Teoloġija żbaljata ta’ Nancy Pelosi dwar ir-rieda ħielsa u l-abort

Print Friendly, PDF & Email

Liġi li ma hi xejn ħlief sagrifiċċju tat-tfal – Tikri qattiel

Ġimgħa wara li l-Papa Franġisku reġa’ rrefera għall-abort bħala “delitt”, fejn għamel tixbiha għal bħal meta “tikri qattiel”, l-ispeaker tal-Kungress Amerikan, Nancy Pelosi ressqet liġi li l-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi sejħulha “l-iktar liġi radikali tal-abort li qatt kien hawn”. L-Arċisqof ta’ San Francisco, Salvatore Cordileone, iddeskriva l-liġi bħala “xejn inqas minn sagrifiċċju tat-tfal.” L-isem tal-liġi hu “L-Att għall-Protezzjoni tas-Saħħa tan-Nisa, 2021”.

L-istess isem tal-liġi ġie kundannat mill-Arċisqof ta’ Kansas City, Joseph Naumann. Qal li hi “liġi estrema u qarrieqa, li se timponi l-abort fuq skala nazzjonali u f’kull stadju tat-tqala billi tkun statut federali. Il-liġi tfittex li toħloq “dritt statutorju” nazzjonali għall-abort, bil-għan li tinnazzjonalizza l-liġijiet kollha tal-abort. Se tneħħi l-għadd ta’ regoli u limitazzjonijiet li jeżistu f’diversi stati tal-Amerika, bħal liġijiet li jitolbu ultrasounds qabel ma mara tkun tista’ tagħmel abort.

Minkejja l-protesti tal-Isqfijiet, Nancy Pelosi tefgħet wara din il-liġi is-saħħa tal-Parlament, u l-liġi għaddiet b’vot ta’ 218 kontra 211. Wieħed biss mid-Demokratiċi ma vvutax favur, filwaqt li r-Repubblikani kollha vvutaw kontra.

Nancy Pelosi, li hi Kattolika …

Għal Nancy Pelosi, li hi Kattolika, il-liġi kienet waħda mill-ikbar rebħiet ta’ ħajjitha. Qalet li “hi ġurnata eċitanti għal xi wħud minna fil-Kungress”. Pelosi ċċelebrat, imma mhux hekk l-Arċisqof tad-djoċesi tagħha. L-Arċiqof Corileone qal: “Kull persuna li tirraġuna u li għandha sens bażiku ta’ moralità u li għandha daqsxejn ta’ deċenza ma tistax ma titriegħedx bil-biżgħa għal dan il-ħażen li issa ġie kodifikat b’liġi. Hu b’mod speċjali tal-mistħija li min jistqarr li hu Kattoliku ikun implikat b’ħażen bħal dan, iktar u aktar min jaħdem favur liġijiet bħal dawn.”

Dan hu li għamlet Nancy Pelosi, u ma ħasbithiex darbtejn biex tinvoka raġuni teoloġika. Qalet: “L-Arċisqof ta’ San Francisco u jiena ma qbilniex fuq min għandu jiddeċiedi dwar id-daqs tal-familja u d-dwar dak li jirrigwardja t-twelid tat-tfal. Jiena nemmen li Alla tana rieda ħielsa u li se junura r-responsabbiltajiet tagħna.”

Huwa veru li Alla tana rieda ħielsa, imma mhux biex nużawha hekk. Jekk immorru lura fid-Dewtoronomju (30, 19), insibu: “Qegħidt quddiemek il-ħajja u l-mewt, il-barka u s-saħta; mela inti agħżel il-ħajja.” Dan hu affermat tul it-Testment Antik u t-Testment il-Ġdid: “La toqtolx.”

Dak li qalet Nancy Pelosi hu kuntrarju għal kollox għal x’jifhem in-Nisrani u l-Kattoliku b’rieda ħielsa. Importanti li wieħed jirreferi għall-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (para 1731-33) dwar x’tgħallem il-Knisja dwar ir-rieda ħielsa.

Rapport għal-Laikos minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.