Ġwanni Pawlu II waqt l-għoti tas-Sagrament tal-Griżma

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA BIS-SAGRAMENT TAL-GRIŻMA LIL TMINN ŻGĦAŻAGĦ
ASSISTITI MILL-GRUPP SPASTIĊI TA’ COLOGNO MONZESE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Kappella Matilde
11 ta’ April 1981

Jiena kuntent b’mod speċjali li se namministra lilkom, għeżież tfal ta’ Cologno Monzese, is-sagrament tal-Griżma. Jiena kuntent għaliex, b’dan is-sagrament, intom tirċievu kif tafu sewwa, don meraviljuż: l-Ispirtu Santu, it-Tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa. Huwa se jinżel fikom u se jgħammar fikom bħala l-isbaħ tempju u l-iktar prezzjuż.

Bil-Magħmudija intom sirtu nsara, ulied Alla, ħut Ġesù u membri ta’ dik il-komunità tad-dixxipli ta’ Ġesù li hija l-Knisja. Imma dan id-don għandu jkun issa arrikkit u miġrur għat-twettiq. U tali grazzja ġdida hija appuntu s-sagrament tal-Griżma. Illum l-Ispirtu Santu jwassal għall-perfezzjoni dak li beda fikom fil-jum tal-Magħmudija. Bis-sagrament tal-Griżma intom se tkunu għalhekk b’mod iktar perfett magħquda ma’ Ġesù u se ssiru membri adulti u responsabbli fil-Knisja. Jekk s’issa kontu tfal li kienu biss jirċievu, issa se tkunu tfal u adulti li għandhom ukoll jitgħallmu jagħmlu, biex jikbru u jwettqu xi ħaġa sabiħa u kbira għall-Mulej u għal ħutkom.

Imma intom tgħidu: x’nistgħu nagħmlu aħna li aħna dgħajfa?

Isimgħu dak li qalilna San Pawl: L-Ispirtu s-Santu stess jiġi jgħin d-dgħufijiet tagħna… jinterċedi għalina bi krib inesprimibbli” (cf. Rm 8,26-28). L-Ispirtu Santu jikkomunikalna qawwa u enerġija. Fost is-sebà doni li jġibilna hemm ukoll wieħed li jismu qawwa. Tiftakru dak li seħħ fil-jum ta’ Għid il-Ħamsin? L-Ispirtu Santu investa bil-qawwa tiegħu, bħal riħ impetwuż iċ-Ċenaklu, fejn kienu miġburin l-Appostli. U dawk l-irġiel irċivew qawwa straordinarja u bl-ebda biżà iktar bdew jippridkaw u jixhdu li Ġesù kien is-Salvatur tad-dinja. U San Pawll, li kien ukoll hu sperimenta l-qawwa tal-Ispirtu Santu kien qal: “Jiena niftaħar  b’wiċċi minn quddiem bid-dgħufijiet tiegħi, għaliex fija tgħammar il-qawwa ta’ Kristu” (2Kor 12,9). Aħna mela se nitolbu sabiex l-Ispirtu Santu jikkonċedilna l-qawwa tal-fidi biex nemmnu dejjem fil-Mulej li jsalvana: il-qawwa tat-tama biex nafdaw b’mod sħiħ dejjem fl-għajnuna tiegħu u fit-tieba tiegħu għalina; il-qawwa tal-imħabba biex inħobbu dejjem iktar u b’qalbna kollha lill-Mulej  u, Fih u Għalih, lil ħutna; il-qawwa tas-sabar biex inkunu nafu naċċettaw il-kondizzjoni tagħna  bil-kuraġġ u billi noffru t-tbatijiet tagħna għall-ġid tal-erwieħ;  il-qawwa tal-eżempju tajjeb, biex inkunu nafu nixhdu lill-oħrajn it-tieba u t-tama.

Barra dan id-don tal-qawwa, l-Ispirtu Santu jġibilna d-don tal-għerf, li huwa bħal dawl intern tar-ruħ li jġegħlna naraw u niggustaw is-sbuħija tal-Mulej, il-verità tiegħu u imħabbtu. Għadkom kemm smajtu dak li qal Ġesù fil-Vanġelu tallum: “Imbierkek, o Missier, talli għarraft dawn il-ħwejjeġ liż-żgħar” (cf. Mt 12,25).

Intom żgħar, imma l-Ispirtu Santu jistà jgħallimkom tant ħwejjeġ importanti. Huwa jwassalkom biex tifhmu min hu Alla, jwassalkom biex tifhmu u tħobbu l-Vanġelu, ibiegħed minnkom d-dellijiet tal-gidba u d-dlamijiet tal-iżball u tad-dnub, jagħtikom għajnen puri biex taraw dak kollu li hawn sabiħ u tajjeb fid-dinja spiritwali; għajnejn jiddu biex taraw ma’ kullimkien il-preżenza u l-providenza ta’ Alla Missier maġembna, għajnejn imdawla mill-ferħ biex ngħallmu wkoll lill-oħrajn il-mixja tal-verità u tal-imħabba fraterna

Meta l-Ispirtu Santu niżel fuq l-Appostli f’jum Għid il-Ħamsin, fiċ-Ċenaklu kien hemm ukoll Marija, Omm Ġesù u Ommna spiritwali. Marija hija preżenti wkoll illum b’mod spiritwali maġemb kull wieħed minnkom bħal omm. Jalla Marija tgħinna biex niftħu qalbna u moħħna sabiex nirċievu u dejjem nieħdu ħsieb dan id-don meraviljuż tal-Ispirtu Santu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.