Il-ħsibijiet

Waħda mill-aktar kelmiet importanti f’ħajjitna hi, mingħajr dubju, il-ħsibijiet. Jaħseb kulħadd. U allaħares le! Għax jekk bniedem ma jaħsibx kif jista’ jittrażmetti lil ħaddieħor, u fuq kollox lilu nnifsu, id-dinjità tiegħu stess ta’ bniedem?

Ħsibijiet ikollu kulħadd. Irridu naħsbu. Inkella kif isiru l-affarijiet. Żgur li mhux ħa jaqgħu mis-sema! Għalhekk, kif anki jgħallimna l-mibki Prof. Edward de Bono, irridu nkunu intelliġenti biżżejjed biex kull idea li għandna nippruvaw noħorġuha minn ġo fina. L-għaliex jekk ħa tibqa’ magħluqa u midfuna ġewwa fina jiġrilha li tmut. Idea li tibqa’ biss fl-arja m’għandhiex valur. U, biex tieħu l-ħajja, jinħtieġilha tissarraf f’azzjoni. Għax, l-azzjoni, jew aħjar il-prattiċità tal-ħajja, tpoġġi lil idea fi prova ħa tara jekk hix valida jew le. Jekk hijiex prattikabbli inkella għandhiex tiġi skartata minħabba li frott ma tagħtix.

Tajjeb ngħidu wkoll li ħadd m’għandu l-monopolju tal-ideat. L-ideat jiġu lil kulħadd. L-ewwel nett għax il-Mulej ħanin u jaħseb f’kulħadd. U, it-tieni, tana moħħ biex inħaddmuh. U min jaf kemm bl-idea li ħareġ biha t-tali kemm oħrajn, f’imħuħhom, maħmu fuq li maħmu fuqha. Allura x’inhi d-differenza bejn dan u l-oħrajn? Għax il-ħabib tagħna kellu s-sabar li jintefa naqra fuq dak is-siġġu, joħroġ dik il-magħrufa karta mill-but, u jħażżeż dik l-idea fuqha. Issa jekk dik l-idea issarfitx fi ktieb, f’artiklu, f’biċċa xogħol ta’ arti jew f’xi kompożizzjoni mużikali dak hu diskors ieħor. L-importanti ħbieb hu li dik l-idea issarrfet. Ma baqgħetx iżjed fuq l-ixkaffa. F’kelma waħda, rabbiet is-saqajn!

Il-ħsibijiet huma mportanti l-għaliex jiftħuna għad-diskussjoni. Tiskanta kemm diskussjoni matura tħalli frott u frott kotran. Wara kollox, biex ngħixu ħajja tabilħaqq dinjituża aħna rridu niggranfaw mal-paradigma li l-ħajja katina. Waħda ma’ waħda u wieħed mal-ieħor. Għax jekk f’dan kollu kull persuna hi mportanti anki r-riżultat tal-moħħ ta’ kull persuna, li hu l-ħsieb, hu fil-fatt essenzjali biex ngħixu flimkien bħall-aħwa fil-paċi. Ħafna jiżbaljaw li, f’dan il-proċess għat-tfittxija tal-verità sħiħa u ħelliesa fis-sitwazzjoni li tkun, jissottovalutaw l-ideat ta’ ċertu persuni. Bħalma ħażin jagħmlu dawk li għax it-tali ħareġ b’dik l-idea allura din għandek il-jedd kollu li tisparalha, toqtolha u tarmieha. Għax li joħroġ mit-tali la hu u lanqas qatt jista’ ikun tajjeb! Kemm sejrin ħażin dawn l-aħwa li jaħsbu hekk!

Ibda’ biex, idea turi l-qawwa tagħha meta tikkuntrasta ruħha ma’ idea oħra. Għax anki jekk idea tkun żbaljata almenu qed issaħħaħ il-verità li hemm fl-idea l-oħra filwaqt li hi nnifisha qed tagħmel il-wisa’ għall-verità leqqiena li tinstab fl-idea ta’ qabilha. Barra minhekk, kull idea għandha l-importanza tagħha l-għaliex taf tkun qed turi l-mixja tad-diskussjoni fi stadji aktar avvanzati tagħha. Ma ninsewx li l-ideat huma bħal biċċiet li bihom jifforma l-mużajk. Waħda issaħħaħ u tagħti sens mhux għaliha innifisha u mingħajr l-ebda riferiment għall-oħra imma proprju f’rabta sħiħa mal-idea l-oħra. Għalhekk, meta jkun hemm il-ġbir tal-ideat fl-eżerċizzju hekk imsejjaħ brainstorming hu tabilħaqq importanti li jinstemgħu l-qniepen kollha.

Ovvjament, l-intonazzjoni ta’ dawn il-qniepen issir fil-proċess tad-dixxerniment. Hemm bżonn li, bit-talb, bl-istudju u bir-riflessjoni fil-qafas tad-diskussjoni, wieħed jirranġa dawn l-ideat fil-kampnar tat-tempju tal-ħajja. Kos hux meta dan il-proċess iwassal għall-intonazzjoni tal-ideat! U jekk fuq il-karta dawn l-ideat jidhru tant sbieħ u perfetti aħseb u ara mela meta jiġu attwati fil-prattika xi frott se jħallu!

Il-ħsibijiet, sakemm ma jkunux prinċipji, hemm marbuta magħhom data ta’ skadenza wkoll. Hawn ċertu ħsibijiet li illum jgħoddu u għada le. Inkella, hemm ċertu ideat li għallum proprju ma jagħmlux sens filwaqt li fil-futur se jagħmlu sens u bihom il-Mulej għad jagħmel ħafna ġid. Għalhekk, kull idea, għandha tingħarbel ħalli, meta jasal il-waqt tagħha, hi wkoll tissarraf fil-prattika.

Imma kull idea tista’ tissarraf fil-prattika? Hemm ċertu ideat li wieħed ma jistax jarahom bl-għajnejn tal-ġisem imma xorta waħda jgħixhom. Eżempju klassiku ta’ idea ta’ dan it-tip hi, ċertament, dik ta’ Alla. Kif jgħidilna tant tajjeb il-prologu tal-vanġelu ta’ San Ġwann: lil Alla għadu ħadd ma rah (Ġw 1:18). Madankollu, għalkemm lil Alla għadu ħadd ma rah ma jfissirx li ma jeżiżtix. Lir-riħ nista’ narah? Naf x’lewn hu? Tgħid hu oħxon jew irqiq? Għalkemm din l-informazzjoni ma nafhiex iżda jien naf sewwa l-effetti tar-riħ. Tant hu hekk li meta jkun riħ qawwi noqgħod b’seba’ mitt għajn ħalli ma noħroġx mill-kunvent u, minflok, noqgħod għall-irdoss tiegħu. Mela, mhux għax ħaġa ma narahiex allura din ma teżiżtix. L-effetti tal-ħaġa jagħmluha viżibbli mhux għax narawha kif inhi imma l-għaliex inħossu l-qawwa tal-effetti tagħha. Huwa f’dan is-sens li Alla jeżiżti u kif! Imma aħna naraw l-effetti tiegħu!

Interessanti li t-tieni biċċa tal-vers 18 dan juriehulna b’mod ċar ħafna meta jissokta jgħidilna: Imma għarrafhulna l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier (Ġw 1:18). L-Iben qed jgħarrafna min hu l-Missier għax qiegħed fi ħdanu! L-istess mela bħal prattiċità jew l-inizjattiva li qiegħdha fi ħdan tal-idea. Għalhekk, meta idea issir inizjattiva konkreta kemm tkun qed turi l-qawwa u s-sbuħija tal-idea li ma tidhirx!

U dan iwassalni għall-konklużjoni importanti fuq il-ħsibijiet: ħa niktbuhom ħsibijietna! Ħa nesprimuhom! Għax meta jien qed nikteb idea li tani l-Mulej u naqsamha ma’ ħaddieħor, jiena, mingħajr ma naf, inkun qed nagħti leħen lil min jixtieq jesprimi dik l-idea iżda qatt ma kellu l-grazzja jew inkella sab ma’ min joħroġha.

U int min qallek li meta idea tissarraf f’azzjoni ma tagħtix hi wkoll lok għal ideat oħra li joħorġu mill-istess idea? Kos hux kemm idea tista’ tkun omm ta’ għadd infinit ta’ ulied!…

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading