Ir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan – Il-Ġimgħa
Qari I
Naqtgħuhielu għall-mewt tal-mistħija.
Għerf 2, 1a.12-22
Qari mill-Ktieb tal-Għerf
In-nies il-ħżiena ma ħasbuhiex sewwa, u qalu bejniethom:
“Nonsbulu lill-ġust għaliex hu ta’ xkiel għalina fi triqitna,
hu kontra l-għemejjel tagħna,
iċanfarna għax niksru l-Liġi,
jixlina għax immorru kontra t-tagħlim li ħadna.
Jgħid li jagħraf ’l Alla,
u jsejjaħ lilu nnifsu “Bin il-Mulej”.
Għalina hu ċanfira tal-fehmiet tagħna;
narawh biss taħt għajnejna, idejjaqna.
Għax mhijiex bħal tal-oħrajn ħajtu,
u ma tixbah lil ħadd l-imġiba tiegħu.
Lilna jgħoddna ta’ nies foloz,
jistmell drawwietna bħal ħaġa moqżieża.
Hieni jsejjaħ it-tmiem tal-ġusti,
u jiftaħar li Alla missieru.
Ħa naraw hux veru kliemu,
naraw fl-aħħar x’se jsir minnu.
Jekk il-ġust hu iben Alla, jaqbeż għalih Alla,
u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu.
Inġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija,
biex naraw xi tjubija għandu u nkejlu sa fejn jasal sabru.
Naqtgħuhielu għall-mewt tal-mistħija,
għax, kif jgħid hu, għandu min iħarsu”.
Hekk ħasbuha, imma tqarrqu;
mogħmija minn ħżunithom.
Ma fehmux il-ħsibijiet moħbija ta’ Alla,
ma basrux li hemm il-ħlas għall-qdusija,
lanqas m’għarfu li hemm premju għal min hu bla ħtija.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 33 (34), 17-18.19-20.21 u 23
R/. (19a): Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma
Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.
Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom. R/.
Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.
Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,
iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej. R/.
Iħarislu għadmu kollha,
ebda waħda ma titkissirlu.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 4, 4b
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Fittxew li jaqbdu lil Ġesù, iżda s-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.
Ġw 7, 1-2.10.25-30
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù baqa’ jdur fil-Galilija, għax ma riedx joqgħod idur fil-Lhudija billi l-Lhud kienu qegħdin ifittxu li joqtluh. Kienet qorbot għal-Lhud il-festa tal-Għerejjex. Wara li ħutu telgħu għall-festa tela’ hu wkoll, mhux bid-dieher, imma bil-moħbi. Xi wħud min-nies ta’ Ġerusalemm qalu: “Dan mhuwiex dak li qegħdin ifittxuh biex joqtluh? Araw, b’wiċċu minn quddiem qiegħed jitkellem, u ħadd ma hu jgħidlu xejn. Jaqaw tassew li l-kbarat għarfu li dan hu l-Messija? Imma dan nafu minn fejn hu; il-Messija, meta jiġi, ħadd ma jkun jaf minn fejn ikun ġej”.
Ġesù, huwa u jgħallem fit-tempju, għolla leħnu u qal: “Intom lili tafuni, u tafu wkoll minn fejn jien. Jiena ma ġejtx minn rajja, imma hemm wieħed tassew li bagħatni, wieħed li intom ma tafuhx. Jiena nafu, għax jien mingħandu ġej, u kien hu li bagħatni”.
Huma fittxew jaqbduh, iżda ħadd minnhom ma medd idejh fuqu, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu