X’se nagħti lil ommi f’Jum l-Omm ?

Kitba ta’ Patri Juan De Bono ocd

It-tfal kibru issa !!

Bil-Malti ngħidu: “Meta l-qalziet tal-missier jiġi lit-tifel, il-missier jista’ jmur jindifen”. Ngħidu wkoll, li “musmar ġdid jaqla’ l-antik”.

Hekk kif l-ulied jibdew jikbru, hekk kif jibdew jitfarfru, hekk kif jitwalu li jiġu aktar twal mil-ġenituri tagħhom u jibdew kif ngħidu ‘jieklu minn fuq rashom’, spiss ninnota b’niket li l-ġenituri jibdew jiġu bil-mod il-mod mogħtija l-ġemb.

Kont tiddependi mil-ġenituri għal kollox

Mela filli t-tarbija tkun fil-ġuf ta’ ommha u kull moviment tat-tarbija jsir f’sinkronija ma’ dik tal-omm. Filli l-omm tgħaddi siegħat twal ta’ tbatija biex twelled lil binha jew lil bintha. Filli l-ġenituri ma jibqgħux jirnexxilhom jorqdu lejl sħiħ għax it-tarbija tibda tqajjimhom kull sagħtejn. Filli kull ma l-ulied ikollhom bżonn, dawn iduru lejn il-ġenituri tagħhom u dawn jipprovduhilhom.

Minn tifel/tifla isiru raġel/mara

Filli f’daqqa waħda mbagħad l-ulied jiltaqgħu ma’ tfajla jew ma ġuvni, u dawn is-sħab ġodda jibdew jieklu mill-imħabba, l-affett u l-attenzjoni li qabel kienet merfugħha lil ġenituri.

F’daqqa waħda l-ulied jibdew jaħdmu u bil-flus fil-but jibdew iħossuhom li issa ġaladarba jaqilgħu l-flus, u forsi jaqilgħu aktar flus mill-istess ġenituri tagħhom, jibdew iħossu li huma ‘superjuri’ għal istess ġenituri tagħhom, dawk l-istess ġenituri li mingħajrhom huma lanqas biss kienu jkunu jafu jimxu, jaqraw u jgħoddu l-flus li jkunu qegħdin jaqilgħu.

Il-ġenituri jikbru u jibdew jimirdu

Jibdew imbagħad il-ġenituri jikbru, jibdew jimirdu u jispiċċaw ġurnata aktar dgħajfin minn oħra.

U din ir-rejalta’ tibda tfakkar lill ulied li mhux fil-bogħod anki huma se jispiċċaw f’dak l-istat, u dan iwassal biex uħud mill-ulied lanqas ikunu jixtiequ jaraw aktar lil ġenituri tagħhom.

Int li meta kellek riħ ħafif, ommok u missierek kien ma jorqdux bl-inkwiet tal-mard tiegħek, issa dik l-istess omm jew missier li kibru saru huma għandhom bżonnok.

Jum l-Omm

Il-Ħadd li ġej niċċelebraw Jum l-Omm.

Kemm fjuri għal fuq l-oqbra se jitqiegħdu nhar il-Ħadd, kemm se jinħarġu ommijiet għall-ikel, u kemm ċukkulatini, ilbiesi jew t-shirts se jingħataw.

Imma l-aħwa, ibqa’ żgur li l-ommijiet MA JRIDU XEJN MINN DAN.

L-ommijiet min-natura tagħhom jagħtu jixtiequ u mhux jirċievu.

Ma’ INĦOBBOK

Nhar il-Ħadd, u jekk niġu f’dan KULLJUM, mur żur lil ommok u għidilha ‘MA’ INĦOBBOK’.

Tawk kollox ommok u missierek biex int sirt dak li sirt, imma huma ma jistennew xejn lura, ħlief ftit mill-imħabba li huma stess tawk dejjem.

Il-fjuri jinxfu, iċ-ċukkulatini jdubu, l-ikla tiġi diġerita, imma L-IMĦABBA MA TMUT QATT.

Int u taħseb x’se tagħti lil ommok nhar il-Ħadd, ftakar li l-aktar ħaġa prezzjuża li tista’ tagħtiha ma tiswiex flus; HI BEWSA MIL-QALB.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading