Il-mewt tfakkarna fil-komunjoni ta’ bejnietna

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 6 ta’ Novembru 2021: Messaġġ tal-Isqof Anton Teuma fil-bidu tal-Quddiesa b’suffraġju tas-saċerdoti mejtin. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Messaġġ tal-Isqof Anton Teuma

Għeżież ħuti saċerdoti,

Minħabba kuntatt ma’ persuna li rriżultat pożittiva għall-Covid aktar kmieni din il-ġimgħa, ma nistax inkun magħkom dalgħodu. Imma għalkemm m’iniex magħkom fiżikament, nixtieq niżgurakom li qiegħed magħkom spiritwalment u nsegwi din l-Ewkaristija minn fuq il-mezzi soċjali.

Il-mewt għandha l-kapaċità li tgħolli ’l fuq is-sabiħ tal-persuna u ċċekken id-difetti tagħha. Għax fl-aħħar mill-aħħar kull persuna għandha ħafna sabiħ, u bħal kulħadd, hija limitata u dgħajfa. Il-mewt għandha l-kapaċità li tillivellana, iġġibna kollha l-istess, u tikxfilna l-illużjoni li spiss teħdilna rasna: li aħna aħjar jew agħar minn xi ħadd minn sħabna, li aħna għandna dritt jew inqas dritt minn sħabna, li aħna jistħoqqilna aktar jew inqas minn sħabna.

It-tifkira ta’ ħutna saċerdoti mejtin hija għalina li għadna hawn okkażjoni, sejħa biex ngħixu l-fraternità saċerdotali bejnietna.

Nitlob lil Ġesù, is-Saċerdot il-Kbir, biex inkunu saċerdoti li niddefendu lil xulxin, ma’ xulxin u man-nies. Nitlob lil Ġesù biex inkunu saċerdoti li ngħidu lil xulxin dak li għandna ngħidu, u ma nitħaddtux minn wara dahar xulxin. Nitlob lil Ġesù biex inkunu saċerdoti li ma nitkellmux b’mod negattiv fuq xulxin man-nies. Nitlob lil Ġesù biex ninteressaw irwieħna fil-bżonnijiet veri ta’ xulxin. Nitlob lil Ġesù biex ma nħallu lil ħadd minna waħdu jissielet mad-diffikultajiet tal-ħajja jew tal-vokazzjoni. Nitlob lil Ġesù biex napprezzaw ix-xogħol ta’ xulxin u nfaħħruh bejnietna u mal-oħrajn. Nitlob lil Ġesù biex ma jieqaf qatt jagħtina l-entużjażmu u l-ferħ tas-sejħa tagħna li nkunu dixxipli veri tiegħu u nħobbu lil xulxin kif iħobbna hu.

Il-mewt ta’ ħutna, li għaddew qabilna, isservina biex nibqgħu b’saqajna mal-art – u jgħinuna nagħrfu tassew x’inhu dak li jibqa’ għax importanti f’għajnejn Alla, u x’inhu dak li jgħaddi għax importanti f’għajnejna.

Jalla l-Kelma li ser nisimgħu, u l-Ġisem u d-Demm li ser nieklu u nixorbu f’din l-Ewkaristija, jgħaqqduna tassew miegħu u ma’ xulxin.

Leave a Reply

%d bloggers like this: