Qari tal-Ġimgħa tat-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ġimgħa

Qari I

Nibgħat il-ġuħ fl-art; mhux il-ġuħ tal-ħobż, iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej.

Għam 8, 4-6.9-12

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos

“Isimgħu dan,

intom li tikkalpestaw l-imsejken,

intom li ttemmu l-foqra tal-pajjiż,

u tgħidu: “Meta se jgħaddi l-qamar ġdid,

ħa nbigħu l-qamħ.

Meta se jgħaddi s-Sibt ħa nferrgħu x-xgħir?

Inċekknu l-efa, u nkabbru x-xekel,

u nqarrqu b’miżien falz.

Nixtru bil-flus il-foqra,

u b’żewġt iqrieq l-imsejken,

u nbigħu sal-karfa tal-qamħ”.

“Jiġri f’dak il-jum

– oraklu ta’ Sidi l-Mulej –

li jiena nniżżel ix-xemx f’nofsinhar,

u ndallam l-art binhar!

Għad inbiddel il-festi tagħkom f’jiem ta’ vistu,

u l-għana kollu tagħkom fi krib;

illibbes il-ġenbejn bl-ixkejjer,

u nqarweż l-irjus kollha.

Dak il-Jum nagħmlu bħal jum ta’ vistu għall-iben il-waħdieni,

u jibqa’ sal-aħħar bħal jum ta’ mrar.

Ara, għad jiġi żmien

– oraklu ta’ Sidi l-Mulej –

meta nibgħat il-ġuħ fl-art;

mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma,

iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej”.

Jibdew iduru minn baħar għal ieħor,

u jiġġerrew mit-Tramuntana għal-Lvant,

ifittxu l-kelma tal-Mulej,

u ma jsibuhiex.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 2.10.20.30.40.131

R/. (Mat 4, 4): Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,

iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla

Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,

u li jfittxuh b’qalbhom kollha.

B’qalbi kollha jiena nfittxek;

tħallinix nitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek. R/.

Tinfena qalbi l-ħin kollu

bix-xewqa tad-digrieti tiegħek.

Jiena għażilt it-triq tas-sewwa;

ħtart għalija d-digrieti tiegħek. R/.

Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti tiegħek;

fil-ġustizzja tiegħek agħtini l-ħajja.

Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ,

għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 28

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,

u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.

R/. Hallelujah

Evanġelju

It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.

Mt 9, 9-13

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew. “Ejja warajja!” qallu. Dak qam u mar warajh. U ġara li, kif qagħad għandu għall-mejda, ġew bosta pubblikani u midinbin u qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Meta raw dan il-Fariżej qalu lid-dixxipli: “Għaliex jiekol malpubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?”. Hu semagħhom, u qal: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mela morru tgħallmu x’jiġifieri: “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju”; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu