L-eżempju tagħhom jitħaddet waħdu

Print Friendly, PDF & Email

Iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo hu skola ta’ għerf il-ħajja. Fih wieħed jiltaqa’ ma’ kull tip ta’ storja. U kull storja għandha l-kapitli tagħha.

Fost il-persuni li tassew nimmeravilja ruħi bihom huma l-ommijiet u l-missirijiet tal-pazjenti ċkejknin tagħna. Minn liema Kalvarju kiefer jgħaddu minnu! Imma, kif qaltli omm, x’ma tagħmilx għal uliedek biex tikkuntentahom?

Is-sagrifiċċju ta’ dawn l-aħwa hu tabilħaqq kbir. Insemmi biss meta kellna l-lockdown. Kif seħħilhom joqgħodu ma’ uliedhom għal dawk is-sigħat, il-jiem u x-xhur sħaħ? Omm oħra qaltli: Minn xiex għaddejna Patri! Issa ġejjin ftit f’tagħna. Għax dik li tibqa’ dejjem fis-sala u fil-kamra, magħluq u magħluqa, minn filgħodu sa filgħaxija, mhix ċajta. U f’dak l-ambjent kliniku abjad karti!

Għall-grazzja tal-Mulej, fis-sala Paediatric/Adolescent Unit taċ-Ċentru tal-Onkoloġija hemm kura eċċellenti għat-tfal u l-ġenituri tagħhom. Hemmhekk isibu l-għajnuna li għandhom bżonn. Minkejja l-ambjent tal-mard madankollu l-meravilja qegħdha fil-fatt li dawn l-aħwa qed jingħataw tant għajnuna u mħabba ħalli jissuktaw jaqfdu fil-baħar li ġieli jitqawwa u darbi oħra jikkalma t-trattament tagħhom. L-istaff kollu, mill-kbir saż-żgħir, qed jagħti xhieda mill-isbaħ ta’ din l-imħabba li m’għandhiex waqfien. L-għajnuna siewja ħafna li jagħti Puttinu Cares lil dawn it-tfal u l-ġenituri tagħhom kemm lokalment u anki fl-Ingilterra hi xi ħaġa li tgħaġġbek ta’ bilħaqq. Kemm ġid qed isir fis-skiet! U ġid iġib il-ġid!

Minkejja daqshekk għajnuna, il-bniedem xorta waħda jkollu bżonn li jiftaħ qalbu u jitħaddet. Inkella kif ħa jneħħieħ it-toqol li qed iġorr? Wieħed jifhem lill-ġenituri li quddiem uliedhom jagħmlu ħilithom biex ma jurux id-dieqa li għandhom. Biżżejjed dawn iċ-ċkejknin ikunu għaddejjin mit-tumbati fil-mixja tagħhom tal-kura. Jaraw wiċċ ommhom u missierhom bid-dmugħ ikun jonqoshom!

Mhux faċli li jkollok taħbi dak li qalbek tkun qed tħoss biex ma tnikkitx qalb ibnek u bintek. Mhu faċli xejn li ġġib ruħek donnu m’hu qed jiġri xejn bil-għan li ma tistressjax lil ibnek u lil bintek li diġà imsieken ikunu stressjati waħda żul minn hemm mit-trattament li jirċievu. Għalhekk, meta noqgħod nara ftit minn xiex jgħaddu dawn il-ġenituri qalbi toħroġ għalihom ilkoll, wieħed wieħed u waħda waħda.

U, kif stqarrejt ma’ uħud minnhom, la darba jiena stess għaddej mill-kura u, kontra qalbi, ma nistax nagħti dak il-mudullun jew demm lil xi ħadd minn uliedhom, ma narax ħaġa aktar sabiħa fl-istorja tiegħi għajr li npoġġi bilqiegħda u noqgħod nisma’ l-istejjer tagħhom. Hi x’inhi l-istorja, u għandha kemm għandha sfumaturi, kull storja tibqa’ unika għax qed tolqot lill-familja partikulari fi żmien partikulari.

Meta nibdew nitħaddtu ilkoll naqblu fuq il-motto ta’ ħajja li ngħaddu minnu aħna l-pazjenti tal-onkoloġija flimkien mal-għeżież tagħna: Min jippjana jixkana! U kemm jixkana bil-kbir! Ġieli tisma’ stejjer li jirrakkuntaw meta l-marda feġġgħet tibqa’ b’ħalqek miftuħ! X’jibqa’ fik meta familja tkun għal btala u jiġri xi ħaġa lit-tifel jew tifla li jkollhom joħduhom bil-ġiri lejn l-isptar? Inkella s-saram joħroġ lejlet xi avveniment importanti fil-ħajja ta’ dak l-iben u dik il-bint? F’dawn il-ġrajjiet ta’ swied il-qalb l-imprevedibbli dejjem hu parti sostanzjali mill-istorja.

Ix-xokk ta’ dawn il-ġenituri għal dak li jkun laqat il-ħajja taċ-ċkejknin tagħhom ikun tassew kbir. Liema xokk jarawh jirrifletti ruħu fil-bidla ta’ taħt fuq ta’ ħajjithom. Ir-raġuni tgħidilna: Kif jista’ ikun? Kif ħa nkampa? Imma l-imħabba li dawn il-ġenituri għandhom għal uliedhom tgħinhom jirraġunaw mod ieħor: Kollox nagħmel għall-għażiż ibni u l-għażiża binti! U hekk żgur li ma jkollix indiema!

Il-fidi tilgħab parti essenzjali mill-mod erojku kif dawn in-nies qalbiena iġibu ruħhom fil-konfronti ta’ uliedhom. Ikun hemm iwa mumenti fejn igergru mal-Mulej. Darba omm qaltli: Meta nkun bihom, għax ma nkunx niflaħ iżjed, nitla’ fuq il-bejt u nkellmu rasi u rasu. U ngħidlu dak li għandi f’qalbi. Ma stajtx ma nammirax il-kuraġġ u l-fidi ta’ din l-omm. Għax aħna ma’ min tridna ninfaqgħu ħuti jekk mhux ma’ dawk li nħobbu? Mhux dawn għalina huma n-nies tassew importanti f’ħajjitna? Mela, meta f’mumenti bħal dawn ninfaqgħu waħda tajba ma’ Ġesù ibqgħu ċerti li l-istqarrija, il-karba, il-bikja u t-tnehida tagħna ma tkunx le waqgħet fuq widnejn torox. Anzi! Kemm jisma’ il-krib tal-imsejknin (S 12:6) tiegħu! Kemm hi widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom (S 34:16)!

Għax meta jitħaddtu miegħu b’dan il-mod ibqa’ ċert u żgur li l-għajnuna mhux tkun wara l-kantuniera imma taħt imneħirhom! B’hekk jipprovdi lill-għeżież tiegħu (S 127:2)! U jisma’ l-għajta tagħhom, u jsalvahom (S 145:19)! U kif isalvahom? L-għaliex jibda’ jgħinhom jagħtu sens lil dak li, fil-għajnejn tal-ġisem, jidher bla sens! Jibda’ jgħinhom japprezzaw l-għajnuniet li jsibu minn għadd ta’ persuni oħra kemm fl-isptar u lil hinn minnu, li jagħtuhom kuraġġ bil-preżenza tagħhom. U meta tisma’ l-għajnuna li dawn in-nies jirċievu, inkluż dik it-telefonata mill-kappillan jew arċipriet ta’ spiss, kemm l-istorja tkun differenti!

L-istejjer ta’ dawn l-ommijiet u l-missirijiet qalbiena jgħallmuni nismagħhom. U napprezzahom. Bħal dak il-missier li ma nafx fejn ma jmurx jixtri ħa jikkuntenta lil ibnu jew bintu. U l-missier l-ieħor li konvint li ibnu se jfieq żgur!

Xi ġmiel ħbieb meta dawn l-istejjer jittellgħu fuq l-altar tal-quddiesa u fl-intenzjonijiet tar-Rużarju mqaddes! Kemm dawn l-istejjer tabilħaqq ifakkruni li l-eżempju tagħhom jitħaddet waħdu!

Patri Mario Attard OFM Cap