Qari tal-Erbgħa tar-Raba’ Ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Ir-Raba’ Ġimgħa tal-Għid – L-Erbgħa

Qari I

Agħżluli malajr lil Barnaba u lil Sawl.

Atti 12, 24 – 13, 5a

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, il-kelma ta’ Alla baqgħet tikber u toktor. Barnaba u Sawl, wara li temmew il-ministeru tagħhom f’Ġerusalemm, reġgħu lura u ħadu magħhom lil Ġwanni, li jgħidulu wkoll Marku.

Fil-Knisja ta’ Antjokja kien hemm xi profeti u għalliema: Barnaba, Xmun li jgħidulu Niger, Luċju minn Ċireni, Manahen li kien trabba ma’ Erodi t-tetrarka, u Sawl. Darba, waqt li kienu qegħdin iqimu lill-Mulej u jsumu, l-Ispirtu s-Santu qalilhom: “Agħżluli malajr lil Barnaba u lil Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom”. Imbagħad, wara li samu u talbu, qiegħdu jdejhom fuqhom u bagħtuhom. Għalhekk huma, mibgħuta mill-Ispirtu s-Santu, niżlu Selewkja, u minn hemm telqu bil-baħar għal Ċipru. Meta waslu Salamina, bdew ixandru l-kelma ta’ Alla fis-sinagogi tal-Lhud.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 66 (67), 2-3.5.6 u 8

R/. (4): Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Iħenn għalina Alla, u jberikna;

idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu!

Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. R/.

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,

għax trieġi l-popli bis-sewwa,

u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom. R/.

Ifaħħruk il-popli, o Alla,

ifaħħruk il-popli kollha.

Iberikna Alla, u tibża’ minnu

l-art kollha minn tarf għall-ieħor! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 8, 12

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;

min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Jiena huwa d-dawl li ġejt fid-dinja.

Ġw 12, 44-50

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù għolla leħnu u qal: “Min jemmen fija jkun qiegħed jemmen mhux fija imma f’min bagħatni; u min jara lili jkun qiegħed jara lil min bagħatni. Jiena huwa d-dawl li ġejt fid-dinja biex kull min jemmen fija ma jibqax fid-dlam. Min jisma’ kliemi u ma jħarsux, jiena ma nagħmilx ħaqq minnu, għax jien ma ġejtx biex nagħmel ħaqq mid-dinja, iżda biex insalva d-dinja.

Min imaqdar lili u ma jilqax kliemi, hemm min jagħmel ħaqq minnu: il-kelma li jiena għedt; tkun hi li tagħmel ħaqq minnu fl-aħħar jum. Għax jien ma għedt xejn minn moħħi, imma kien dak li bagħatni, jiġifieri l-Missier, li ordnali xi ngħid u nitkellem. U jiena naf li l-ordni tiegħu hija l-ħajja ta’ dejjem. Dak li ngħid jien, ngħidu kif qalli l-Missier”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu