Solidarjetà mal-vulnerabbli, id-dgħajfa u d-dipendenti

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 19 ta’ Settembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi waqt Quddiesa organizzata minn LifeNetwork, tifkira tal-vittmi tal-abort fid-dinja. Kappella tal-Lunzjata, Rabat.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Meta tibda ħajja umana ġdida, aħna ma narawhiex. Huma ftit ċelloli fil-ġuf. Dawn iċ-ċelloli ma fihomx biss potenzjal ta’ ħajja, imma huma l-ħajja umana li bdiet. Maż-żmien dawn iċ-ċelloli jsiru ħafna aktar, u jkomplu jikbru. Tkun qiegħda tiżviluppa l-ħajja umana fil-moħbi.

Illum bis-saħħa tal-progress fix-xjenza u fit-teknoloġija, nistgħu nintebħu kemm hi sabiħa l-ħajja umana li tiżviluppa. X’miraklu u x’meravilja! Ix-xjenza turina li hemm qalb li tħabbat, hemm il-ġisem li jibda jifforma ruħu, bil-mod il-mod jiżviluppaw l-idejn, is-saqajn, l-organi differenti. Tara scan u tibqa’ tistagħġeb kif dak li sa ftit ilu kien moħbi issa sar ħafna aktar evidenti.

Kemm hu sabiħ meta l-ħajja umana ssib l-għajnuna kollha meħtieġa u l-ambjent f’waqtu biex tiżviluppa! Illum nixtieq insellem lil tant persuni, speċjalment nisa, li huma minn ta’ quddiem biex joħolqu kuxjenza dwar il-valur tal-ħajja umana sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha.

Xi ħadd, mhux xi ħaġa

L-iktar punt importanti li jenfasizzaw diversi nisa fl-esperjenza tat-tqala hu li fihom diġà hemm xi ħadd, mhux xi ħaġa. Qed iġorru lil xi ħadd, u din għalihom tfisser ħafna. Hemm xi ħadd li hu totalment vulnerabbli, dgħajjef, dipendenti, u li jrid jirċievi kontinwament in-nutriment biex ikun jista’ jgħix u jikber. Għalhekk jagħtuh l-appoġġ b’ħafna kura u mħabba. Jgħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tagħha.

Hemm ukoll nisa li jsibu diffikultà b’din il-ħajja ġdida li bdiet fihom, distinta minnhom imma fl-istess waqt dipendenti fuqhom. Għax ma kinetx ippjanata, iħossuhom mitlufa jew f’paniku, jarawha problema li ġiet fuqhom bla ħsieb u li se tħarbtilhom ħajjithom. Aħna nixtiequ li dawn l-ommijiet jsibu tassew appoġġ u solidarjetà biex l-għażla li jagħmlu tkun għażla favur il-ħajja, u fl-istess waqt huma jkunu protetti u megħjuna. Din l-għajnuna teżisti b’mod konkret ħafna, u nixtieq insellem lil Life Line Malta u lil dawk kollha li qed jieqfu ma’ dawn il-persuni, speċjalment nisa, u jakkumpanjawhom f’din l-esperjenza diffiċli għal ħajjithom.

Għażla

Quddiem is-soċjetà hemm dejjem din l-għażla fundamentali: jew tipproteġi lil min hu vulnerabbli, dgħajjef u dipendenti, jew tħaffef il-proċess biex teqirdu.

Hawn min jirraġuna b’dal-mod: veru hemm tarbija, veru hemm ħajja ġdida, veru hemm qalb tħabbat, veru hemm ġisem li qed ikun iffurmat, imma t-tarbija għandha dritt biss teżisti, tiżviluppa u titwieled biss jekk jien nixtieqha u naċċettaha. Jekk nixtieqha u naċċettaha, hi tarbija fil-ġuf. Jekk ma naċċettahiex, hi ftit ċelloli insinifikanti li nista’ niddisponi minnhom. Din hija serja ħafna għax tfisser li jekk inti m’intix mixtieq, jekk m’intix aċċettat, ma għandekx titħalla tgħix.

Imma jekk inti tgħid li tista’ ttemm ħajja umana ġdida fl-aktar fażi vulnerabbli, dgħajfa u ta’ dipendenza, x’jibqa’ fik? Kultant isejħulha deċiżjoni progressiva. Imma x’hemm progressiv f’dan? Hu eżatt il-kontra. Jekk int ittemm ħajja umana, jiġifieri twaqqaf ħajja ġdida milli tagħmel progress, hi deċiżjoni rigressiva u mhux progressiva. Kultant isejħula deċiżjoni liberali. Imma x’hemm liberali f’din l-għażla? Hi eżatt il-kontra, għax hi deċiżjoni li xxekkel il-libertà, mhux li tħarisha. Hi deċiżjoni li tippromwovi l-mewt, mhux il-ħajja.

Soċjetà li tkun tassew progressiva u liberali tagħti attenzjoni partikulari lil dawk li huma vulnerabbli, dgħajfin u dipendenti. Hekk tkun tassew soċjetà umana.

F’kull waqt tagħha

Il-ħidma favur il-ħajja għandha tkun ħidma konsistenti. Tibda mill-bidu nett, meta l-ħajja umana qiegħda hemm imma ma tistax taraha, imbagħad tkompli tipproteġi l-ħajja f’kull waqt tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Għalhekk, meta nkunu favur il-ħajja, naħdmu kemm għall-protezzjoni tat-tarbija fil-bidu nett, kif ukoll tal-bniedem li qiegħed marid u dipendenti; naħdmu għall-protezzjoni tal-ħajja tan-nies li huma f’riskju li jegħrqu jekk, għall-għajta tagħhom, indawru wiċċna n-naħa l-oħra, u tal-persuni li jistgħu jitilfu ħajjithom sforz tat-traskuraġini ta’ ħaddieħor. Naħdmu favur il-protezzjoni tal-ħolqien, li jagħti n-nifs lill-ħajja, għax il-qerda tiegħu ġġib il-qerda tal-ħajja umana.

Kultant jingħad: ħadd ma għandu dritt jimponi l-valuri tiegħu fuq l-oħrajn. Hu veru li Alla qalilna “la toqtolx” u l-ħarsien tal-ħajja hu valur kbir għalina l-Insara li nemmnu f’Alla.  Imma dan ma jfissirx li min ma jemminx f’Alla għandu l-libertà li joqtol. Fejn tidħol il-ħajja umana, hu x’inhu t-twemmin tiegħi, jien qatt ma għandi dritt niddeċiedi li ntemm il-ħajja umana ta’ ħaddieħor, anke jekk għandi twemmin differenti.

Illum f’din il-quddiesa niftakru f’dawk il-ħajjiet umani li bdew imma ma tħallewx jiżviluppaw. Niftakru wkoll f’dawk il-persuni li għamlu d-deċiżjoni żbaljata li jtemmu        l-ħajja ta’ ħaddieħor, u nitolbu għalihom biex isibu l-fejqan u l-possibbiltà ta’ bidu ġdid. B’mod partikulari nitolbu għal dawk kollha li bħalissa għandhom diffikultà biex iħarsu l-ħajja umana li tnisslet fihom, biex isibu mhux min jagħtihom soluzzjonijiet li jġibu          l-mewt imma jsibu min jagħtihom soluzzjonijiet li jħarsu l-ħajja, min jagħtihom l-appoġġ u s-solidarjetà li jeħtieġu ħalli huma jistgħu jgħixu kuntenti filwaqt li l-ħajja li jġorru fihom tiġi salvata.

Joseph Galea Curmi

 Isqof Awżiljarju

Leave a Reply