Malta Missjunarja ta’ Novembru 2021

Print Friendly, PDF & Email

Dawk li għandhom qalbhom ħelwa huma mberkin minn issa stess, għaliex minn issa jaraw li għandhom il-possibiltà li jibdlu d-dinja ta’ madwarhom; l-aktar billi jibdlu l-mod kif jirrelataw man-nies ta’ madwarhom. F’soċjetà li ħafna drabi hija ddominata minn vjolenza, arroganza u inġustizzja, huma jsiru ‘sinjal ta’ kontradizzjoni’ u jirradjaw ġustizzja, ftehim, tolleranza, ħlewwa u stima ma’ kulħadd.

Matul ix-xahar ta’ Novembru tista’ taqra żewġ esperjenzi li jirriflettu l-qalb ħelwa fl-editorjal tal-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun ser jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. F’wieħed mill-artikli naqraw dwar San Josè Luis Sànchez del Rìo, tfajjel ta’ tlettax-il sena mill-Messiku li kien ittorturat u eventwalment inqattel għax ma riedx jiċħad il-fidi Nisranija. Artiklu ieħor ilaqqana ma’ Marie Alphonse Ratisbonne u d-dehra li kellu tal-Madonna ta’ Sion, f’Ruma l-Italja, fis-sena 1842.

Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt.  Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: