Qari tat-23 ta’ Lulju – Festa ta’ Santa Briġida tal-Iżvezja

Print Friendly, PDF & Email

23 ta’ LuljuSanta Briġida tal-Iżvezja, Reliġjuża u Patruna tal-Ewropa – Festa

Qari I

Gal 2:19-20

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

Ħuti: Jien permezz tal-liġi mitt għal-liġi biex ngħix għal Alla: issallabt ma’ Kristu. Ngħix, imma mhux jien, iżda Kristu jgħix fija. Il-ħajja li ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta ruħu għalija.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

Salm 33: 2-11

R/. Kull ħin imbierek il-Mulej!

Kull ħin imbierek il-Mulej,

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi,

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu! R/.

Kabbru l-Mulej miegħi,

u ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,

u minn kull biża’ ħelisni. R/.

Ħarsu lejh u tiddu bil-ferħ,

u wiċċkom ma jistħix.

Dan il-fqajjar sejjaħ il-Mulej, u semgħu,

u mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu. R/.

L-anġlu tal-Mulej jgħammar madwar dawk li jibżgħu minnu,

u jeħlishom.

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;

hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.

Ibżgħu mill-Mulej, intom il-qaddisin tiegħu,

għax xejn ma jkun jonqsu min jibża’ minnu.

L-imkabbrin jiftaqru u jkunu bil-ġuħ;

min ifittex lill-Mulej ma jkun jonqsu ebda ġid. R/.

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Ġw 15:9b.5b

R/. Hallelujah

Il-Mulej jgħid: Ibqgħu fl-imħabba tiegħi;

min jibqa’ fija, dan jagħmel ħafna frott.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ġw 15:1-8

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott hu jneħħiha; u kull waħda li tagħmel frott inaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba fil-kelma li għidtilkom. Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.

Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija, u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu. Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u dan ikun mogħti lilkom. B’dan jissebbaħ Missieri, billi tagħmlu ħafna frott, u hekk tkunu dixxipli tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.