L-għatx biex inkunu f’ambjent ta’ mħabba

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 3 ta’ Ottubru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tas-27 Ħadd ta’ matul is-Sena u fl-ewwel Jum tal-Uffiċjali Korrettivi. Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù ma jistħix isejħilna ħutu (ara Lhud 2:11). Laqtitni ħafna din l-espressjoni mill-Ittra lil-Lhud, mit-tieni qari li għadna kemm smajna llum. “Għax kemm dak li jqaddes,” il-Mulej fis-safa u fl-imħabba tiegħu, “u dawk li jiġu mqaddsin,” aħna li għandna bżonn il-ħniena tiegħu, li għandna bżonn il-korrezzjoni tiegħu, “ilkoll huma mill-istess wieħed” (Lhud 2:11).

Din l-espressjoni profonda tal-awtur tal-Ittra lil-Lhud qed tħares lejn il-Missier, li bagħat lil ibnu biex jifdina u qal li huwa l-Iben t’Alla magħmul bniedem, qed iħares lejna. Aħna mill-istess wieħed. Vera li m’aħniex ulied Alla bħalma hu l-Iben Ġesù, imma msejħin biex inkunu wlied Alla. Din hija s-sejħa tagħna u aħna nħarsu lejna nfusna u ngħidu aħna nħawdu mhux ħażin. Min jaf meta Ġesù jħares lejna xi jgħid!

Ġesù ma jistħix isejħilna ħutu. Għax hemm ħafna mħabba u ħniena fil-qalb tiegħu u allura ħarstu hija ħarsa mhux biss intelliġenti u profonda imma ta’ mogħdrija u ta’ ħniena. Il-ħarsa li aħna nixtiequ li kulħadd ikollu fuqna, aħna min aħna u għamilna x’għamilna.

Illum il-Kelma ta’ Alla tibda billi tipprova tispjegalna d-dinjità ugwali bejn ir-raġel u l-mara f’din il-mitoloġija antikissima tal-ħolqien tal-bniedem: li l-mara tinħalaq mill-istess materja tar-raġel u għandha l-istess dinjità. Sfortunatament għad għandna partijiet mid-dinja fejn il-mara mhijiex rispettata fid-dinjità ugwali tagħha. Illum nisimgħu affarijiet jaqsmulek qalbek: li t-tfajliet m’għandhomx dritt imorru l-iskola, in-nisa jridu jibqgħu d-dar, joħorġu biss mar-raġel, jew iridu bil-fors jilbsu skur. Affarijiet tal-waħx.

… hemm l-għatx fina li nkunu ma’ min iħobbna, li nkunu f’ambjent ta’ mħabba.

Aħna nħarsu lejn l-għerf tal-Kelma ta’ Alla li b’lingwaġġ ta’ 3,000 sena ilu, meta nkiteb it-test antikissimu li qrajna minnu fl-ewwel qari, qed jipprova jispjega l-mara u r-raġel mill-istess għerq tal-istess dinjità: li fiż-żwieġ isiru ħaġa waħda. Hekk ukoll f’dak kollu li l-bniedem għandu għatx għalih. Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Imma din mhix fiż-żwieġ biss. Għal kull imħabba ta’ ħbiberija, fina hemm l-għatx li nkunu ma’ min iħobbna, li nkunu f’ambjent ta’ mħabba.

Bidla fil-mentalità

Illum, quddiemi, hawn tant nies li qed jiddedikaw l-isforzi tagħhom — u qed jaqilgħu x’jieklu wkoll — billi jkunu uffiċjali korrettivi. Inħoss li għandi ngħid kelma mhux biss ta’ kuraġġ imma wkoll kelma li ħierġa mill-qalb tal-ħniena ta’ Alla.

Sfortunatament kultant il-liġi għadha ssejjaħlu ħabs u anke fis-sentenzi tal-qorti kultant insejħulu ħabs u mhux faċilità korrettiva; donnu huwa post biss ta’ kundanna u mhux ta’ tama u din irridu nbiddluha mhux biss fil-kliem li nużaw imma anke fil-mentalità; mhux biss fil-qafas tal-liġi imma anke bil-mod kif naħsbu. Meta tibgħat lill-bniedem f’faċilità korrettiva u f’atmosfera ta’ detenzjoni qed jitlef dak il-għatx li ma jkunx waħdu. Huwa minnu li hemm komunità ta’ 800 u hemm ukoll l-uffiċjali korrettivi imma nistgħu forsi nifhmu li dak l-għatx huwa sospiż, huwa mortifikat. Huwa ħlas għoli meta nifhmu x’aħna qed nitolbu miċ-ċittadini li żbaljaw u mingħand dawk li qed jistennew ukoll il-ġudizzju għax, jekk fhimt sew, jispiċċaw ukoll fl-istess ambjent. Inti għandek il-preżunzjoni tal-innoċenza imma wkoll qiegħed fl-istess ambjent, f’kustodja preventiva. Maċ-ċaħda tal-libertà hemm ukoll iċ-ċaħda tal-intimità li hija ċaħda kbira għal kull bniedem.

Nifhem li l-uffiċċjal korrettiv li għandu ħajja mhux faċli u kkumplikata; qed jgħix f’ambjent ta’ vjolenza u jrid jitgħallem irażżan lilu nnifsu u bit-trażżin u d-dixxiplina jipprova joħloq ambjent sikur li jkun tassew korrettiv. Issa aħna nagħmlu ħajjitna kollha nippruvaw nikkoreġu lilna nfusna. L-ebda esperjenza f’faċilità korrettiva mhi se jirnexxielha tikkoreġi dak kollu li għandi ħażin. Għax il-kelma ‘korrezzjoni’ ġejja wkoll milli jiena, xi ħadd imma mhux waħdi, iwassalni fit-triq id-dritta, con rectio, imma mhux waħdi. Waħdi ma nistax, irrid ikolli ’l xi ħadd li jgħini.

L-istess għar-resident: tridu tkunu l-missirijiet u l-ommijiet tagħhom.

Il-faċilità korrettiva trid tkun ambjent ta’ dixxiplina u ta’ serjetà imma ambjent fejn hu mċaħħad mil-libertà, mill-faċilità li jagħmel dak li jixtieq u dak li jrid, u li wkoll huwa mċaħħad mill-intimità li, kif tippermetti l-liġi u r-regoli tal-faċilita korrettiva, almenu jkun jaf li f’dan l-ambjent huwa maħbub. Kelma forsi assurda u stramba. Għaliex il-ħarsa tagħkom, għeżież uffiċjali korrettivi, trid tkun dejjem ħarsa ta’ mħabba. Tgħidli, ‘Trid tkun ħarsa ta’ dixxiplina’, mela le! ‘Trid tkun ħarsa ta’ serjetà’, mela le! Imma dejjem trid tkun ħarsa ta’ mħabba. Għax l-ambjent ta’ sigurtà li hemm bżonn jinħoloq, anke bit-teknoloġiji moderni, anke f’ambjent forsi rinovat  u mhux iffullat, irid ikun ambjent fejn il-bniedem ma jitlifx it-tama. Irid ikun ukoll ambjent fejn kulħadd għandu s-sapport neċessarju, mhux biss ir-residenti tal-faċilità korrettiva, li aħna fit-triq insejħulhom ħabsin, imma anke intom għandkom bżonn is-sapport għax dak li taraw intom ma narawhx aħna, dak li tisimgħu intom ma nisimgħuhx aħna. L-istess għar-resident: tridu tkunu l-missirijiet u l-ommijiet tagħhom.

“Ħalluhom jiġu għandi”

Immaġina kieku fiċ-ċella hemm ibnek, hemm ħuk, hemm bintek. Kif se titrattah? Tgħidli: ‘Għandi bżonn id-dixxipla’. Iva, imma l-imħabba trid tkun hemm dejjem. ‘Hemm bżonn niddefendi lili nnifsi’. Inti għandek ħutek, uliedek u ’l martek, ħu ħsieb tiegħek innifsek. Għaliex allaħares l-ambjent li tridu tieħdu ħsieb intom isir villaġġ ta’ kriminalità fejn id-droga ssibha iżjed faċli milli ssibha barra, fejn kulħadd għandu l-arma preferita tiegħu, mhux biex idellek il-butir. Imma fl-istess ħin l-ambjent li tridu tieħdu ħsiebu bl-għajnuna tas-soċjetà u tal-Istat, bir-riżorsi kollha li jagħti lir-residenti u lilkom, fl-għajnuna psikoloġika, psikjatrika, medika assistenza għall-prevenzjoni tal-vizzju u min ikun qed ibati jkollu bżonn li jiġi segwit b’mod partikolari mhux mitluq waħdu bla tama u ma jafx li għandu faraġ, ikun min ikun, tkun min tkun il-persuna.

Dan kollu naf li mhux faċli imma importanti li jsir għax Alla jħares is-soċjetà li tipprova tagħmel ġustizzja, tagħmel ħsara lilha nnifisha billi toħloq, forsi mingħajr ma trid, ġenerazzjoni ta’ nies b’rabja, frustrazzjoni, mibegħda u nuqqas ta’ tama. Veru li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti iżda d-disfatta tas-soċjetà tagħna tiġri meta minn faċilità korrettiva kif nixtiequha, tkun faċilità ta’ kriminalita, università tal-ħażen.

Il-Mulej Ġesù jirrabja ftit mad-dixxipli tiegħu meta liż-żgħar u lit-tfal inbegħduhom minnu, u nimmaġinah li għadu jagħmilha sal-lum.“Ħalluhom jiġu”. Min jaf kemm eżempji ħżiena jiġu minna u li jfixklu lin-nies, mhux iż-żgħar biss imma lill-kbar ukoll, milli jersqu lejh. Il-Mulej qed jgħid lill-Knisja tiegħu, lilna: ‘Ħalluhom jiġu, iżżommuhomx, tfixkluhomx, tkunux impediment għalihom’ (ara Mk 10:14). Illum għandna għalfejn nitolbu u għalhekk nitolbuh biex kull fejn inkunu u kulma nagħmlu, il-ħarsa tagħna tkun ta’ dak li ma jistħix isejħilna ħutu.     

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 2:18-24
Salm: 127(128):1-2,3,4-5,6
Qari II: Lhud 2:9-11
Evanġelju: Mk 10:2-16

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply