L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ħamis
Qari I
Iġġarrfet Babilonja l-Kbira.
Apok 18, 1-2.21-23; 19, 1-3.9a
Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu
Jiena, Ġwanni, rajt anġlu ieħor nieżel mis-sema b’setgħa kbira, u l-art imtliet bid-dawl tal-glorja tiegħu. U għajjat b’leħen qawwi u qal:
“Iġġarrfet, iġġarrfet Babilonja l-Kbira,
u saret għamara tad-demonji,
saret ħabs tal-ispirti mniġġsin kollha,
ħabs tat-tajr imniġġes u mibgħud kollu”.
Imbagħad wieħed anġlu ta’ saħħa kbira rafa’ ġebla kbira tal-mitħna, waddabha fil-baħar u qal:
“Hekk b’saħħa tintrema Babilonja, il-Belt il-Kbira,
u ma tinstabx iżjed.
U fik ma jinstemax iżjed id-daqq tal-kitarristi u l-leħen tal-għannejja;
tad-daqqaqa tal-flawt u tat-trombi;
ebda mgħallem ta’ ebda sengħa ma jinstab iżjed ġewwa fik;
fik aktar ma tinstamax l-għanja tal-mitħna;
fik aktar ma jiddix id-dawl tal-musbieħ;
l-għana tal-għarus u tal-għarusa fik aktar ma jinstamax.
Għax il-merkanti tiegħek kienu l-kbarat tal-art,
u bis-seħer tiegħek tqarrqu l-ġnus kollha”.
Wara dan smajt bħal leħen qawwi ta’ kotra kbira fis-sema jgħidu:
“Hallelujah!
Is-Salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa ta’ Alla tagħna,
għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu;
għax għamel ħaqq miż-¸ienja l-Kbira,
dik li ħassret l-art biż-żína tagħha,
u tħallas minnha tad-demm tal-qaddejja tiegħu!”
U reġgħu qalu: “Hallelujah!
Iva, id-duħħan tagħha tiela’ għal dejjem ta’ dejjem”.
Imbagħad qalli: “Ikteb: Hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejdatat-tieġ tal-Ħaruf!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 99 (100), 2.3.4.5
R/. (Apok 19, 9a): Hienja dawk li kienu mistiedna
għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf!
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha tal-art,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.
Kunu afu li Jaħweh hu Alla,
hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.
Idħlu b’għana ta’ ħajr mill-bibien tiegħu,
bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu;
roddulu ħajr u bierku ismu! R/.
Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 21, 28
Hallelujah. R/. Hallelujah
Qawwu qalbkom u erfgħu raskom,
għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġerusalemm tibqa’ tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.
Lq 21, 20-28
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-raba’; għax dawk ikunu jiem il-kastig li fihom iseħħ kulma hemm miktub. Jaħasra għalihom in-nisa li f’dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Għax hemm kbir jaqa’ fuq il-pajjiż, u korla fuq dan il-poplu. In-nies jaqgħu taħt il-qilla tas-sejf, u jittieħdu lsiera fost il-pagani kollha; u Ġerusalemm tibqa’ tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.
U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu