Il-migranti fil-fruntieri tal-Belarus

Print Friendly, PDF & Email

Il-Caritas Europa tappella għal appoġġ li jsalva l-ħajja għall-migranti fil-fruntieri tal-Belarus

Eluf ta’ migranti jinsabu mitluqin, f’temperatura friżata, fuq il-fruntiera bejn il-Belarus u l-Polonja hekk kif ippruvaw jidħlu fl-Ewropa biex ifittxu ażil jew ħajja aħjar. Iżda Varsavja saħħet il-fruntiera tagħha b’wajer tal-metall bi trufijiet iniggżu u s-suldati jimblukkaw id-dħul tagħhom. Filmati juru ħafna familji, tfal żgħar, u trabi fost nies dawk li jinsabu mwaħħla fil-fruntiera.

L-Unjoni Ewropea qed takkuża lill-Belarus li qed tinkoraġġixxi lill-migranti – mill-Lvant Nofsani, l-Afganistan u l-Afrika – biex jippruvaw jaqsmu l-fruntiera illegalment bħala vendetta għal sanzjonijiet preċedenti imposti fuq Minsk minħabba abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Minn naħa l-oħra, l-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, appoġġjat mir-Russja, ċaħad li qed juża lill-migranti bħala pedini u qed iwaħħal fl-Unjoni Ewropea għall-kriżi. Bħal-Polonja, l-Litwanja wkoll imponiet stat ta’ emerġenza u qed timbotta lura l-migranti.

L-aġenzija umanitarja Kattolika, Caritas Europa, qed tagħmel l-almu tagħha, billi tikkollega mal-Uffiċċju lokali tal-Caritas u d-djoċesijiet qrib il-fruntieri Pollakki u Litwani f’tentattiv biex tipprovdi għajnuna umanitarja li ssalva l-ħajja. Iżda minħabba l-istat ta’ emerġenza, m’hemmx aċċess għall-fruntiera nnifisha. F’intervista ma’ Radju Vatikan, is-Segretarju Ġenerali tal-Caritas Europa, Marie Nyman, iddeskriviet is-sitwazzjoni bħala kritika u wissiet dwar imwiet possibbli jekk is-sitwazzjoni tittawwal, iżda qalet li l-uffiċċji lokali tal-Caritas qed jagħmlu dak kollu possibbli f’ċirkostanzi ta’ sfida kbira.

Maria Nyman qalet li l-Caritas Polonja mmobilizzat, u appoġġat lid-djoċesijiet qrib il-fruntiera “biex jagixxu biex jagħtu għajnuna neċessarja, billi jipprovdu backpacks b’kutri, ikel nutrijenti u li jagħti l-enerġija, kif ukoll ilma”. Hi stqarret ukoll li “filwaqt li qed nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinu biex nipprovdu serħan immedjat, nipprvaw ukoll insejħu lill-mexxejja tagħna biex jiżguraw li kull bniedem ikun dejjem trattat b’rispett u b’dinjità”.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Caritas qalet, li l-istess bħal Spanja, l-Italja u l-Greċja, l-Litwanja u l-Polonja jeħtieġu solidarjetà Ewropea għax dawn huma kwistjonijiet Ewropej: l-enfasi “m’għandiex tkun fuq il-bini ta’ ħitan iżda fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għall-ażil, kif ukoll il-provvista ta’ appoġġ umanitarju, biex jippermettu kundizzjonijiet dinjitużi” għall-migranti.

Nyman qalet li l-Caritas qed tgħaqqad il-vuċi tagħha ma’ dawk tal-mexxejja tal-Knisja, fakkret li l-President tal-Konferenza tal-Isqofijiet Pollakki, nhar it-Tlieta sejjaħ għal għajnuna materjali u spiritwali għall-migranti fil-fruntiera tal-Polonja/Belarus; u li l-Arċisqof ta’ Vilnius, Gintaras Grusas, li huwa wkoll il-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Ewropej, ammetta li l-istati membri tal-Unjoni Ewropa għadnhom id-dritt li jipproteġu l-fruntieri tagħhom, fliwaqt li saħaq li “għandhom jagħmlu dan b’umanità”.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Caritas Europa temmet is-sejħa tagħha għal akbar urġenza tas-sitwazzjonu minn perspettiva umanitarja: “Ma nistgħu bl-ebda mod, inħallu din is-sitwazzjoni diffiċli tkun għad-detriment tan-nies miexja li jinsabu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, in-nies li qed ibatu… jeħtieġ l-appoġġ tagħna u jeħtieġ lid-drittijiet tagħhom jiġu rispettati”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-11/caritas-europa-migrants-border-belarus-poland-lithuania-emergenc.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: