Quddiesa li laqtitni immens

Print Friendly, PDF & Email

Kull quddiesa hi speċjali. Kull quddiesa għandha l-istorja tagħha. Fil-quddiesa l-esperjenza tibqa’ waħda l-għaliex ilkoll nagħmlu l-esperjenza tas-salvazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Madankollu, kif din l-esperjenza ħa tolqot lilna, li nieħdu sehem fil-quddiesa, hi xi ħaġa persunali għall-aħħar. Kos hux! Il-komunitarju mhux talli ma jeqridx dak li hu persunali imma talli jippromovih. U dak li hu persunali aktar jgħinna napprezzaw dak li hu komunitarju. Mela, Alla Wieħed fi Tlett Persuni! Il-prinċipju Trinitarju li japplika għalik, għalija u għalina li nieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika!

Il-quddiesa li ġiet iċċelebrata nhar is-Solennità tat-Trinità Qaddisa fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, sewwa sew fis-sala tal-Immatoloġija, kienet tassew waħda mhux tas-soltu. Minn barra ma deher xejn ta’ barra minn hawn. Kollox mexa skont il-liturġija. U kulħadd ħa sehem kif kellu jieħu sehem. Biss kien hemm trufijiet, jew aħjar nitfiet, li ma nistax inħalliehom jgħaddu mingħajr ma napprezzawhom kif jixirqilhom. Dan l-għaliex kienu s-sinjali kemm il-grazzja tal-Mulej berkittna f’dak il-jum ta’ festa!

Ibda biex, bqajt tassew impressjonat bil-numru ta’ nies li attendew għal din il-quddiesa. L-attendenza sabiħa, dejjem skont id-distanza mitluba f’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija, uriet ħaġa mportanti: Kemm dawn in-nies wieġbu b’ġenerożità għas-sejħa li l-Mulej għamlilhom li jħallu kollox u jmorru warajh. Nibda mill-pazjenti li, b’kuraġġ kbir, għamlu sforz u ġew għall-quddiesa għax jemmnu bis-sħiħ li fl-Ewkaristija huma jsibu l-post minfejn jieħdu l-qawwa ħalli jkomplu mexjin fil-vjaġġ tagħhom tal-kura. Liema vjaġġ ġieli jiżżewwaq b’baħar żejt u anki b’baħar li jkun irid jibla’ l-art. Il-preżenza numeruża u konvinċenti tal-pazjenti tagħna għallmittni li min iħobb dan jagħmlu f’kull ċirkustanza tal-ħajja. L-aktar meta fil-mixja jaqa’ iċ-ċpar tad-dubju, il-qtiegħ qalb u l-biża. Il-preżenza ta’ dawn ħuti fakkrittni s-sabiħ li wieħed jibqa’ jemmen meta kollox nieżel. Jgħidilna s-salmista: Bqajt nemmen, imqar meta għedt:“Jiena mdejjaq ħafna!” (S 116:10).

Ma’ dan inżid ukoll il-preżenza tal-membri tal-istaff għall-quddiesa. Il-pazjenti tagħna jitħeġġu bil-kbir fil-mixja spiritwali tagħhom meta jaraw lilna, il-membri tal-istaff, nakkumpanjahom fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Diġà qed isir xogħol mill-isbaħ mal-pazjenti minn kull min jaħdem mill-viċin magħhom. Madankollu, u dan tgħallimhuli kontinwament l-esperjenza, meta l-infermieri, it-tobba, in-nursing aides, il-cleaners u tant ħaddiema oħra li jaħdmu fis-sala isieħbu lill-pazjenti tagħna fil-quddiesa kemm il-pazjenti jieħdu kuraġġ. Dan l-għaliex lill-pazjenti nkunu qed inwasslulhom il-messaġġ importantissmu li s-Salm 127 tant iħeġġiġna ngħixu: Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja. Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, għalxejn jishar l-għassies. Ma jiswielkom xejn li tbakkru, jew li ddumu ma tistrieħu u li tieklu ħobż it-tbatija; għax sa fl-irqad hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu (S 127:1-2).

Nirsistu kemm nirsistu magħhom il-Mulej irid ikun biex jgħinna. Għalhekk, jekk bħala staff inkunu magħhom għall-quddiesa inkunu qed ngħinuhom biex iġarrbu l-faraġ tas-Salm 127. Ma ninsewx ukoll li s-Salm 127 kien jagħmel parti importanti mill-Għanja tat-Telgħat li l-pellegrini kienu jitolbu huma u sejrin lejn il-Belt Imqaddsa. Mela, li nieħdu sehem fil-quddiesa mal-pazjenti, minbarra x-xogħol dirett tagħna magħhom, inkunu qed ngħinuhom fil-kura tagħhom li fiha t-tlajja’ tagħha kemm għalihom u kif ukoll għalina li qed ngħinhom fiha. Għalhekk din tagħmel sens kbir tassew!

Dettall ieħor li ngħid li ikkontribwixxa mhux ftit għall-preżenza sabiħa fil-quddiesa iddedikata lit-Trinità Qaddisa fl-Immatoloġija kien il-fatt li, fil-jum ta’ qabel, il-Mulej tani l-grazzja indur bl-ikona mal-pazjenti u l-istaff tagħna. Spiss, meta jkolli ikona f’idejja, inħobb ngħidilhom lill-pazjenti u lill-istaff: Tat-teleshopping!. Ħafna jidħku għal dan il-kumment. Bħalma nidħak għalih jien ukoll. Madankollu, dan il-kumment juri rejaltà li mhux ta’ min iħallieha tgħaddi. It-teleshopping hu l-ordni ta’ prodotti mill-konsumaturi billi wieħed juża kemm it-telefon jew anki link dirett tal-kompjuter. Meta ndur bl-ikoni mal-pazjenti mhux dan il-proċess li jseħħ? Jiġifieri, li l-klijenti jiftħu qalbhom billi jitolbu lis-Sid tat-teleshopping, il-Mulej, biex jagħtihom l-aqwa prodott, il-fejqan? U l-ikona, bi sbuħitha, ma tħeġġiġhomx aktar biex jaqbdu t-telefon ta’ qalbhom, jerfgħu r-riċevitur tar-rieda tagħhom billi jisimgħu l-istedina li tkun qed issirilhom mill-ħaddiem tat-teleshopping, u jiddaljaw jew jikklikjaw bir-rieda tagħhom in-numru tal-koperazzjoni tagħhom mal-grazzja li tkun qed tingħatalhom?

F’din ir-riflessjoni pastorali li l-Mulej qed jagħtini grazzja inwettaq ta’ din il-ġrajja tassew sabiħa u inkuraġġanti xorta waħda jibqa’ aspett li, donnu kemm nippruvaw inkejluh pastoralment qatt ma jseħħilna niddefinixxuh. Il-Mulej ma jieqafx jissoprendina! Għalhekk huwa għaqli li nintelqu f’idejH ħa jagħmel Hu! Din l-esperjenza fakkrittni fl-esperjenza li l-appostli għaddew minnha meta qattgħu illejl kollu jistadu u ma qabdu xejn. Min jaf xi frustrazzjoni kellhom! U kemm gergru u qerdu! Ma ttihomx tort! Interessanti li meta Ġesù, li s’issa ma kienux intebħu li kien Hu, qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu” (Ġw 21:6) ma qagħdux jiġuh b’ħafna paroli iżda għamlu eżattament kif kien qalilhom. Hawn hu r-riżultat: ma felħux jiġbduha (x-xibka) daqs kemm qabdu ħut! (Ġw 21:6)! Kemm jinqabdu grazzji ħbieb meta nagħrfu nilqgħu kelma ta’ ġid mgħoddija lilna minn persuni li, għalkemm ma nafuhomx, jgħidulna kelma għall-ġid tagħna! U meta jgħaddi ż-żmien u naraw il-frott abbundanti li joħroġ minn din il-qabda ta’ grazzja, għax inkunu ħadna l-kelma tagħhom, ġie minfejn ġie, kemm aktar inħossuna qed nintefgħu fil-baħar tal-fiduċja li għandu jkollna f’Ġesù!

Issa qed nifhem l-għaliex din il-Quddiesa laqtitni immens …

Patri Mario Attard OFM Cap