Qari tat-Tlieta tas-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tlieta

Qari I

Għaliex jingħata d-dawl lill-imsejken?

Ġob 3, 1-3.11-17.20-23

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob

Ġob fetaħ fommu, seħet jum twelidu, 2u qabad jgħid:

“Qerda għal jum twelidi,

għal-lejl li qal: “Tnissel raġel”.

Għaliex ma mittx fi ħdan ommi?

Għaliex ma bqajtx fil-ġuf u mitt?

Għaliex laqgħuni l-irkupptejn?

Għaliex sidrejn biex nerda’?

Kieku issa jien mimdud u sieket,

kont inkun rieqed u mistrieħ mas-slaten u l-kunsillieri tal-art,

jew mal-kbarat li bnew mill-ġdid il-ħerbiet;

u mal-prinċpijiet li kellhom id-deheb, li mlew djarhom bil-fidda.

Għaliex ma kontx bħal rimi moħbi,

bħat-trabi li qatt ma raw id-dawl?

Hemm il-ħżiena jehdew mill-inkwiet,

u l-għajjenin isibu l-mistrieħ.

Għaliex jingħata d-dawl lill-imsejken,

u l-ħajja lil min qalbu kollha mrar?

Lil dawk li jixxennqu għall-mewt bla ma tiġihom,

u jħaffru għaliha aktar milli għal teżor;

li jifirħu u jaqbżu bil-ferħ, jogħxew meta jsibu l-qabar?

Għaliex il-ħajja lil min triqtu magħluqa,

li Alla għalaq minn kull naħa?”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 87 (88), 2-3.4-5.6.7-8

R/. (3a): Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, Mulej

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat,

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek,

agħti widen għat-talba tiegħi. R/.

Għax ruħi mimlija bil-hemm,

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma’ min nieżel fil-ħofra,

sirt qisni bniedem bla saħħa. R/.

Fost il-mejtin hu friexi,

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed

u mhumiex aktar taħt idejk. R/.

Inti xħettni f’qiegħ il-ħofra,

fid-dlamijiet, f’qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek,

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 10, 45

Hallelujah. R/. Hallelujah

Bin il-bniedem ġie biex jaqdi

u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.

R/. Hallelujah

Evanġelju

B’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm.

Lq 9, 51-56

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, Ġesù b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?”. Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: