L-ikona ta’ l-Inżul ta’ Kristu fl-Imwiet fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

Print Friendly, PDF & Email

Hekk kif qabdu jitgerrbu sewwa l-Ħdud tal-Għid, l-Ispirtu tal-Mulej ma ħallinix kwiet. Fil-ħajja, aktar ma nsib it-tfixkil tax-xitan, li daqqa jidher fir-rabja ta’ min jiġi msakkar bir-rabja nfernali tiegħu u min jidher bħal donnu xi spirtu imkebbeb fl-ora tad-duħħan tal-inċens, aktar lill-Mulej narah jaħdem bil-bosta! Għax il-Mulej tassew qaddis! Hu l-verdett tiegħu li, fl-aħħar mill-aħħar, jgħodd.

Hekk kif kont għall-kwiet mal-Mulej, fis-skiet, jitla’ screen f’moħħi. L-ikoni! Bħalissa, il-kors li qed nagħmel maċ-Ċentru tal-Formazzjoni Pastorali tal-Arċidjoċeżi ta’ Malta dwar il-fidi permezz tal-arti, qed jiftaħli orizzonti kbar. Dan l-għaliex qed joħroġni mill-għanqbud ta’ ħajja magħluqa u moħħha fiha nnifisha u fetaħni għar-rejaltà universali tal-Knisja, Ommi feddejja, li teħlisni mill-ikkakmar tal-‘kariżma’ li, jekk ma noqgħodx attent għaliha b’seba mitt għajnejn, toqtolni zoptu għax tagħlaqni bejn ħitanha samma.

L-Ispirtu tal-Mulej, permezz ta’ Ommi l-Knisja, l-Omm universali ta’ bosta wlied ġejjin mill-ħames kontinenti tad-dinja, għallimni hekk: Ħudilhom ikona! Kull darba li mmidd riġlejja f’dak iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo nħossni ferħan se ntir! Għax noħroġ mill-gabjetta ta’ ħajja magħluqa fiha nnifisha u ntir ħieles, kif iridni l-Ispirtu s-Santu, fil-Knisja vera ta’ Kristu. Ma’ ħuti l-morda, għax jien wieħed minnhom ukoll, mal-familjari u l-membri tal-istaff aħna nagħrfu dejjem il-ħelsien ta’ ulied Alla. L-Ikona li l-Ispirtu tal-Mulej tani l-grazzja li nieħu fl-Isptar kienet dik ta’ Ġesù li nieżel fl-Imwiet. L-ikona oriġinali tal-ikona kopja li ħadt fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija tinstab fil-Kappella tal-Komunità Cenacolo, f’Medjugorje.

F’din l-ikona daqshiex hemm interpretazzjoni mill-isbaħ ta’ tema tassew oriġinali fl-ikonografija Nisranija Ortodossa: Kristu Imqajjem minn bejn l-Imwiet li jinżel fl-imwiet, taħt l-art, biex jagħti ħajja ġdida lil dawk li mietu. F’din l-ikona, il-bibien ta’ l-Imwiet ġew imkissra u mfarrka. Il-qawwa tal-mewt ġiet imkissra permezz tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù li jagħtu l-ħajja.

L-ikona hi mimlija tifsira. Ġesù qiegħed jersaq lejn Adam u Eva u qiegħed joħroġhom mill-qabar. Il-Grazzja tiegħu, li tagħti l-ħajja, hi mogħtija għall-bnedmin kollha, saħansitra mill-bidu tal-umanità. Meta wieħed jħares ftit lejn in-naħa tal-lemin, jara tlett karattri. Dawn jissimbolizzaw is-slaten Lhud, jiġifieri David u Salamun. Dak li hu tant viċin Kristu Rxoxt fl-ikona hu Elija, li kien anki meqjus bħala l-prototip ta’ Ġwanni l-Battista. Imbagħad, meta nifirxu l-ħarsa tagħna lejn in-naħa tal-lemin, il-figuri jvarjaw minn ikona għall-oħra. Madankollu jirrappreżentaw  il-“bnedmin ġusti” li qdew lill-Mulej fiż-żmien qabel Kristu. Xi minn daqqiet hemm min jaħsibhom Mosè u Abel. Kien hemm anki minn qal li dawn kienu t-tlett żgħażagħ li taw xhieda lill-Mulej fil-ktieb ta’ Danjel. Fl-ikoni tradizzjonali dejjem insibu tlett figuri f’din in-naħa tal-ikona. Biss, f’din l-ikona li ħarġet miċ-Cenacolo, hemm erba’ figuri. L-għaliex dan?

Din l-ikona taċ-Cenacolo kienet miktuba minn tlett żgħażagħ mill-Komunità. L-ebda wieħed minnhom ma kellu xi tħejjija artistika. Xogħlhom kien wieħed ta’ dover, dedikazzjoni u mħabba. Il-proċess tal-ħolqien tal-ikona mill-frak tat-talent tagħhom wera biċ-ċar il-ġlieda tagħhom biex jegħlbu l-leblieba li għandhom għad-droga u anki l-iżolament li ġġibilhom. Kemm id-droga serqitilhom minn ħajjithom! Mill-ftit li ħassew li kellhom x’joffru meta daħlu għall-għajnuna fiċ-Cenacolo, dawn it-tlett żgħażagħ qalbiena salpaw għall-vjaġġ li wassalhom biex joħolqu xogħol ta’ arti kbir u li jispira bil-bosta. Liema xogħol ta’ arti hu, minnu nnifsu, ċelebrazzjoni tar-Reżurezzjoni. Wara kollox, u minnu innifsu, dan sar simbolu tal-qawmien minn bejn l-imwiet tagħhom stess.

Ma ninsa qatt l-esperjenza ta’ Paul, membru fil-Komunità, li stqarr li ilu jissara mal-addiction tad-droga u l-alkoħol sa minn meta kellu 14-il sena. Fix-xhieda tiegħu Paul fisser li l-irġiel fil-Komunità identifikaw lilhom infushom b’qawwa ma’ Adam u Eva. Fl-ikona dawn il-personaġġi huma mgħawġa u mdaħħla fiż-żmien. Paul qal li “d-drogi ġagħluhom iħossuhom xjuħ. Id-drogi serqulhom ħajjithom”. Madankollu, Ġesù mar f’dak il-post ta’ disprament u qed jiġbidhom fid-dawl ħieles tiegħu.   

Paul fisser ukoll il-misteru tar-raba’ figura fl-ikona. Dan il-persunaġġ bla daqna jinsab l-aktar wieħed viċin ta’ Ġesù. Paul qal: “Dan il-persunaġġ hu Nicola, iż-żgħażugħ maħbub mill-Komunità Cenacolo. Nicola miet b’marda marbuta mal-Aids”. Paul qal li l-ħajja u l-mewt ta’ Nicola kienu xhieda kbira ta’ sabar, servizz u mħabba tant li ħutu fil-Komunità kienu jqisuh bħala wieħed “minn nies ġusti”, profeta u “qaddis”. B’hekk rieduh li jkun imfakkar f’din l-ikona biex jibqa’ jħares il-Komunità. Il-membri tal-Komunità riedu jaqsmu fit-tama u fil-ferħ tal-qawmien ta’ Nicola ma’ Ġesù.

Kemm tagħlimna lilna l-pazjenti din l-ikona! Kemm irridu ninħelsu mill-ktajjen u l-oqbra tagħna, l-aktar dawk tal-biża u s-solitudni! Biss, aħna konvinti li jekk nagħtu jdejna lil Kristu Rxoxt huwa żgur li jtellagħna mill-oqbra tagħna u jlibbisna bid-dawl sabiħ u li jgħammex tiegħu. It-talb tal-qaddisin fis-sema u ta’ dawk li jħobbuna, qed jgħinna bis-sħiħ biex ikunu viċin Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna (Lhud 12:2).

Ġesù qed jagħtina l-qawwa u l-għerf biex nagħrfu li għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda (Lhud 12:1) ta’ nies li jgħinuna. Imsaħħin bil-kuraġġ li jagħtina Ġesù b’dawn ħutna, inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna (Lhud 12:1). Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù (Lhud 12:2) ħa joktru fina s-sabar, is-servizz u l-imħabba lejn l-oħrajn!

Patri Mario Attard OFM Cap