nestendu l-imħabba redentriċi ta’ Kristu.

6. Il-ġenerazzjoni tallum iġġib magħha sfidi u opportunitajiet ġodda għall-Knisja fl-Alaska.

Il-Vanġelu għandu jkun imxandar mill-ġdid kuljum, u n-nar tal-fidi għandu bżonn nifs li jħeġġu. Il-Knisja tinħtieġ nies li jippridkaw, jgħallmu u jamministraw is-sagramenti tal-imħabba ta’ Kristu. Jien ma nahsibhiex darbtejn li nitlob liż-żgħażagħ tal-Alaska biex iwieġbu għal din l-isfida. Fostkom l-Ispirtu Santu qiegħed bla dubju jitfà ż-żrieragħ tal-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Tifgawx dik is-sejħa, imma rregalaw lilkom infuskom b’mod ġeneruż għas-servizzi tal-Vanġelu ta’ Kristu.

L-Ispirtu Santu tkellem ukoll permezz tal-Konċilju Va tikan II dwar il-bżonn taż-żieda tal-involviment tal-lajċi fl-apostolat tal-Knisja. Fid-diversi ċirkustanzi ta’ ħajjithom, il-lajċi huma msejħa biex jieħdu sehem fil-missjoni tal-Knisja. Fil-familja tagħkom u fl-okkupazzjonijiet ta’ kuljum tagħkom, fl-opri tal-ħniena u tal-karità, fil-katekeżi u fil-kawża tal-ġustizzja, il-lajċi rġiel u nisa għandhom jibnu l-Knisja u jikkontribwixxu biex jikkonsagraw id-dinja. Kull membru tal-Knisja għandu kariżma speċjali li ngħatatlu mill-Ispirtu ta’ Alla għall-ġid tal-Knisja.

Kull wieħed u waħda minnhom għandhom ikunu wżati għall-benefiċċju tal-Ġisem kollu ta’ Kristu,

7. Għeżież ħbieb tiegħi fi Kristu, ejjew ma ngħejjew qatt infaħħru lill-Ispirtu Santu, sors ineżawribbli ta’ ħajjitna fi Kristu. Huwa kien preżenti fil-Knisja fl-ewwel Pentekoste, jibqà mal-Knisja llum u dejjem. Aħna fiduċjużi fil-qawwa rinforzanti tiegħu u nitgħallmu nkunu doċli fis-sekwenza ta’ triqatu. Ejjew dejjem nirrendu ruħna iktar sensibbli għall-influwenza tiegħu fuq l-azzjonijiet tagħna u dejjem lesti li nitolbu għall-assistenza Divina tiegħu:
Ejja Spirtu Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek / U ħeġġeg fihom in-nar ta’ mħabbtek. / Ibgħat l-Ispirtu tiegħek u jkunu maħluqa / U ġedded il-wiċċ tal-art. Hekk Ikun.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.