Qari tas-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek.

Ġen 18, 1-10a

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, 1il-Mulej deher lil Abraham ħdejn il-ballut ta’ Mamri; u hu kien fil-bieb tal-għarix fl-aqwa tas-sħana tal-jum. U rafa’ għajnejh u ħares, u ra tlitt irġiel weqfin quddiemu; u malli rahom mar jiġri jilqagħhom mill-bieb tal-għarix u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom. U qal: “Sidi, jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek. Ħa nġib ftit ilma u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra, sakemm inġibilkom gidma ħobż, biex titrejqu, imbagħad tibqgħu sejrin – għax għalhekk għaddejtu għand il-qaddej tagħkom”. U huma qalulu: “Tajjeb, agħmel kif għedt”. U Abraham ħaffef lejn l-għarix, ħdejn Sara, u qalilha: “Fittex lesti tliet sigħan smid, agħġnu u agħmlu ftajjar”. U Abraham mar jiġri ħdejn il-baqar u ħa għoġol tari u sabiħ, u tah lill-qaddej; u dan fittex ilestih. U ħa l-baqta u l-ħalib u l-għoġol li kien lesta, u qegħedhom quddiemhom. U hu baqa’ bilwieqfa quddiemhom taħt is-siġra, u huma bdew jieklu. U staqsewh: “Fejn hi Sara, martek?” U hu weġibhom: “Hemm fl-għarix”. U qallu: “Nerġa’ niġi għandek bħal dan iż-żmien sena, u ara, Sara martek ikollha iben”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 14 (15), 2-3ab. 3ċd-4ab. 5

R/. (1a): Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,

min jgħid is-sewwa f’qalbu;

min ma jqassasx bi lsienu. R/.

Min ma jagħmilx deni lil ġaru,

u ma jgħajjarx lil għajru;

min ma jistmax lill-bniedem ħażin,

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.

Min jislef u ma jitlobx imgħax,

u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.

Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. R/.

Qari II

Il-misteru li kien moħbi, issa hu mgħarraf.

Kol 1, 24-28

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja. Tagħha jiena sirt ministru, skont ma tani nagħmel Alla għalikom, jiġifieri li nxandar b’mod sħiħ il-Kelma ta’ Alla, il-misteru li kien moħbi sa miż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet kollha, u li issa hu mgħarraf lill-qaddisin tiegħu. Lil dawn Alla ried jgħarrafhom kemm huwa kbir l-għana tal-glorja ta’ dan il-misteru fost il-pagani: Kristu hu fikom, it-tama tal-glorja tagħkom. Lilu aħna nħabbru lill-bnedmin kollha, u nwissu u ngħallmu lil kulħadd bl-għerf kollu biex inwasslu lil kull bniedem għall-perfezzjoni fi Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 8, 15

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin dawk li jisimgħu l-kelma

b’qalb tajba u sinċiera,

jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Marta laqgħetu għandha. Marija għażlet l-aħjar sehem.

Lq 10, 38-42

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu