Erġajna iċċelebrajna lill-Beatu Nazju fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija

Print Friendly, PDF & Email

Minn nhar il-Ħamis 1 ta’ Lulju sal-Ħadd 4 ta’ Lulju 2021, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, kellna l-grazzja li niċċelebraw l-festa tal-Beatu Nazju Falzon. Il-festa lil ħuna Nazju għalina l-Maltin tabilħaqq li tfisser ħafna. L-għaliex Nazju tassew li hu Malti ħuna.

Fil-fatt, l-istorja tiegħu tgħidilna li twieled fil-Belt Valletta nhar l ta’ Lulju 1813, eżattament f’49 Triq id-Dejqa. L-għada li twieled Ommu, Maria Teresa Debono, bint imħallef u Giuseppe Francesco Falzon, avukat, għammduh fil-Knisja tal-Porto Salvo l-Belt. L-ismijiet li tawh għall-magħmudija kienu Rocco Angelo, Sebastiano Vincenzo u Nazio Rosario

Personalment, l-istorja ta’ Nazju Falzon tolqotni ħafna. Ibda’ biex il-Beatu Nazju kien terzjarju Franġiskan. Mela, bilfors li kien midħla sewwa tal-valuri tal-faqar u l-umiltà li kienu wisq għall-qalb Missierna San Franġisk. Il-familjarità tal-Beatu Nazju ma’ dawn il-virtujiet tant importanti tidher sewwa fin-nisġa ta’ ħajtu. Biżżejjed insemmi l-fatt li ħuna Nazju ma kienx iħossu dehen li jsir saċerdot. Anki jekk l-Isqof ħeġġu kemm felaħ biex jidħol għas-Sagrament tal-Ordni Sagri fil-qalba ta’ qalbu ħass li ma kellux jagħmel dan il-pass.

Kif? Nazju Falzon ma kienx dehen li jsir saċerdot? Kien tant iħobb l-Ewkaristija u quddiesa ma kien jitlifha qatt? Kien tant jgħin lill-fqar minn flusu stess hekk li tista’ tgħid spiċċa fl-aħħar fqir? Kien jgħallem b’tant imħabba daqshekk tfal il-katekiżmu kemm fil-Belt Valletta u anki fid-dar tal-vaganzi li l-familja kellha f’284 triq San Ġilja Birkirkara? Kien tant jitlob minn qalbu l-misteri kollha tar-Rużarju Mqaddes u jitlob l-Uffiċju qasir tal-Madonna kuljum? Kien tant devot ta’ San Ġużepp hekk li kien benefattur prim tal-Knisja tal-Imsida? Kien tant distakkat mill-għana u l-frugħa tad-dinja?

Iwa ħbieb! Proprju Nazju ma ħassux dehen! L-għaliex dan il-bniedem kien il-bniedem umli. Nazju ma kienx ta’ subgħajh f’ħalqu. Kien jaf li, kieku ried, aqta’ kemm kellu biex jitkessaħ. Ifhem, kien avukat kemm tad-Dritt ċivili u anki dak ekkleżjastiku. Mela, injorant żgur li ma kienx. Madankollu ma ħalliex l-intelliġenza titla’ għal rasu. M’għamilx l-iżball li jagħmlu x’uħud li għax issa għandhom iċ-ċertifikat u l-lawrja allura issa tini niddritta u nistira waqt li għadni ħaj u ħajja bil-kburija li telegħtli għal rasi. Il-Beatu Nazju qatt ma ħa fuqu l-attitudni għal kollox distruttiva ta’ arani u la tmissnix!

Għall-kuntrarju, il-Beatu Nazju baqa’ saqajh mal-art. Għax baqa’ hu, bil-ħiliet u l-limitazzjonijiet tiegħu. Anzi, aktar mal-Mulej qed jagħtini grazzja li nqatta’ ħafna ħin miegħu ma’ ħutna l-morda, illum nasal ngħid li jekk kien hemm xi ħadd li għen lil Nazju jibqa’ saqajh mal-art żgur li kienu l-foqra. Dawk li kienu qed ibatu. In-nies tal-periferija. Mill-istorja ta’ Malta f’dawk iż-żminijiet nafu tajjeb kemm artna kienet milquta mill-kolera u minn faqar tassew kbir.

U Nazju, quddiem dan kollu, ma ħalla xejn itellfu, saħansitra d-devozjonijiet li kellu, biex aktar ikun viċin dawk li kienu bil-ġuħ kemm b’mod fiżiku u, wisq aktar, spiritwali. Kemm nara li joqgħodhulu l-kelmiet li darba kien qal il-Papa Kopt Shenuda t-Tielet: Jekk m’għandek xejn x’tagħti lin-nies agħtihom tbissima sabiħa u kelma ħelwa, agħtihom l-imħabba, agħtihom il-ħlewwa, agħtihom kelma ta’ inkuraġġiment, agħtihom qalbek.

Meta wieħed jifli sewwa l-ħajja tal-Beatu Nazju mhux dan li jsib? Jiġifieri, li l-ħarsa mimlija mħabba ġeneruża u ħanina tiegħu kienet żgur fattur importanti li tat kuraġġ bil-kbir lil min kien imkisser? Meta wieħed jara ftit il-ħajja tal-Beatu Nazju wieħed mhux mill-ewwel jiltaqa’ ma’ dik il-ħlewwa li biha kien jittratta lil ħutu l-Maltin u anki lis-suldati li kienu jmorru għandu bil-gzuz biex iwasslilhom il-Kelma tal-Mulej? U bi mġiebtu mhux ovvja li l-Beatu Nazju Falzon kien dewwaqhom il-qalb ħanina ta’ Alla tagħna (Lq 1:78)? U jekk dawn ħassewhom milquta mill-imħabba tal-Mulej għalihom, b’mod persunali, kif tridhom ma jċedux l-armi quddiem il-Mulej u jħalluh idawlilhom u jmexxilhom ħajjithom? Tgħid is-656 Protestant, l-4 Għarab u żewġ persuni Lhud li daru għall-fidi Kattolika ma jurux li Nazju kien mimli bl-Ispirtu s-Santu, l-għajn ta’ kull qdusija?

It-triq li Nazju għażel kienet bħat-triq li fiha twieled, dejqa. Hekk jgħidilna Ġesù
Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha! (Mt 7:13-14). L-eżempju qaddis ta’ Nazju Falzon jgħallimna naqdu, inwieżnu u ninkoraġġixxu lil xulxin anki fl-aktar mumenti tabilħaqq iebsa tal-mard. Għalhekk ir-relikwa tiegħu daret fostna l-għaliex irridu li l-valuri li għex hu ngħixuhom aħna, pazjenti, familjari u membri tal-istaff. Il-Kristu tal-artal hu l-istess Kristu fil-marid u l-marida li jitlobna nħennu għalih u nieqfu miegħu.

Mulej, Alla tagħna, int fil-kobor tal-ħniena tiegħek, tagħżel minn fost il-bnedmin, bnedmin bħalhom biex iservuhom u jgħinuhom jiksbu u jżommu d-don tal-fidi u tal-paċi tiegħek. Aħna niżżuk ħajr għall-grazzja li għoġbok tagħżel minn fostna l-Maltin lil ħuna l-Beatu Nazju Falzon, li bit-tagħlim u l-ħidma tiegħu kien ta’ għajnuna għall-Maltin u s-suldati ta’ żmienu. Bit-talb tiegħu, ħa jkun illum ta’ għajnuna għalina l-Maltin u għal kull min jersaq lejh. Nitolbuk li jekk din hi r-rieda tiegħek, jiġi magħdud mal-Qaddisin tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Għalhekk iċċelebrajna lill-Beatu Nazju Falzon fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija.

Patri Mario Attard OFM Cap