Ċempiltlek biex tberikni!

Print Friendly, PDF & Email

Kont qiegħed għall-kwiet fil-kamra tal-Patri fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. F’jum mill-isbaħ tas-sajf. Waqt li qed inħejji biex inqaddes il-quddiesa.

Meta ċempel il-mowbajl. Hawn Patri! Jien it-tali! Għall-ewwel ħsibtu xi ħaddieħor. Għalhekk leħni donnu mar f’dik id-direzzjoni. Sakemm, l-Ispirtu s-Santu, ta’ Alla li hu, ġabni f’sensieh. Hawn ħi! Mela int?! weġibtu. Kif aħna? Minn leħnu intbaħt li ħa gost mill-mod kif il-Mulej tani grazzja nkellmu. Patri, bdieli. Qed inċempillek biex tberikni. Illum binti ħa tiżżewweġ u nixtieqek ħafna li tberikni.

It-talba tiegħu messittli qalbi. Kienet talba magħmula mill-qalb u b’fidi ta’ raġel li lill-Mulej f’ħajtu iridu bl-għeruq u x-xniexel. Emmnuni ħbieb! Xi stajt nagħmel quddiem talba umli u safja bħal din? Nibqa’ kiesaħ silġ? Infettaq fuq il-kif u l-għaliex? Jew inkella, bħall-Missier li telaq jiġri x’ħin ra lill-ibnu ġej mill-bogħod għax tħassru u aqta’ kif għannqu miegħu u mlieh bil-bews, jien ukoll inħalli lil dan il-Missier, il-Missier ta’ kulħadd (Efes 4:6), jagħmel l-istess ħaġa ma’ dan ħuna? Ma stajtx ħbieb nagħmel mod ieħor għajr li nsegwi din it-triq!

Għalhekk, maħkum mill-ferħ tal-Missier li jħobb lill-uliedu kollha, hi x’inhi s-sitwazzjoni tagħhom, talbt miegħu fuq il-mowbajl u tajtu l-barka. Aqta’ kemm feraħ! U qalli: Issa, la jgħaddi t-tieġ, ejja s’għandna! Niġi għalik! X’apprezzament! X’qalb miftuħa! Xi bniedem li jaf iħobb!

Din l-esperjenza, fakkrittni f’dak li jgħid Papa Franġisku stess f’intervista li kellu mill-ġurnalist tal-Vatikan Andrea Tornelli u li ġiet ippubblikata fi ktieb li jismu: The name of God is mercy, nhar l-1 ta’ Diċembru 2016, meta jgħid: Inħossni fid-dmir ngħid lill-konfessuri: tkellmu, isimgħu bis-sabar, u fuq kollox għidu lin-nies li l-Mulej iħobbhom. U jekk konfessur ma jistax jagħti l-assoluzzjoni lill-persuna, għandu jfisser l-għaliex, u għandu jagħtihom il-barka, anki mingħajr is-sagrament imqaddes. L-imħabba tal-Mulej teżiżti anki għal dawk li m’humiex disposti li jirċevuha. Dak ir-raġel, dik il-mara, dak it-tifel, dik it-tifla, huma ilkoll maħbuba mill-Mulej, huma mfittxa mill-Mulej, huma fil-bżonn tal-barka (p. 17).

Int min int Patri Mario biex ma tberrikx lil kulħadd? Int min int biex iċċaħħad il-barka tal-Mulej lil xi ħadd? X’taħseb li int int? U, jekk int qaddej, ibqa’ aqdi u qatt tagħmilha tas-Sid! Għax is-Sid wieħed hu, Ġesù, li għalih is-Salm 116 vers 5 jgħidilna: Ħanin il-Mulej, u ġust;
twajjeb hu Alla tagħna.

U int, għażiż ħija Patri u Qassis, nitolbok biex miegħi tbierek lil kulħadd. Għax il-barka tiegħek ħadd u ħadd ma jista’ jagħtiha għajr … int! Għalhekk ċempiltlek … biex tberikni!

Patri Mario Attard OFM Cap