Il-Papa jistieden lill-katekisti għal alfabett ġdid

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Settembru, il-Papa Franġisku indirizza lill-katekisti f’laqgħa bit-tema “Katekeżi u Katekisti għal Evanġelizzazzjoni ġdida”. Din il-laqgħa fakkret l-ewwel sena mill-pubblikazzjoni tad-direttorju ġdid għall-katekeżi.

Ara d-diskors tal-Papa Franġisku lill-Katekisti …

Il-Papa qal li żewġ kwalitajiet meħtieġa fil-katekeżi huma l-“passjoni” u “l-kreattivita”. Filwaqt li l-katekeżi hi tradizzjoni, trid tkun ħajja u mhux ripertorju storiku. Fil-katekeżi hi importanti l-libertà tal-qalb biex fit-taħbira tal-kelma jkun hemm ftuħ għal ħwejjeġ ġodda.

Il-Papa fakkar fil-Kungress Ewkaristiku ta’ Budapest u għamel emfasi li hu sewwasew fil-misteru Ewkaristiku li nsibu l-forza u l-ħeġġa għat-taħbira tal-Vanġelu. Il-Papa nsista fuq il-laqgħa mal-oħrajn, fuq is-smigħ tal-ħajja u tar-realtajiet tagħhom.

Il-Papa eżorta lill-katekisti biex jiftakru li l-imħabba ta’ Kristu ma titlaqniex. Stieden biex ma nibqgħux marbutin mal-“bagalja” ta’ tweġibiet “konfezzjonati” (diġà lesti). “Tajjeb”, qal il-Papa, ‘li jkollna tweġibiet, imma noqogħdu attenti li ma jkollniex qalbna, l-atteġġjament tagħna u wiċċna diġa preparati għat-tweġiba”.

Kompla li “tisma’ tassew meta tqiegħed ħdejn xulxin dawk il-kulturi, il-lingwaġġi, u fuq kollox dak li ma tgħidx u dak li ma tesprimix, mal-Kelma t’Alla, b’Ġesù Kristu bħala l-Vanġelu ħaj. Għall-Papa Franġisku huwa dan il-kompitu l-aktar urġenti tal-Knisja fost il-popli tal-Ewropa.” Qal li “t-tradizzjoni kbira Nisranija ta’ dan il-kontinent ma tistax issir ripertorju storiku, inkella mhix aktar tradizzjoni, għax it-tradizzjoni trid tkun ħajja. Il-katekeżi trid tgħaddi minn qalb għall-qalb, minn moħħ għal moħħħ, minn ħajja għal ħajja oħra. “Mela”, ħeġġeġ il-Papa, “irridu nkunu appassjonati u kreattivi, bl-imbuttatura tal-Ispirtu s-Santu”.

Il-Papa qal li l-katekist jew se jkun liberu, jew inkella mhux katekist; iħalli lilu nnifsu jiġi milqut mir-realà li hemm madwaru u jittrażmetti l-Vanġelu bl-ikbar kreattività.

L-eżortazzjoni tal-Papa kienet eku tad-diskors tiegħu ftit jiem qabel fi Bratislava, fejn fakkar f’qaddisin bħal San Ċirillu, San Metodju u San Bonifaċju li kienu kreattivi fl-evanġelizzazzjoni, hekk li vvintaw toroq, lingwaġġi u alfabetti ġodda kif iwasslu l-kelma.

Ara d-diskors tal-Papa Franġisku lill-Katekisti …

Rapport għal-Laikos minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: