Ħaddem rasek

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 5 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Ġimgħa tal-wieħed u tletin ġimgħa matul is-sena. Kappella ta’ San Luqa fl-Isptar Karin Grech, G. Mangia.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Din il-parabbola li Ġesù qal fl-Evanġelju llum turina konċentrazzjoni ta’ ħażen, xibka ta’ ħażen. Għandna d-diżonestà, il-qerq, it-tberbiq ta’ ġid ħaddieħor, l-amministrazzjoni ħażina, il-korruzzjoni, u l-kompliċità. Kienu jeżistu fi żmien Ġesù, għadhom jeżistu wkoll fi żmienna.

Kien hemm dan l-amministratur li kellu l-akkuża li qed iberbaq ġid is-sid. Kienet akkuża vera? Mid-dehra kienet vera, għax donnu baqa’ sal-aħħar iberbaq il-ġid ta’ dan ir-raġel għani. L-Evanġelju jgħid li beda jaħseb kif se jagħmel biex ma jiġix dahru mal-ħajt, u għalhekk sejjaħ lil dawk li kellhom id-dejn ma’ dan ir-raġel għani, u qalilhom biex fil-karta jekk għandhom jagħtuh mija, jiktbu ħamsin, jew tmenin – jiġifieri qarraq hemmhekk ukoll.

X’kienet ir-reazzjoni tas-sid? Dan induna x’qed jiġri. Kont taħseb li l-Evanġelju se jgħid li kif dan induna x’kien qed jagħmillu l-amministratur, jibda jgħajjat, jirrabja, isabbat, u jgħidlu “itlaqli ’l barra”. Imma l-Evanġelju jgħid li dan is-sid faħħar lill-amministratur “talli ħadem b’rasu”. Naturalment, l-Evanġelju ma jkomplix l-istorja; għandi nifhem li l-ewwel faħħru, imbagħad qallu biex jitlaq għax ma setax jafdah. Imma faħħru talli ħadem b’rasu.

Hawn hu l-messaġġ importanti li jrid jagħti Ġesù permezz ta’ din il-parabbola. Ġesù qed jgħid: aħna għandna nkunu dejjem bil-għaqal. Bil-għaqal ifisser li l-ewwel ma nagħmlux bħal dan l-amministratur, u li naqdu b’responsabbiltà d-dmirijiet tagħna. Imma l-għaqal ifisser ukoll li nkunu attenti li ħadd ma jqarraq bina. It-tnejn imorru flimkien, bħalma Ġesù kien qal: “Kunu għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16). Ġesù għaqqadhom flimkien, u hekk irid ukoll meta jagħti l-messaġġ f’din il-parabbola.

Li qed jgħid Ġesù hu li aħna għandna dejjem nimxu bl-onestà fil-ħidma tagħna: li naqdu x-xogħol tagħna b’responsabbiltà, u nimxu sew fl-amministrazzjoni li tkun fdata f’idejna. Naqdu d-dmirijiet tagħna b’mod tajjeb. Dak li jrid Ġesù minna. Imma jridna wkoll niftakru li qed ngħixu f’dinja fejn jeżisti ħafna ħażen. Jgħidilna biex ma nittiħdux minnu, u fl-istess waqt biex ikollna l-għaqal ħalli ħadd ma jqarraq bina, u ħadd ma jdaħħalna fi xkora. It-tnejn imorru flimkien, u dak hu li qed jitlob illum fl-Evanġelju. Għalhekk Ġesù jgħidilna biex ikollna l-għaqal. Jgħid li kultant ulied id-dlam, ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom, huma aktar bil-għaqal minn ulied id-dawl.  Lilna jridna ma nkunux tal-qatgħa tagħhom, jiġifieri li naħdmu biex dejjem inkunu responsabbli, naħdmu bil-għaqal u nagħmlu l-affarijiet sew aħna; imma wkoll fl-istess waqt li nħaddmu moħħna biex  ħadd ma jqarraq bina, u ħadd ma jidħaq bina.

Nitolbu lil Ġesù, ispirati mill-Evanġelju llum, biex aħna nkunu nies onesti, ngħixu l-valuri li għallimna hu, naqdu l-amministrazzjoni li tkun fdata f’idejna b’responsabbiltà, imma fl-istess waqt naħdmu bil-għaqal biex ħadd ma jqarraq bina.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: