Bħaċ-Ċirinew fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

Print Friendly, PDF & Email

F’Sir Anthony Mamo jiġuni ħelwin ħelwin fuq fomm qalbi l-kelmiet tant sbieħ tal-kanzunetta mill-isbaħ bl-Ilsien għażiż tagħna l-Maltin, il-Malti, tad-dgħajsa tal-Latini: Mewweġ Mewweġ, dgħajsa tagħna.

Kemm bħala pazjent u kif ukoll bħala kappillan taċ-Ċentru tal-Onkoloġija nħossni immewweġ bħad-dgħajsa tal-latini. U, dejjem immewweġ lejn iqxfa ġodda tal-ħajja. Għall-kuntrarju ta’ kif jissokta t-tieni vers tar-ritornell ta’ din il-kanzunetta ħelwa: fuq baħar kaħlani u nir, mhux dejjem le immewweġ f’baħar kaħlani u nir. Anzi, ħafna drabi jkun pjuttost baħar iswed tuta jew griż li ma ngħidlekx. Imma dejjem baħar jibqa’! Is-sabiħa hi li dan il-baħar sema għandu fuqu! Għax il-baħar hu rifless tas-sħab li jkun għaddej minn fuqu u jkun ukoll espost għar-riħ li jaħkmu minn kull naħa.

Tgħid hawn irjieħat? Fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija l-irjieħat imdorrin bihom sewwa. Kull pazjent ġej minn riħ differenti. Għalkemm uħud jafu jispiċċaw imkaħlin ma’ xi grigalata mill-kbar nett. Imma anki l-fatt li, bħalek, jien ukoll, għalkemm Patri, ninsab espost għal kull xorta ta’ grigalati, madankollu nara li fil-ħajja jiġu mumenti fejn ikollna riħ fuq. Eżempju ta’ dan hi esperjenza tassew ħelwa li kelli f’waħda mis-swali fejn, ta’ kull ġimgħa, inqaddes fiha għall-pazjenti, għall-familjari li jista’ ikun hemm u għall-membri tal-istaff.

Mhux spissa li jkolli quddiesa fejn ma jkunx hemm pazjenti għaliha. Fil-fatt, f’uħud mis-swali dan ma jista’ jiġri qatt. Dan l-għaliex il-pazjenti ta’ dik is-sala partikulari jkunu dejjem hemm u għalhekk isiru residenti fiha. U tifhimha! Ċertu trattament irid il-ġimgħat u x-xhur biex jitlesta bil-għaqal u bir-reqqa kif titlob il-professjonalità medika.

Iżda, f’din is-sala partikulari, fejn min ġej u min sejjer, f’dak il-jum inzertajna staff biss. Ħadt gost li kelli quddiemi lill-ħuti l-infermieri, in-nursing aids u l-carers. Dan kien waqt tad-deheb fejn nirringrazzjaw u nitolbu flimkien lill-Mulej. Bħalma l-familja u l-komunità ta’ ħajja ikkonsagrata tkun qed tfittex waqt tajjeb li tkun flimkien, sabiex titlob, tistrieħ u tirrikreja ruħha, hekk ukoll f’din is-sala ħassejna l-bżonn li dakinnhar, f’dak il-ħin li jkollna flimkien għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u li nieħdu naqra kafè flimkien inqattgħuh b’dan il-mod.

Fil-quddiesa ħassejt minn qalbi lill-Ispirtu inebbaħni biex noffrieha għall-istaff kollu. Ma stajtx, f’isem il-pazjenti u l-istaff, ma nurix l-apprezzament tiegħi għax-xogħol fejjiedi li jwettqu. Li tkun mal-pazjenti tal-onkoloġija mhux ċajta. Ilkoll nafu kemm affarijiet iqumu waqt il-vjaġġ tal-kura li kull pazjent u pazjenta jkunu qegħdin iwettqu. Liema affarijiet jinvolvu wkoll lil dawk ta’ madwarhom. Għalhekk, l-ewwel persuni li jiġu affettwati minn dawn is-sitwazzjonijiet, li xi kultant tassew jafu jkunu diffiċli biex tħabbat wiċċek magħhom, huma l-membri tal-istaff stess.

Miċ-Ċentru tal-Onkoloġija l-Mulej il-ħin kollu jgħallimni bil-qawwa tal-kelma GRAZZI. Ovvjament, il-kelma GRAZZI qed tmur lil hinn minn sempliċiment kelma ta’ radd-il ħajr. Għax il-kelma GRAZZI issibha fl-attitudni li wieħed ikollu, f’dan il-każ, lejn il-membri tal-istaff. Meta l-istaff isibu min japprezzahom u ma’ min jistgħu jitħaddtu u joħorġu dak li jkun hemm f’qalbhom diġà tkun qed tinbet fihom il-barka tal-gratitudni. Meta jħossu li hemm xi ħadd li qed jagħtihom l-attenzjoni li għandhom bżonn, li qed jivvalorizzahom ta’ persuni u mbagħad għal xogħolhom, mill-ewwel jibdew iħossuhom li m’humiex aktar numri iżda persuni meħtieġa u utli. Hemm xi ħaġa isbaħ minn meta tibda’ tħossok utli u li, minkejja d-dgħjufijiet tiegħek bħalma għandu kulħadd, jien l-ewwel wieħed, il-Mulej bik ikun qed iġib differenza pożittiva fil-ħajja ta’ ħaddieħor? L-aktar jekk dak il-ħaddieħor ikun marid serjament? Żgur li m’hemmx! Mhux ta’ b’xejn li, minn żmien għal żmien, il-Mulej ilaqqagħni ma’ nies li juruni x-xewqa li jkunu ta’ għajnuna għall-oħrajn! Sabiħa wisq li tkun ta’ għajnuna għal min qed ibati!

F’esperjenza oħra li ġarrabt f’din il-ġimgħa partikulari għallmittni li anki fil-grigalati jaf ikun hemm riħ fuq. Niftakar f’omelija li l-Mulej tani f’funeral ta’ waħda mill-pazjenti tagħna li llum għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Hu mument tassew ikrah li tattendi għall-funeral. Id-dieqa li jkun hemm tkun tassew kbira. L-aktar jekk il-persuna li tkun ħallietna tkun ħalliet familja li għadha qed tifforma ruħha. Biss, bħalma l-ħajja turina bil-ħelu u, ta’ sikwit, bil-morr tagħha, il-minġel tal-mewt ma jaħfirha proprju lil ħadd. Għax jaqta’ fejn ġie ġie!

F’dawn is-sitwazzjonijiet iebsa l-miraklu narah kif, meta nitlob lill-Ispirtu s-Santu qabel l-omelija, ipoġġili fuq fommi kliem li jien stess ma nafx minfejn ikun inqala’. Li wieħed jipprepara dejjem hu meħtieġ imma, u fil-verità, mhux dejjem hu assolut lanqas. Kemm affarijiet jinqalgħu minn meta l-omelija tiġi mħejjija f’kamra għall-kwiet, ‘il bogħod mit-tbatija, għal meta wieħed, dak l-istess kliem li jkun intagħġen għall-irdosstal-kamra, jeħtieġlu jaffaċċja ruħu mal-qsim il-qalb tal-mument. U, ngħid jien, x’inhu l-aktar importanti? Mhux li nisma’ dak l-uġiegħ tan-nies li għandi quddiemi u nħalli lill-Ispirtu s-Santu jżejjinli ‘l fommi bi kliemu f’dawn il-waqtiet?

U hawn hu d-diskors li tani l-Mulej permezz tal-Papa Shenouda III li jqaxxar lil din il-persuna għażiża: Jekk m’għandek xejn x’tagħti lin-nies agħtihom tbissima sabiħa u kelma ħelwa, agħtihom l-imħabba, agħtihom il-ħlewwa, agħtihom kelma ta’ inkuraġġiment, agħtihom qalbek. Dan il-messaġġ din il-persuna baqgħet tgħixu sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha.

Sabiħa li tħalli lill-Mulej jagħmlek Ċirinew, li għen lil Ġesù jerfa’ is-salib, għall-oħrajn. Hi grazzja kbira wisq!

Patri Mario Attard OFM Cap