Ġwanni Pawlu II fid-djoċest ta’ Terni.

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI FID-DJOĊESI TA’ TERNI
QUDDIESA GĦALL-FAMILJI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Terni, 19 ta’ Marzu 1981

1. “Beatu min jgħammar fid-dar tiegħek (Mulej): dejjem jgħanni t-tifħir tiegħek” (Sal 84,5).

Għeżież ħuti!

Wara l-laqgħa ta’ filgħodu fuq il-post tax-xogħol, qegħdin issa miġbura f’dan l-istadju kbir biex nieħdu sehem fl-Ewkaristija. Mill-ġdid għal darb’oħra nixtieq nesprimilkom gratitudni, għaliex fil-jum li fih il-Knisjsa tqim lil San Ġużepp, “raġel ġust”, li ġewwa Nażżaret ħadem qrib il-bank tal-mastrudaxxa, ingħata lili li niltaqà magħkom. Dik il-laqgħa tagħna kienet iċċentrata fuq il-problema kbira tax-xogħol uman, li għalih fil-ġurnata tallum, b’mod partikolari jiddirieġi l-ħsibijiet u l-qlub tagħna.

Hawn insellmilkom għat-tieni darba, f’ċirku iktar wiesà; akkumpanjati mill-familji tagħkom, min-nisa tagħkom u minn uliedkom, mill-familjari tagħkom, qrabatkom, il-ġirien u dawk li jafukom. Ġużeppi ta’ Nażżaret, “raġel ġust”, li s-sollennità tiegħu tippermettilna li nħarsu bl-għajnejn tal-fidi lejn il-kawża kbira tax-xogħol uman – huwa fl-istess ħin kap tad-dar, kap tal-familja: tal-Familja Mqaddsa, hekk kif kull wieħed minnkom għeżież ħuti, huwa raġel miżżewweġ u missier, mara miżżewġa u omm, responsabbli tal-familja u tad-dar.Hemm rabta mill-qrib bejn ix-xogħol u l-familja: bejn ix-xogħol tagħkom u l-familja tagħkom, San Ġużepp huwa, b’titlu speċjali, patrun ta’ din ir-rabta. U għalhekk huwa sewwa li, wara l-laqgħa tagħna ta’ dalgħodu, li ratna miġburin madwar il-bank tax-xogħol tagħkom, nistà niltaqà magħkom  hawn biex niddedika l-quddiesa tas-sollennità ta’ San Ġużepp lill-familji. Għal kull familja u għall-familji kollha.

Propju lil dawn il-familji nixtieq nistieden b’mod l-iktar kordjali lill-komunità ewkaristika li tesprimi “l-unità familjari ma’ Alla”, Missier Ġesù Kristu u Missierna, u fl-istess ħin timmanifesta l-unità reċiproka tal-bnedmin, b’mod speċjali ta’ dawk li jikkostitwixxu familja waħda..

2. L-Ewkaristija timmanifesta u twettaq l-unità familjari tal-Knisja kollha. Biex tieħu sehem fis-sagrifiċċju ta’ Kristu, biex tmantni ruħha b’Ġismu u b’Demmu, il-Knisja tingħaqad bħal familja waħda qrib il-mejda tal-Kelma Divina u qrib il-mejda tal-Ħobż tal-Mulej.

Illum f’din l-assemblea ewkaristika sollenni, qiegħda tieħu sehem, b’mod speċjali, il-Knisja kollha ta’ Terni, Narni u Amelia.

Nixtieq insellem b’mod kordjali lil din il-Knisja bħala l-familja tal-Poplu ta’ Alla mal-Isqof Qaddis Bartolomeo Quadri, li huwa r-ragħaj tagħha flimkien mal-presbiterju kollu. Insellem lill-membri tal-Kapitoli, l-edukaturi tas-Seminarju, lill-kappillani u lill-korrooboraturi tagħhom, Insellem ukoll lir-reliġjużi rġiel u nisa tal-Ordnijiet u tal-Kongregazzjonijiet, li jiżvolġu l-operazzjoni tagħhom fiż-żona, billi jagħtu l-kontribut tagħhom prezzjuż għall-edifikazzjoni tal-Poplu ta’ Alla. Nestendi ħsieb rispettuż lill-Awtoritajiet ċivili li riedu jonoraw bil-preżenza tagħhom din iċ-Ċelebrazzjoni tagħna. Kelma ta’ tislima rrid nirriservaha għar-rappreżentanza tal-parroċċa terremotata ta’ Castelnuovo di Conza, li magħha il-fidili ta’ din l-art huma marbutin b’mod ta’ min ifaħħru f’ġemellaġġ ta’ solidarjetà.

Insellem mill-ġdid b’kordjalità speċjali lil-lajċi mpenjati fl-apostolat, b’mod speċjali dawk fosthom li aċċettaw li jinserixxu ruħhom b’mod attiv fid-diversi forom assoċjati operanti fil-livell kemm dijoċeżan kif ukoll parrokkjali. U nsellem liż-żgħażagħ, li qiegħed nara hawn preżenti tant numerużi: jalla huma jkunu jafu jikkonservaw il-qalb dejjem miftuħa għall-valuri mħabbra fil-Vanġelu, waqt li jimpenjaw ruħhom fuqhom ġejjieni iktar dehen tal-bniedem, Fl-aħħarnett, tislima lill-fidili kollha ta-Komunità dijoċeżana li, fit-twettiq ta’ kuljum tad-dmirijiet tagħhom familjari u soċjali, jixhdu quddiem ħuthom is-saħħa tal-konvinzjonijiet insara tagħhom.

Il-Knejjes ta’ Terni, Narni u Amelia jistgħu jiftaħru bi tradizzjonijiet antiki ta’ fidi  issiġillati bid-demm ta’ Martri distintti:  Valentinu, Ġovenale, Firmina huma ismijiet magħrufa sewwa għalikom, li jqanqlu tifkira ta’ żminijiet diffiċli, li fihom l-aċċettazzjoni ta’ Kristu mhux rari li kienet titlob is-sagrifiċċju tal-ħajja stess. L-eżempju ta’ qawwa qalbiena li l-qaddisin Patruni tagħkom ħallewlkom bħala wirt dejjiemi, ikun, għal; kull iben ta’ din l-art, inċitament kostanti għal dik il-koerenza kuraġġuża ta’ ħajja li mingħajrha mhux possibbli li nħossu li aħna nsara awtentiċi.

Fuq l-eżempju ta’ dawk l-insara tal-qedem li mietu għall-fidi, kunu afu intom, illum għixu bil-fidi!

3. Il-qari tal-Vanġelu skont San Matteew jistedinna biex nimmeditaw dwar waqt speċjali tal-Hajja ta’ Ġużeppi ta’ Nażżaret, waqt mimli kontenut divin u fl-istess ħin ta’ verità umana profonda. Naqraw: “Dan huwa kif seħħ it-twelid ta’ Ġesù Kristu: ommu Marija, billi kienet imwegħda b’għarusa lil Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien sabet ruħha tqila bl-opra tal-Ispirtu Santu” (Mt 1,18). Meta nisimgħu dan il-kliem, jiġina f’moħħna dak l-ieħor magħruf sewwa, li nirreċtaw kuljum, fit-talba ta’ filgħodu, ta’ nofsinhar u ta’ filgħaxija: “L-Anġlu tal-Mulej wassal l-aħbar lil Marija u hija kkonċepiet bl-opra tal-Ispirtu Santu”.

Bl-opra tal-Ispirtu Santu kien ikkonċeput l-Iben ta’ Alla biex isir bniedem: bin Marija.

Dan kien il-misteru tal-Ispirtu Santu u ta’ Marija. Il-Misteru tal-Verġni, li għall-kliem tal-Annunzjazzjoni wieġbet “Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont dak li għidtli” (Lq 1,38).

U hekk seħħ: “Il-Verb sar bniedem u ġie jgħammar f’nofsna” (Ġw 1,14). U fuq kollox ġie jgħammar fil-ġuf tal-Verġni li – għallkemm baqgħet verġni – saret omm: “sabet ruħha tqila bl-opra tal-Ispirtu Santu” (Mt 1,18).

Dan kien il-misteru ta’ Marija. Ġużeppi ma kienx jaf dan il-misteru. Ma kienx jaf li f’Dik li tagħha kien l-għarus, ukoll jekk, skont il-liġi Lhudija kien għadu ma laqagħhiex taħt is-saqaf tiegħu, kienet twettqet dik il-wegħda tal-Fidi magħmula lil Abraham, li dwarha jitkellem fit-tieni qari tallum San Pawl. Li fiha jiġifieri, f’Marija mir-razza ta’ David, kienet twettqet il-profezija li darba waħda il-Profeta Natan kien indirizza lil David. Il-profezija u l-wegħda tal-Fidi, li t-twettiq tagħha kien mistenni mill-Poplu kollu, l-Iżrael tal-għażla divina u tal-umanità kollha.

Dan kien il-misteru ta’ Marija. Ġużeppi ma kienx jaf dan il-misteru. Linqas ma setgħet tgħaddihulu Hi, għaliex kien misteru superjuri għall-ħila tal-intellett uman u għall-possibiltà tal-lingwa umana. Setà biss jiġi aċċettat mingħand Alla, u temmen, hekk bħal ma emmnet Marija.

Ġużeppi ma kienx jaf dan il-misteru u minħabba dan internament kien ibati ħafna ħafna. Naqraw: “Ġużeppi l-għarus tagħha, li kien raġel ġust u ma riedx jiċħadha, iddeċieda li jibgħatha bil-moħbi” (Mt 1,19).

Imma wasal ċertu lejl, meta Ġużeppi wkoll emmen. Kienet indirizzata lilu l-kelma ta’ Alla u sar ċar għalih il-misteru ta’ Marija, ta’ għarustu u martu. Huwa emmen li, hekk hu, Fiha kienet twettqet il-wegħda tal-Fidi magħmula lil Abraham u l-profezija li kien semà s-Sultan David (it-tnejn, Ġużeppi u Marija, kienu mir-razza ta’ David).

“Ġużeppi, bin David, la tibżax tieħu miegħek lil Marija, l-għarusa tiegħek, għaliex dak li hu ġġenerat ġewwa fiha ġej minn l-Ispirtu Santu. Hija twelled Iben u int ssemmih Ġesù: Huwa, infatti, se jsalva l-poplu tiegħu minn dnubietu” (Mt 1,20-21).

“Meta qam mir-raqda – jikkonkludi l-Evanġelista – Ġużeppi għamel kif amarlu l-Anġlu tal-Mulej” (Mt 1,24).

4.Aħna, hawn miġbura, nisimgħu dan il-kliem u nqimu lil Ġużeppi, raġel ġust. Ġużeppi li ħabb lil Marija b’mod iktar profond, mid-dar ta’ David, għaliex aċċetta l-misteru kollu tagħha.

Ejjew inqimu lil Ġużeppi, li fih ġiet riflessa iktar pjenament milli fil-missirijiet kollha ta’ din l-art il-Paternità ta’ Alla nnifsu. Ejjew inqimu lil Ġużeppi li lill-Verb Etern bnielu d-dar familjari fuq din l-art, hekk kif Marija tatu l-ġisem uman. “Il-Verb sar bniedem u ġie jgħammar f’nofsna” (Ġw 1,14).

Minn dan il-misteru kbir tal-fidi ejjew niddirieġu ħsibijietna lejn djarna, lejn tant koppji u familji. Ġużeppi ta’ Nażżaret huwa rivelazzjoni speċjali tad-dinjità tal-paternità umana!

Ġużeppi ta’ Nażżaret, il-mastrudaxxa, il-bniedem tax-xogħol. Aħsbu dwar dan intom, propju intom, bnedmin tax-xogħol ta’ Terni, ta’ Narni, ta’ Amelia u tal-Italja kollha u tal-Ewropa kollha u tad-dinja kollha. Dwar id-dinjità tal-paternità umana – dwar ir-responsabiltà tal-bniedem, raġel miżżewweġ u missier, kif ukoll dwar xogħlu – bastun tal-familja. Ġużeppi ta’ Nażżaret jagħtina xhieda.

Il-kliem li Alla jindirizza lilu: “Ġużeppi, bin David, tibżax tieħu miegħek lil Marija, l-għarusa tiegħek” (Mt 1,20) mhumiex jewwilla ndirizzati lil kull wieħed minnkom? Għeżież ħuti, rġiel miżżewġin u missirijiet tal-familja! “Tibżgħux tieħdu…”, tabbandunaw! Hekk ingħad fil-bidu: “Għalhekk ir-raġel jabbanduna lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu” (Ġen 2,24). U Kristu jżid: “Il-bniedem mela ma jifridx dak li rabat Alla” (Mk 10,9). Is-solidarjetà tal-familja, l-istabilità tagħha hija waħda mill-affarijiet tajbin fundamentali tal-bniedem u tas-soċjetà. Fil-bażi tas-solidarjetà tal-familja hemm l-indissolubiltà taż-żwieġ; jekk il-bniedem, jekk is-soċjetà jfittxu t-toroq li jċaħħdu ż-żwieġ mill-indissolubità tiegħuu l-familja mis-solidarjetà tagħha, allura jaqtgħu kważi l-għerq stess ta’ saħħitha, jiċċaħħdu minn waħda mill-affarijiet fudamentali, li fuqhom hija mibnija l-ħajja umana.

Ħuti l-għeżież! Dak il-leħen, li semà Ġużeppi ta’ Nażżaret f’dak il-lejl deċiżiv ta’ ħajtu, jasal dejjem lilkom, b’mod speċjali meta jhedded il-periklu tal-qerda tal-familja” “La tibżgħux tipperseveraw”! “La tabbandunawx”! Ġibu ruħkom bħal kif għamel dak il-raġel ġust.

5. Ġużeppi, bin David, la tibżax tieħu miegħek lil Marija u dak li hu ġġenerat fiha (cf. Mt 1,20). Hekk jgħid Alla l-Missier lir-raġel li miegħu, f’ċertu mod, qasam il-paternità tiegħu. Alla, għeżież ħuti, jaqsam f’ċertu sens il-paternità ma’ kull wieħed minnkom. Mhux bil-mod misterjuż u soprannaturali, li bih għamel ma’ Ġużeppi ta’ Nażżaret… U bdanakollu kull paternità umana Minnu tieħu l-bidu tagħha, u Fih issib il-mudell tagħha. Il-paternità umana tagħkom, għeżież ħuti, tingħaqad dejjem mal-maternità. U dak li jkun ikkonċeput fil-ġuf tal-mara-omm jgħaqqad lilkom miżżewġin, raġel u mara, b’rabta speċjali li Alla-Ħallieq tal-bniedem bierek sa “mill-bidu”. Dan huwa b’rabta tal-paternità u tal-maternità, li tifforma ruħha mill-waqt li fih ir-raġel, ir-raġel miżżewweg, isib fil-maternità tal-mara l-espressjoni u l-konferma tal-paternità umana tiegħu.

Il-paternità hija responsabiltà għall-ħajja: għall-ħajja l-ewwel ikkonċeputa fil-ġuf tal-mara, imbagħad mogħtija għad-dawl, għaliex fiha jirrivela ruħu bniedem ġdid, li huwa demm minn demmkom u ġisem minn ġisimkom. Alla li jgħid: “la tabbandunax lill-mara, martek”, jgħid fl-istess ħin “ilqà l-ħajja kkonċeputa fiha”! L-istess kif qal lil Ġużeppi ta’ Nażżaret, ukoll jekk Ġużeppi ma kienx il-missier karnali ta’ Dak, li kien ikkonċeput bl-opra tal-Ispirtu Santu f’Marija Verġni.

Alla jgħid lil kull raġel: “ilqà l-ħajja kkonċeputa bl-opra tiegħek! La tippermettix li tiġi meqruda!”

Alla jgħid dan bil-leħen tal-kmandamenti tiegħu, bil-leħen tal-Knisja. Imma huwa jgħid dan b’mod speċjali bil-leħen tal-kuxjenza. Il-leħen tal-kuxjenza umana. Dan il-leħen huwa uniku, minkejja dak kollu li nagħmlu biex ninpedixxu s-smigħ u biex nifgawh, jiġifieri sabiex ir-raġel ma jismax u l-mara ma tismax dan il-leħen sempliċi u ċar tal-kuxjenza.

Il-bnedmin tax-xogħol, il-bnedmin tax-xogħol iebes jagħrfu dan il-leħen sempliċi tal-kuxjenza.

Dak li huma jisimgħu bil-mod l-iktar profond hija appuntu dik ir-rabta li tgħaqqad ix-xogħol u l-familja. Ix-xogħol huwa għall-familja, la darba x-xogħol huwa għall-bniedem (u mhux viċi-versa) u propju l-familja u qabel kollox il-familja hija l-post speċifiku tal-bniedem. Huwa l-ambjent li fih jiġi konċeput, jitwieled u jimmatura; l-ambjent li għalih huwa jassumi ir-responsabiltà l-iktar serja, li fih huwa jitwettaq ta’ kuljum; l-ambjent tal-feliċità terrena tiegħu u tat-tama umana. U għalhekk illum, fil-jum ta’ San Ġużepp, waqt li nagħrfu l-qlub tal-bnedmin tax-xogħol, l-onestà u r-responsabiltà tagħhom, nesprimi l-konvinzjoni li appuntu huma jassikuraw u jikkonsolidaw dawn iż-żewġ ħwejjeġ fundamentali ta’ ġid tal-bniedem u tas-soċjetà: is-solidarjetà tal-familja u r-rispett tal-ħajja kkonċeputa taħt il-qalb tal-omm.

6. “Imbierek min jgħammar f’darek, Mulej” (cf. Sal 84,5).

Nawguralkom, għeżież ħuti, il-feliċità. Nawguralkom dik il-feliċità li toħroġ mill-kuxjenza pura. Nawguralkom dik il-feliċità li toffri l-qiegħa tal-fuklar domestiku (id-dar fejn tinġabar il-familja). Mid-dar Nażżaretana ta’ Ġużeppi, ta’ Marija, ta’ Ġesù, minn dak il-bank tax-xogħol modest, magħquda magħha, infassal fil-ħsieb u fil-qalb kważi linja kontinwa sa dawn  l-arsenali tax-xogħol industrijali, li fihom intom titħabtu – u nwassalha iktar ‘il hemm: sa djarkom, sal-familji tagħkom. Jalla fihom issaltan il-feliċità li tiġi minn Alla. Jalla tkun iktar qawwija mill-provi kollha tal-ħajja, li qatt mhu nieqes minnhom il-bniedem fuq l-art. U fuq kollox jalla fi djarkom. Fil-familji tagħkom jimmatura l-bniedem skont il-qies propju tad-dinjità tiegħu.

Tad-dinjità li tah Ġesù ta’ Nazzaret… Ġesù li dwaru n-nies kienu jitkellmu bħala “bin il-mastrudaxxa” (Mt 13,55), waqt li Hu kien mill-istess sustanza tal-Missier, Bin Alla li nkarna ruħu u twieled bħala bniedem mill-Verġni Marija bl-opra tal-Ispirtu Santu.

U kiber f’Nażzaret maġemb Ġużeppi, Taħt għajnejh għassiesa u attenti.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: