Venezja … storja li nieżlet ħelu ħelu fil-fond …

Print Friendly, PDF & Email

Kważi kważi kif ħa naqbad it-triq għall-barra mill-Palazzo Ducale l-Mulej f’ħakka t’għajn sabli t-triq biex nara ftit il-biċċa l-morra ta’ Venezja, il-ħabsijiet. Ma jistax ikun li Repubblika bħal dik titmexxa bil-ħelu biss! Inkella setgħet faċli ħafna tinfetta bid-dijabete tal-qerq liċ-ċittadini tagħha. U jekk ġustizzja ma ssirx kif setgħet tibqa’ wieqfa għal dawk is-snin kollha?

Imma f’Venezja dejjem seħħet il-ġustizzja? Dan hu suġġett dibattibli ħafna bħalma jibqa’ dejjem dibattibli kemm fl-istat, fil-knisja, fil-kunvent, fil-familja, fuq il-post tax-xogħol u kulfejn jiddeffes l-homo sapiens, il-bniedem! Li naf hu li l-ħabsijiet tal-Palazzo Ducale fakkruni f’personaġġ li ħafna aqta’ kemm iħobbu jwaddbulu l-ġebel miskin. Min jaf! Abbli jagħmlu hekk għax għandhom ħafna x’jistħu minnu b’mod personali u allura jeħel bil-ħtija kollha hu!

Qed nirreferi għall-avventurier Venezjan Giacomo Girolamo Casanova (1725-1798). Kulħadd jaf għalxiex hu imsemmi Casanova. Kemm kellu maħbubin! U kif kien jirnexxielu jirbaħhom għal ħdanu! Imma tafu kemm dan il-bniedem kien sinċier f’kitbietu? Tafu li mill-magħrufa awtobijografija tiegħu Histoire de ma vie (l-istorja ta’ ħajti), seħħlu jirrakkonta bl-akbar reqqa l-għejjun kollha tad-drawwiet u n-normi tal-ħajja soċjali Ewropeja tas-seklu 18? Tafu li fl-awtobijografija tiegħu jiġbed il-widnejn ta’ min iż-żwieġ tiegħu u tagħha qed jieħdu u tieħdu b’rutina? Fejn il-fjamma tal-imħabba tal-bidu bix-xogħol, bl-obbligi tal-familja u b’ma nafx b’kemm-il raġuni oħra, tkun ilha li marret il-baħar u ntfiet qisha qatt ma kienet imkebbsa?

Imbagħad l-istorja l-għaliex tfaqqas l-iscappatella? X’jgħidilhom Giacomo Casanova lil dawk li fiż-żwieġ ma jibqgħux namrati? Ifakkarhom f’dan il-punt importanti ħafna bil-mod li hu kollu kemm hu tiegħu: Iż-żwieġ hu l-qabar tal-imħabba. Skjetta l-ħaġa! Imma tista’ tabilħaqq tiġri! Ejjew ma nħallux liż-żwieġ ikun il-qabar tal-imħabba imma nħallu l-imħabba tibqa’ taqbad. U ngħinu iwa biex il-fjamma tal-imħabba tissokta tħeġġeġ fiż-żwieġ aktar ma jgħaddi ż-żmien. Ma nistgħux le fiż-żwieġ naffordjaw li nsiru aħwa! Għax il-Mulej ma sejħilniex biex inkunu aħwa fiż-żwieġ imma namrati u maħbubin! Irġiel u nisa fl-imħabba sal-aħħar!

U allura, fid-dawl ta’ dan kollu, kif nista’ lil ħija fl-umanità u fil-fidi Casanova ma nirringrazzjahx li b’dan l-għerf li żgur li l-Mulej tah f’kitbietu mhux qed jgħidli kelma ta’ ħabib? L-aktar jekk bridt fl-imħabba? Mela, jekk tħossukom li l-imħabba kesħet fiż-żwieġ tagħkom morru fittxu l-għajnuna minnufih. Għax il-borma ġiet magħmula mhux biex tkun imrekkna f’xi cupboard tal-kċina, kiesħa kiesħa u għad-dlam, imma biex titpoġġa fuq in-nar ħa ssaħħan l-ikel u tmantni l-familja bl-ikel sħun u bnin tagħha.

Barra minhekk, qabel ma nħalli l-Palazzo Ducale ma nistax ma nsellimx b’tant imħabba, rispett u ħbiberija lil xi artisti li pittru opri mill-isbaħ f’dan il-Palazz daqshekk majestuż u mimli storja. Fosthom, nixtieq insemmi b’ammirazzjoni kbira lil Giustino Menescardi, Tiziano Vecellio, Jacopo Tintoretto, Vittore Carpaccio, Paolo Veronese, Giambattista Ponchino, Andrea Vicentino, Domenico Tintoretto u tant oħrajn. Nimmaġina li dawn il-pitturi kienu ta’ kuraġġ kbir għad-Doge u għall-kunsill tiegħu. U, kull darba li kien iħares lejhom, l-oyesters u l-ħrief li kien jiekol żgur li kienu jinżlulu għasel flimkien ma’ dawn ix-xeni artistiċi kbar!

Ċert li l-pitturi mill-isbaħ ta’ dawn ħutna, pitturi ta’ fama mondjali, ħalla effett mill-isbaħ fuq id-Doge u l-bella compagnia tiegħu. Aktar u aktar f’mumenti ta’ tensjoni politika, militari u anki ekonomika li Venezja ħabtet wiċċha bil-qabda magħhom tul is-sekli kbar tal-imperu tagħha. Flimkien max-xeni mill-isbaħ u letteralment tal-ħolm li l-Palazzo Ducale biss jaf jagħtik, l-opri tal-arti ta’ dawn il-pitturi kbar issuktaw ipoġġu t-tama fejn din jew kienet moħbija inkella kienet ilha li bewġet ‘il barra. Nista’ ma niftakarx u ma nitlobx minn qalbi għalihom dawn ħuti?

Hekk kif kont se nabqad il-kuritur li jwassal għall-bitħa u mbagħad għall-bieb ta’ barra l-Mulej refagħli souvenir tassew ħelu tal-Palazzo Ducale. Laqqagħni ma’ koppja ħelwa Taljana infermieri. Kemm konna qegħdin tajjeb! Huma infermieri u jien kappillan-pazjent tal-onkoloġija! Hi infermiera fi sptar statali Taljan filwaqt li hu infermier man-nies li għandhom diżabilità. Mill-ewwel ħassejna li kellna immorru għal kafè. Għalhekk, b’ġentilezza kbira, stednuni li joħduni għal kafè. Kemm apprezzajtha din l-istedina! Kienet l-ewwel waħda tiegħi fil-mawra fl-Italja. Għalhekk tgħidx kemm għożżejtha u għadni ngħożżha jiena u nsemmieha.

Waqt li konna qed nieħu l-kafè, jien, bil-kikkra ħelwa ħelwa tal-kafè imsemmi għalija, il-cappuccino, ma stajtx ma nirrakuntalhomx minn dak li għaddejt fl-istorja ta’ saħħti. Hi din, biex nuża frazi li l-għażiża Raffaella Carrà u warajha Maria De Filippi, la mia storia. L-istorja tiegħi. Waqt li bdejt nirrakkuntalhom x’għadda mingħalija u kif, minħabba l-fatt li jien pazjent tal-onkoloġija, dan qed jgħini bis-sħiħ biex naqdi l-missjoni tiegħi ta’ Kappillan fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, bdejt ninnutahom li qed jieħdu interess ġmielu fl-istorja. Kos hux kemm meta fil-ħajja nirrakkuntaw il-mumenti ta’ tbatija u dgħjufijiet tagħna minflok ma naħbuhom f’xi sotterran ħalli ma jidhrux jafu jservu ta’ pontijiet ta’ ħbiberija li tagħti kuraġġ, timla bit-tama u tfejjaq ukoll. F’din l-esperjenza ħelwa, li seħħet fil-kafetterija tal-Palazzo Ducale, stajt aktar napprezza bil-kbir il-kliem li qalilna Ġesù Sidna: Sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom (Ġw 15:15).

Wara li qattajna ftit ħin mhux ħażin nirrakkuntaw u nagħmlu kuraġġ lil xulxin tlabna, berikna l-kafetterija bl-ilma imbierek u jien irħejtilha lejn il-waqfa tal-vapurett, jiġifieri f’dik ta’ San Zaccaria. Ma domtx nistenna wisq għax daqs ħames minuti wara nara l-vapurettli kellu joħodni għall-gżira ċkejkna ta’ Giudecca fejn hemm il-kunvent u l-knisja tagħna l-Kapuċċini. Fil-fatt, dan il-vapurett kellu jwassalni fil-waqfa tas-Santissimo Redentore.

It-traġitt lejn il-gżira ta’ Giudecca kien tassew sabiħ. Dan l-għaliex qsamna minn naħa għall-oħra tal-ftuħ tal-Canal Grande. X’daqxejn arja kien hemm! U kemm kien jum sabiħ avolja kienet is-sħana. Aħna u resqin lejn il-gżira ta’ Giudecca rajt Knisja daqshiex tar-Rendentur Imqaddes. Xi ġmiel ta’ Knisja! Din Kattidral mhux Knisja tal-Kapuċċini! Dan kien il-ħsieb li għaddhieli minn rasi hekk kif rajtha tant imponenti quddiemi!

U, dan il-ħsieb f’moħħi, issokta jberren u jberren. Meta nżilt fuq l-art fettilli nidħol daħla sal-Knisja ħa naraha ftit. X’kobor fiha! Xi ħaġa li laqtitni immens fiha kien id-dawl u l-ispazzju li fiha. Illum ngħid li nimmaġina li d-Doge kien imur tajjeb magħna l-Kapuċċini. Li kieku ma kienx hekk kieku kif għandna f’idejna Knisja sabiħa bħal din?

Wara li rajt il-Knisja u ħadt gost ninħataf mill-preżenza qaddisa, nadifa, arjuża, friska, ħelwa, artistika, arkitettonika u sabiħa tagħha rħejtilha lejn il-kunvent tagħna. Dan tidħol għalih minn triq pjuttost dejqa. Ċempilt u ġie jiftaħli Fra Francesco, id-direttur tal-istudenti tagħna. Meta bdejt nitħaddet miegħu ntbaħt li jien u hu ta’ mpar xulxin. Imma hu kien qaddes żgħir. Fil-fatt, din is-sena, jagħlaq 24 sena saċerdot.

Francesco hu patri minn tagħna ħafna. Bieżel u mimli enerġija u għaqal biex jakkumpanja lill-istudenti tagħna. Bilfors trid tkun hekk biex tieħu ħsieb numru mdaqqas ta’ studenti ġejjin mill-Italja, il-Kroazja, il-Belorussja, it-Turkija u l-Ungerija. L-istudenti tagħna, li jitgħallmu l-filosofija u t-teoloġija f’dan il-kunvent ta’ Giudecca, ħaduha ħafna bis-serjetà l-formazzjoni tagħhom. Kemm ħassejtni ferħan inkun fosthom u naqsam magħhom l-esperjenzi tiegħi ta’ 28 sena fil-kunvent. Kemm ammirajt li wieħed minnhom fetaħ qalbu miegħi. L-aħwa huma aħwa għax jissapportjaw lil xulxin.

Ħaġa ħelwa li ġrali f’dan il-kunvent kienet il-kamra fejn tawni nistrieħ. Kienet l-istess kamra l-Provinċjal! Tani d-daħk! Għax libbsuni żarbun li ma jiġinix! U, li jekk nipprova nilbsu, aqta’ kif noħodha għal imnieħri! U hawn ġietni frażi ħelwa u ta’ taħt iċ-ċintorin li Ġesù qal lil Don Camillo: Xi tridni ngħidlek? Il-vjaġġ it-tajjeb kumpann Don Camillo!

Ara tagħmilli xi waħda Ġesù! Jien Venezja ġejt biex nistrieħ imma, milli qed nara, int qed tniżżilni fi storja li nieżla nieżla, ħelu ħelu, fil-fond! …

Patri Mario Attard OFM Cap