Qari tal-Ħamis tas-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ħamis

Qari I

L-Ispirtu rċevejtuh mill-opri tal-Liġi jew mis-smigħ tal-fidi?

Gal 3, 1-5

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

Ja Galatin bla moħħ, min saħħarkom bi kliemu? Intom li Ġesù Kristu tpinġa msallab quddiem għajnejkom! Dan biss irrid naf mingħandkom: l-Ispirtu rċevejtuh mill-opri tal-Liġi jew mis-smigħ tal-fidi? Daqshekk intom boloh? Bdejtu bl-ispirtu u issa sa tkomplu bil-ġisem? Batejtu dan kollu għal xejn, jekk tassew għal xejn! Meta Alla jagħtikom l-Ispirtu u juri s-setgħa tiegħu permezz tagħkom, dan isir bis-saħħa tal-opri tal-Liġi jew bis-smigħ tal-fidi?

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Lq 1, 69-70.71-72.73-75

R/. (ara 68): Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu

Waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni

f’dar David qaddej tiegħu,

bħalma wiegħed fl-imgħoddi

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu. R/.

Biex isalvana mill-għedewwa tagħna,

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu. R/.

Fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna:

li jagħtina l-grazzja

li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna,

naqduh bla biża’, tul ħajjitna kollha,

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Atti 16, 14b

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iftħilna qalbna Mulej,

biex nifhmu dak li kien jgħid ibnek.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Itolbu u jingħatalkom.

Lq 11, 5-13

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu: “Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih”. U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu: “Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik”. Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu.

U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu. Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: