F’messaġġ lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Papa Franġisku appella għal impenn internazzjonali kongunt biex tinqered il-pjaga tat-tħaddim tat-tfal.
Il-Papa Franġisku qed jappella biex l-awtoritajiet internazzjonali u nazzjonali jiddefendu lit-tfal vulnerabbli, li ħafna minnhom huma skjavi fix-xogħol u mċaħħda minn “żvilupp dinjituż u amonjuż”.
Il-messaġġ kien iffirmat mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinali Pietro Parolin, f’isem il-Papa, fejn fit-2 u 3 ta’ Novembru sar Forum ta’ Soluzzjonijiet Globali bit-titlu “Naġixxu flimkien biex intemmu x-Xogħol tat-Tfal fl-Agrikoltura”. Estimi riċenti ndikaw żieda fit-tħaddim tat-tfal, il-Papa ddeskriva dan il-fenomenu bħala “pjaga li tweġġa’ b’mod krudili l-eżistenza dinjituża u l-iżvilupp armonjuż ta’ żgħar, li tillimita b’mod konsiderevoli l-opportunitajiet tagħhom għall-futur”.
Il-Qdusija Tiegħu qal li l-aqwa invesitment li tista’ tagħmel l-umanità huwa l-ħarsien tat-tfal. Dan ifisser rispett tal-fażijiet differenti tal-iżvilupp u t-tkabbir tagħhom u li tħallihom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet xierqa li fihom jiffjorixxu. Huwa qal li biex it-tfal jiġu protetti trid tittieħed azzjoni deċiżiva biex tgħin lill-familji tal-bdiewa ż-żgħar biex dawn ma jkunux sfurzati jibagħtu lil uliedhom jaħdmu biex iżidu d-dħul finanzjarju, li nkella jkun tant baxx li ma jkunu jistgħu jmantnu lill-familji tagħhom.
Fl-aħħarnett, il-Papa qal, “il-ħarsien tat-tfal ifisser li taġixxi b’tali mod li tiftaħilhom orizzonti bħala ċittadini ħielsa, onesti u li jieħdu ħsiebhom”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-11/pope-message-child-labour-agriculture-fao-appeal.html