Ġwanni Pawlu II f’Nagasaki

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU Fil-PAKISTAN,IL- FILIPPINI,
GUAM (USA),IL-ĠAPPUN U ANCHORAGE (USA)
QUDDIESA BIL-MAGĦMUDIJA U L-GRIŻMA
U GĦALL-KOMMEMORAZZJONI TAL-MARTRI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Nagasaki (Il-Ġappun), 26 ta’ Frar 1981

Għeżież, ilkoll u b’mod partikolari intom, ħuti li għadkom kemm irċivejtu s-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Griżma tal-Isqof.

1. Issa li smajna is-silta tal-Vanġelu ta’ San Mattew hija ħaġa faċli għal kulħadd li jitlà ma’ Ġesù fuq il-quċċata tal-viċina Nishizaka, li l-ewwel insara tal-Ġappun sejħulha il-“għolja mqaddsa” jew l-“għolja tal-martri”. Nistgħu wkoll insejħulha il-Muntanja tal-Beatitudni ta’ Nagasaki.

Ejjew nikkuntemplaw il-figura tal-Imgħallem li sejjaħ ħdejh tant dixxipli ta’ din il-belt, sedja tal-Knisja Omm tal-Ġappun. Ġesù kellem b’imħabba lil tant segwaċi li nġabru hemm qrib is-Salib tiegħu. Is-sitta u għoxrin qaddisin protomartri, il-mitejn u ħames martri bbejatifikati minn Piju IX, u l-iktar minn erbat elef sħabhom, li l-martirju tagħhom huwa ddokumentat b’mod mill-iktar preċiż (cf. J. Laures, The Catholic Church in Japan, Tokyo [1954], pp. 178-179). Din il-kotra glorjuża, bħal dik tal-insara tal-ewwel sekli, irċeviet għarfien frisk mill-ġdid mill-Knisja, ftit tal-jiem ilu, f’Manila, fiċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni ta’ sittax il-martri oħra. Dawn il-martri sofrew f’Nishizaka fis-snin 10. 11 u 14 tal-era Kwanei, li tikkorrispondi għas-snin 1633, 1634 u 1637 tal-kalendarju nisrani li kien perijodu mmarkat mill-editt Sakoku, maħruġ mix-Shogun Tokugawa Iyemitsu.

Il-Beati l-ġodda, bħal dawk kollha li ġarrbu l-martirju, huma pproklamati “beati” minn Ġesù. Dan għaliex sofrew għall-imħabba tal-ġustizzja (cf. Mt 5,10), ġustizzja li tipperfezzjona dik biss umana. Din hija l-ġustizzja li Kristu ppridka fid-Diskors tal-Muntanja, li hija mudell ta’ ħajja għal dawk li jixtiequ jimitaw lill-Missier li jinsab fis-smewwiet (cf. Mt 5,7). Qabel mewthom, bħal dawk kollha li huma ġusti f’għajnejn Alla, huma foqra tal-ispirtu, mansweti, tolleranti, għatxana għall-ġustizzja, mimlijin ħniena, puri tal-qalb; kienu operaturi tal-paċi.

2. F’kelma waħda kienu wassala u xandara ta’ kmandament doppju ta’ mħabba, kif iddikjara Giordano Ansalone fil-proċess tiegħu: “Jiena ġejt qabel kollox għal dan il-għan, u din hija l-istess ħaġa li Kristu Sultan tiegħi jixtieq: il-għan li jgħaqqadna flimkien huwa l-imħabba li Hu u jien għandna għalikom, f’konformità mal-liġi tal-insara li hija bbażata b’mod assolut fuq l-imħabba” (Positio super Martyrio, Roma [1979], p. 334). U hija eżattament f’din il-prospettiva, u b’dawn is-sentimenti ta’ mħabba li s-sittax il-beati l-ġodda ħassew li huma Ġappuniżi mal-Ġappuniżi nsara, insara mal-insara, aħwa ma’ aħwa.

L-imħabba u l-missjoni evanġelika li mmotivaw il-martirju li għaqqadhom flimkien minn ħames nazzjonalitajiet: il-grupp tagħhom kien magħmul mhux biss minn disà Ġappuniżi, mill-gżira ta’ Kyushu u mill-belt kapitali l-qadima Kyoto, imma wkoll minn erbà Spanjoli, Franċiż, Taljan u Filippin. Guillaume Courtet u Lorenzo Ruiz infatti kienu l-ewwel u l-uniċi, li ġew minn Franza u mill-Filippini u li mietu bħala martri.

L-istess impuls ta’ mħabba għaqqad l-umli u l-kbir, it-tlettax-il mrmbru tal-Familja ta’ San Duminku, u t-tlieta l-oħra lajċi devoti. Ejjew nisimgħu waħda mix-xhieda tagħhom: “Id-don ta’ Alla li l-aktar napprezza, huwa dak li bagħatni f’dan il-Pajjiż flimkien ma’ qaddejja tiegħu hekk numerużi u kbar” (Positio, super Martyrio, p. 216). Hekk mar jikteb Lucas Alonso del Espíritu Santo, li ma’ Domingo Ibañez de Erquicia ippridka l-Vanġelu għal għaxar snin, billi wasal sal-gżira mbegħda ta’ Honshu. Ugwalment denji ta’ ammirazzjoni huma Jacopo Kyuhei Tomonaga u Tomás Hioji Rokuzayemon, missjunarji f’Formosa u fil-gżira ta’ Kyushu. L-ammirazzjoni tagħna wkoll għal Vicente Shiwozuka u Lazaro di Kyoto li minkejja li eżiljati minħabba l-Editt tal-1614, fl-1636 iddecidew li jerġgħu lura f’art twelidhom bl-iskop li jgħixu hemm, sa l-aħħar konsumazzjoni, dik il-magħmudija li kienu rċivew. Aħna naħsbu wkoll dwar Magdalena ta’ Nagasaki, il-qalbiena kollaboratriċi tal-patrijiet Agostinjani u Dumnikani, u dwar Marina ta’ Omura, li hija meqjuma min-nisa tal-Ġappun, bħala avukatessa tal-qlubija, bl-appellattiv bibbliku ta’ “mara qalbiena” (cf. Positio super Martyrio, p. 331).

3. L-imħabba ġeneruża u l-attivitajiet żelanti tal-martri kollha jispjegaw bil-qawwa tal-Ispirtu Santu li kien jaħdem fihom u li kien jipperswadihom biex jobdu l-kmandamenti tal-ktieb sagru tas- Siracide (cf. Sir 2,1-18)li smajna fl-ewwel qari ta’ din il-Quddiesa. Allura aħna nistgħu nifhmu għal kollox dak li qalu l-interpreti fil-qorti ta’ Nagasaki liż-żewġ Bugyo (imħallfin): “Sinjuri, li tgħidu lil dawn biex jiċħdu l-fidi tagħhom huwa bħal mediċina mogħtija lil bniedem agonizzant u li tgħixu mill-ġdid; fil-fatt dawn jieħdu r-ruħ u jwieġbu b’qawwa mġedda” (cf. Positio super Martyrio, p. 414).

4. L-atteġġjament meħud minnhom bħala wlied il-Knisja operanti f’nazzjon b’reliġjon differenti, kien ispirat mill-kliem ta’ San Pietru fit-tieni qari ta’ din il-Quddiesa: kienu jixtiequ li ħuthom jaraw l-opri tabin tagħhom biex jaslu li “jigglorifikaw lil Alla f’jum il-ħaqq” (1Pt 2,12). Din l-indikazzjoni apostolika ikkostitwiet l-atteġġjament klassiku tal-martri antiki fi żmien l-Imperu Ruman. Mhux inqas sinifikattiv, kien il-ġeneru ta’ ħajja li huma kienu jgħixu, fil-kuntest soċjali u politiku ta’ żmienhom, ladarba kienu jħaddnu l-Vanġelu “mhux biss permezz tal-kelma imma wkoll bil-qawwa u bl-Ispirtu Santu u b’konvinzjoni profonda” (1Ts 1,5). Hekk huma kienu jsiru għal kulħadd eżempju tal-fedeltà lejn Kristu li tiegħu kienu jistennew it-tieni miġja bit-tama u bl-imħabba.

Minn banda oħra irridu niftakru li l-Editt imqanqal mix- Shogun Tokugawa Iyeyasu, fl-1614, is-sena 17 tal-Era Keicho, kien stabilixxa: “Il-Ġappun huwa art ta’ oriġni divina” (cf. Positio super Martyrio, p. 49). L-insara ta’dak iż-żmien u tallum jistgħu jinterpretaw aħjar din id-dikjarazzjoni fl-iskola tal-Verb Inkarnat, li permezz tiegħu kollox kien maħluq, li ġie fid-dinja, dawl veru mwieled mill-Missier, biex idawwal lil kull bniedem bil-milja tal-Grazzja u tal-Verità (cf. Ġw 1,1-18).

5. B’kemm tama xtaqt inżur il-Ġappun minħabba l-beatifikazzjoni reċenti! Dan huwa Pajjiż li għal iktar minn seklu jgawdi mil-libertà reliġjuża rregalata mill-imperatur Meiji. Ġejt hawn bħala l-Isqof ta’ Ruma, seklu wara l-ftuħ mill-ġdid tal-fruntieri tal-Ġappun għall-messaġġ nisrani. Ġejt f’Nagasaki bħala pellegrin. Hawn, il-fidili ta’ mitt sena ilu, li l-antenati ta’ żewġ sekli preċedenti, ikkonservaw b’mod sigriet il-fidi tal-martri, ipperseveraw bil-qawwa msawba fuqhom mill-Vanġelu. Għall-grazzja ta’ Alla l-insara mmeditaw fuq il-Vanġelu permezz tal-misteri tar-Rużarju. Kienu jafu li kien hemm bniedem imbiegħed ħafna imsejjaħ Papa. Illum huwa jiġi biex jirrendi qima lit-tradizzjoni tal-insara ta’ Nagasaki u biex jgħid b’mod personali lid-dixxendenti tagħhom li huwa jħobbhom fil-qalb ta’ Kristu Ġesù.

Fil-Katidral ta’ Urakami, ddedikat lil Marija Immakulata, mudell sublimi tal-Knisja, osservajt il-Knisja ġdida Ġappuniża, li titlà quddiem id-dinja bħala sinjal ta’ Ġerusalem il-ġdida imżejna bi lbies festiv (cf. Ap 21,24). Knisja li fiha l-membri jilħqu l-400.000, kważi madwar l-istess numru tal-insara tal-ewwel seklu tagħha (1549-1640). U b’ferħ immens nagħti merħba fil-komunjoni tal-Knisja lill-insara l-ġodda li Kristu nnifsu sejjaħ f’dan il-jum “għad-dawl meraviljuż tiegħu” (1Pt 2,9).

Din ir-rabta bejn il-passat u l-preżent hija l-frott tal-barka ta’ Alla, tal-assistenza materna tal-Beata Verġni u tal-interċessjoni ta’ xhieda bla numru tal-Vanġelu. Din hija garanzija għal futur ferm iktar glorjuż li wieħed jistà jqabblu max-xemx, li fit-tlugħ tagħha ta’ kuljum issawwab l-ewwel dawl waqt li ddawwal u terġà tgħajjex lil din art wisq sabiħa spiss bajda bil-borra, jew roża bis-siġar taċ-ċirasa mimlijin fjuri u bil-fjuri bajdana tal-lotus.  Ir-reliġjon antika Xintuwista tagħha tindika t-triq lejn id-divinità; għalina l-insara it-triq ġa ġiet imfassla minn Kristu nnifsu li huwa Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru.

Huwa Hu Ġesù Kristu u l-grazzja tiegħu li aħna nfaħħru u nigglorifikaw f’dawn il-martri glorjużi ta’ Nagasaki.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading