DISKORS TA’ ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI U LID-DJAKNI TA’ LINGWA INGLIŻA
Il-Ħamis, 24 ta’ April 1981
Maħbubin ħuti fi Kristu,
- Wara l-Qawmien mill-Imwiet tiegħu Sidna Ġesù Kristu, reġà lura fost id-dixxipli tiegħu. Huwa kuntent li għal darb’oħra reġà kien f’nofshom. Juri interess personali profond fil-konfront tagħhom – isejħilhom “ħbieb” u jiekol magħhom. Din it-tielet darba, kif iġegħlna ninnotaw SanĠwann fil-Vanġelu ta’ dalgħodu, li Huwa deher lid-dixxipli tiegħu. B’dan il-mod Ġesù juri l- ħajja l-ġdida u l-qawwa tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħu.
- Għalina llum huwa mportanti ninnotaw li d-dixxipli li Ġesù dehrilhom – Pietru u Tumas, Natanael, Ġakbu u Ġwanni, – kienu s-saċerdoti tiegħu; kienu dawk li kienu miegħu ftit żmien qabel, fl-Aħħar Ċena; kienu fost dawk li kienu semgħuh jgħid: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22,19). B’dan il-kliem, skont it-tagħlim kostanti tal-Knisja u d-dikjarazzjoni sollenni tal-Konċilju ta’ Trento, Ġesù ikkonferixxa s-saċerdozju lill-Appostli tiegħu u ordna li huma u s-suċċessuri tagħhom fis-saċerdozju kienu se joffru s-sagrifiċċju ta’ ġismu u ta’ demmu (cf. Sess. 22, cap. 1, can. 2).
- Dalgħodu ċ-ċelebrazzjoni tagħna tal-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej hija magħquda maċ-ċelebrazzjoni tas-Saċerdozju Sagru. Nonoraw dan is-Saċerdozju fil-Mulej Irxuxtat, f’Ġesù Kristu nnifsu. Nonoraw fl-Arċisqof White u fil-membri l-oħra li din is-sena ifakkru l-ħamsa u għoxrin anniversarju tal-ordinazzjoni tagħhom. B’dan il-mod nonoraw is-Saċerdozju tat-Testment il-Ġdid bil-mod li kien trażmess permezz tas-suċċessjoni apostolika nterrotta, kif ma jdumx se jkun ikkomunikat lid-djakni l-ġodda preżenti hawn illum – is-Saċerdozju sagrifikali li se jipperpetwa l-Misteru Paskwali u se jqawwi l-Knisja sakemm Kristu ma jirritornax fil-glorja biex jiġġudika l-ħajjin u l-mejtin.
- Is-Saċerdozju li qeġhdin niċċelebraw jgħajjex mill-ġdid b’mod sagramentali fl-Ewkaristija l-mewt u l-glorifikazzjoni tal-Mulej. L-Ewkaristija hija l-proklamazzjoni tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu fil-forma tagħha l-iktar għolja, hekk kif hija l-qawwa u l-quċċata tal-evanġelizzazzjoni kollha (Presbiterorum ordinis, 5). L-isforzi kollha ta’ dawk li jaqsmu s-Saċerdozju ta’ Kristu għandhom ikunu ndirizzati għall-aħbar tal-ministeru tas-Salvatur Irxuxtat.
Is-Sacerdozju tal-Knisja Kattolika għandu jipproklama bla ma jaqtà d-duttrina tal-Qawmien mill-Imwiet. Sabiex ikun jistà jagħmel dan, kien ipproovdut b’mod meraviljuż mill-qawwa tal-Ispirtu Santu. U permezz ta’ din il-qawwa tal-Ispirtu Santu, il-proklamazzjoni tal-Qawmien mill-Imwiet għandu llum l-istess ħila li jqanqal il-fidi u li jikkonverti l-qlub l-istess bħal meta twettqet mill-Appostli Pietru u Ġwanni. Hemm bżonn li nżommu għoli quddiem id-dinja l-isem ta’ Ġesù Mislub u Irxuxtat. F’isem Ġesù, il-Knisja toffri lill-ġnus kollha tama invinċibbli – tama li tistà tissupera kull dieqa, tirbaħ kull pessimiżmu, tirbaħ kull dnub u tegħleb lill-istess mewt. Kristu Irxuxtat jagħti tama lid-dinja kollha. F’isem Kristu hemm tama ta’ salvazzjoni, qawmien mill-imwiet u novità tal-ħajja. Tassew, “Mhemmx isem ieħor mogħti lill-bnedmin taħt is-sema li fih hemm stabbilit li nistgħu nkunu salvati” (At 4,12). - Wara li għaddejna tant snin fil-ministeru saċerdotali – ministeru eżeċitat b’modi differenti bħalma l-Knisja ta’ Alla u l-providenza tiegħu ddisponew – mhemm ħadd fostna li llum qegħdin niċċelebraw din il-Quddiesa, li jistà jimmaġina fis-saċerdozju tagħna ferħ ikbar mill-ferħ li kontinwament nipproklamaw il-Misteru Paskwali fl-għixien mill-ġdid b’mod sagramentali fis-Sagrifiċċju ewkaristku.
Qatt mhu Ġesu b’mod l-iktar straordinarju il-Mulej tal-ħajja daqs fl-Ewkaristija, minn fejn il-poter feddej u vivifikanti tiegħu jinfirex fuq l-art kollha. Permezz tal-Ewkaristija, ir-rebħa u t-trijonf tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu jiġu kkomunikati lill-umanità li b’mod imħeġġeġ tixtieq rikonċiljazzjoni, salvazzjoni u ħajja. - Għeżiez li qegħdin tiċċelebraw il-ħamsa u għoxrin anniversarju tal-ordinazzjoni ssaċerdotali tagħkom: il-proklamazzjoni sagramentali tal-Misteru Paskwali ta’ Kristu ma teżawrixxix l-ministeru tagħkom kollu fil-Knisja, imma bla dubju tikkostitwixxi l-aspett l-iktar importanti. Il-Quddiesa hija ċ-ċentru ta’ ħajjitkom saċerdotali. Hija l-kontribut l-iktar dinamiku u effikaċi li tistgħu tirrendu għall-ġid tal-Poplu ta’ Alla: waqt li miet, Kristu qered il-mewt u waqt li qam mill-imwiet ta lura l-ħajja lill-poplu tiegħu. U dan kollu jiġi kkomunikat permezz tal-Ewkaristija li hija possibbli biss grazzi għas-saċerdozju.
Dawn ir-riflessjonijiet essenzjali ma jċekknux aspetti oħra tal-ministeru tagħkom saċerdotali; ma jirrendukomx inqas disponibbli għas-servizzi bla numru li l-Poplu ta’ Alla jesiġi minnkom. Imma kull ħaġa oħra takkwista l-prospettiva ġusta tagħha mir-relazzjoni tagħha mal-Ewkaristija u mir-relazzjoni tagħha mal-ħajja l-ġdida li Ġesù jgħix permezz tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħu għall-glorja tal-Missier.
Hekk, waqt li tħarsu lura lejn il-jum feliċi tal-ordinazzjoni saċerdotali tagħkom u waqt li tiftakru fil-ġenituri tagħkom, il-familji tagħkom u dawk kollha li għenukom biex taslu għas-saċerdozju, m’għandkomx tinsew li tħarsu lejn il-futur u li taħsbu dwar dawk kollha li jiddependu minnkom, u li, grazzi għall-ministeru fidil tagħkom, jistgħu “jimxu f’ħajja ġdida” (Rm 6,4). Għalikom, għeżież ħuti saċerdoti, dan huwa mela jum ta’ ringrazzjament u ta’ fedeltà mġedda. Għalikom, għeżież djakni, din hija okkażjoni li għandha tqanqal fikom fiduċja, ġenerożità u talb. U għall-Knisja kollha, irrapreżentata hawn ukoll mill-familji tagħkom u minn ħbiebkom, din hija siegħa ta’ ferħ – ferħ li aħna lkoll naqsmu ma’ Marija, is-Sultana tas-Sema, li tifraħ fir-Rebħa Paskwali ta’ Binha rxuxtat, Sidna l-Mulej u Sommu Saċerdot Ġesù Kristu. Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb