Il-Papa jitlob għall-vittmi tal-għargħar tal-Istati Uniti …

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa jitlob għall-vittmi tal-għargħar tal-Istati Uniti, jibgħat xewqat tajba għal Rosh Hashanah kif ukoll ifakkar lil Beatu Mamerto Esquiú u fl-anniversarju tal-mewt ta’ Madre Tereża

Il-Papa Franġisku qal li qed jitlob għall-vittmi u għal dawk kollha li ġew affettwati mill-Uragan Ida, maltempata kbira li qajmet għargħar u ħsarat mifruxa.

Meta tkellem wara t-talba tal-Angelus fi Pjazza San Pietru, l-Papa qal li qed jitlob “għan-nies tal-Istati Uniti tal-Amerika li fl-aħħar jiem intlaqtu minn uragan qawwi. Jalla l-Mulej jilqa’ l-erwieħ mejtin u jappoġġja lil dawk li qed ibatu minn dan il-diżastru.”

Aktar minn 40 persuna mietu fi New Jersey, New York City, u mill-inqas 12 fi Louisiana, fejn mill-inqas 718,000 persuna għadhom mingħajr elettriku wara li l-Uragan Ida qajjem għargħar, waqqa’ siġar, u ħoloq ħsara serja.

Il-Papa dawwar il-ħsieb tiegħu lil dawk kollha li qed jippreparaw biex jiċċelebraw is-Sena l-Ġdida Lhudija, Rosh Hashanah, fil-jiem li ġejjin, “u mbagħad iż-żewġ festi ta’ Yom Kippur u Sukkot.”

“Jiena nwassal ix-xewqat tajba mill-qalb tiegħi lil ħuti kollha ta’ reliġjon Lhudija: Jalla s-Sena l-Ġdida tkun rikka fi frott ta’ paċi u tajba għal dawk li jimxu lealment fil-Liġi tal-Mulej,” huwa qal.

Rosh Hashanah se jibda filgħaxija tas-6 ta’ Settembru u jintemm fit-8 ta’ Settembru 2021. Yom Kippur hija ċċelebrata bejn il-15 u s-16 ta’ Settembru 2021, u Sukkot jibda fl-20 ta’ Settembru u jispiċċa fis-27 ta’ Settembru 2021.

Il-Papa enfasizza wkoll fuq il-Beatifikazzjoni ta’ nhar is-Sibt f’Catamarca (l-Arġentina), ta’ Mamerto Esquiú, Patri Minuri, u Isqof ta’ Cordoba. “Fl-aħħar hawn Arġentin Beatu!”, Huwa qal, u ddeskriva lil Mamerto Esquiú bħala “ħabbar żeluż tal-Kelma t’Alla, għall-edifikazzjoni tal-komunitajiet ċivili ekkleżjali.”

“Jalla l-eżempju tiegħu jgħinna biex dejjem ningħaqdu t-talb u l-appostolat, u naqdu l-paċi u l-fraternità,” qal il-Papa fejn talab għal applaws għall-Beatu l-ġdid.

Il-Papa fakkar ukoll fl-anniversarju tal-mewt ta’ Madre Tereża ta’ Calcutta, jum li huwa osservat bħala l-Jum Internazzjonali tal-Karità. Huwa estenda t-tislima tiegħu lill-Missjunarji kollha tal-Karità – l-Ordni mwaqqfa minn Madre Tereża – li, qal, huma mpenjati mad-dinja kollha “f’servizz spiss erojku”, u għamel referenza speċjali għas-Sorijiet tad-“Don ta’ Marija”, hawn fil-Vatikan.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-09/pope-angelus-us-flooding-victims-jewish-festivities-mother-teres.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.