Omm u għalliema tal-ħajja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 6 ta’ Settembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tas-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija. Parroċċa Marija Bambina, Mellieħa.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

It-twelid ta’ Marija ġab ferħ kbir lill-ġenituri tagħha, Sant’Anna u San Ġwakkin. Imma li ma kinux jafu l-ġenituri tagħha kien li l-ferħ tagħhom ma kienx se jibqa’ tagħhom biss, bħala ġenituri u l-familja, imma kien se jkun il-ferħ tal-poplu kollu Nisrani.

Għalhekk, aħna u nħejju ruħna għaċ-ċelebrazzjoni tat-twelid ta’ Marija, niftakru li hi ċelebrazzjoni li nagħmlu lkoll bħala Knisja għax tfakkarna f’Marija li t-twelid tagħha kien ifisser li twieldet dik li kellha tkun Omm Alla. Hi xi ħaġa hekk kbira u sabiħa. 

Fl-istess waqt, aħna f’Malta għandna din il-festa marbuta mal-Istorja ta’ pajjiżna, u marbuta b’mod qawwi. Hi marbuta ma’ avvenimenti partikulari li ġraw – l-Assedju u t-Tieni Gwerra – meta bl-interċessjoni ta’ Marija rnexxielna nirbħu – għalhekk ‘Jum il-Vitorja’ – u proprju fil-ġurnata tat-twelid tagħha. Għalhekk, għalina f’Malta hi okkażjoni ta’ ferħ kbir f’dawn il-ġrajjiet storiċi tagħna fejn tlabna l-interċessjoni tagħha.

Nixtieq li llum inħarsu lejn Marija u naraw x’tgħidilna għal ħajjitna. Insemmi tliet punti li għandhom jgħinuna fil-ħajja tagħna.

Mara li tipproteġi l-ħajja

Marija hija l-mara li tipproteġi l-ħajja. Aħna narawha sa mill-bidu nett, jiġifieri qabel ma twieled Ġesù, tfittex li tħarsu. Kienet taf li se jkollha lil Ġesù, u fittxet li tipproteġi l-ħajja tiegħu. Dejjem hekk. Anke, hawnhekk f’dan ir-rakkont li smajna skont San Mattew, meta naraw lill-maġi jersqu lejn fejn kienu Marija u t-tifel Ġesù. Nafu li fl-istorja tagħhom iltaqgħu ma’ min ried jeqirdu lil Ġesù, ried jeliminah. Imma bis-saħħa tal-kewkba li mexxiethom, u mbagħad wara kienu mwissijin f’ħolma u telqu minn triq oħra, għalhekk ma waslux għand min ried ikun jaf id-dettalji biex jelimina lil Ġesù.

Hawn naraw lil Marija tħares lil Ġesù. Hi tatna l-awtur tal-ħajja, lil Ġesù, u dejjem insibuha tipproteġi l-ħajja. F’dan lilna tagħtina eżempju sabiħ u messaġġ qawwi. Biex aħna nkunu dejjem dawk li nħarsu l-ħajja, mill-ewwel mument tagħha, jiġifieri mit-tnissil tal-ħajja, meta diġà hemm xi ħadd mhux xi ħaġa, sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha. Aħna msejħin biex ngħożżu l-ħajja. Meta nħarsu lejn Marija, naraw din l-għożża tal-ħajja.

Għalhekk il-festa tat-twelid tagħha – it-twelid hu l-innu tal-ħajja – tfakkarna f’dan. Hi r-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, ir-rebħa tal-protezzjoni tal-ħajja fuq min ried jelimina l-ħajja.

Għalliema tal-ħajja

Marija narawha wkoll bħala l-għalliema tal-ħajja, jiġifieri dik li turina kif il-ħajja li tana Alla għandna ngħixuha, u ngħixuha bl-isbaħ mod. Din Marija turihielna billi, qabel xejn, tipponta lejn Ġesù. Hawnhekk narawha turi lil Ġesù lil dawn il-maġi. Imma fil-ħajja tagħha, dejjem narawha tipponta lejn Ġesù, sal-mument meta hi tgħid fit-tieġ ta’ Kana lill-qaddejja: “agħmlu dak li jgħidilkom hu”.

X’parir tagħtina bħala għalliema tal-ħajja? Dan hu l-aqwa parir: “agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Marija setgħet tgħidha din għax hi stess hekk għexet hekk sa mill-bidu, meta laqgħet il-kelma ta’ Alla permezz tal-anġlu, u qaltlu: “Ikun minni skont kelmtek”. Hekk qalet hi, hekk għexet hi, u dan hu l-parir li tagħtina. Bħala għalliema tal-ħajja, Marija turina li fil-ħajja nimxu tajjeb meta nimxu wara Ġesù, nagħmlu dak li jgħidilna hu, għax huwa hu t-triq, il-verità u l-ħajja.

Marija turina xi tfisser meta nagħmlu dak li jrid Ġesù speċjalment dik il-ħajja mimlija mħabba tagħha, imħabba lejn kull persuna. Dejjem narawha lil Marija persuna ta’ ftit diskors, imma ta’ ħafna azzjoni ta’ mħabba; ftit diskors imma preżenza ta’ mħabba – bħalma narawha taħt is-salib, meta ma tgħid xejn imma hi l-aqwa preżenza ta’ mħabba għal binha Ġesù. Għalhekk din hi l-għalliema tal-ħajja.

Omm li takkumpanjana lejn il-ħajja ta’ dejjem

Marija hija wkoll l-Omm li takkumpanjana sal-ħajja ta’ dejjem. Mhix biss dik li turina kif ngħixu hawn, imma dik li takkumpanjana fil-mixja tagħna lejn il-ħajja ta’ dejjem. Aħna nafu li għandna Omm. Niċċelebraw bil-kbir it-twelid tagħha, hi li kellha tkun Omm Alla imma li Ġesù tahielna wkoll bħala Ommna.

Meta nafu li għandna Omm li takkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna, dan lilna jagħmlilna ħafna kuraġġ. Jgħinna biex negħlbu l-mumenti ta’ tbatija, ta’ qtigħ ta’ qalb, il-mumenti meta naraw biss dlam, il-mumenti meta jinqalgħu tant problemi fil-ħajja. Nafu li għandna din l-Omm li qed takkumpanjana, tahielna Ġesù biex tkun Ommna, bħalma ngħidulha kontinwament fit-talb tagħna: “kun inti Ommna”.

Hi l-Omm li tmexxina sal-ħajja ta’ dejjem, għax aħna nafu li l-ħajja tagħna hawnhekk hija ftit snin, min ftit u min ftit iktar, imma biex naslu s-sema pajjiżna. Marija waslet qabilna, u hi tkompli takkumpanjana sal-ħajja ta’ dejjem. Tfakkarna li hemm hi d-destinazzjoni tagħna, lil hemm mexjin, u għal hemm irridu naħdmu ukoll. Nafu li qiegħda magħna f’din il-mixja li twassalna sal-ħajja ta’ dejjem.

F’din il-quddiesa, nitolbu lil Marija: biex turina kif ngħożżu l-ħajja bħala rigal li tana Alla, il-ħajja tagħna u tal-oħrajn, tkun għalina għalliema tal-ħajja speċjalment għax twassalna għand Ġesù, u takkumpanjana bħala Omm biex naslu fejn waslet qabilna hi – fil-glorja tal-ħajja ta’ dejjem.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju  

Leave a Reply