L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent – It-Tlieta
Qari I
Fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej.
Iż 11, 1-10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse,
għad tinbet rimja minn għeruqu:
fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej,
l-ispirtu tal-għerf u d-dehen,
l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa,
l-ispirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej,
u l-għaxqa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej.
Ma jiġġudikax skont ma jidher fl-għajnejn,
u ma jagħtix sentenza skont ma jisma’,
iżda jiġġudika l-imsejknin skont il-ġustizzja,
u jagħti sentenza skont is-sewwa lill-fqajrin tal-art.
Isawwat il-kiefra bix-xettru ta’ fommu,
u b’nifs xufftejh joqtol lill-ħażin.
Il-ħżiem ta’ ġenbejh tkun il-ġustizzja,
u l-fedeltà l-ħżiem ta’ qaddu.
Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf,
il-leopard mal-gidi,
u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun,
daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom.
Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien,
u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu.
L-iljun bħall-gendus jiekol it-tiben.
It-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp;
u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa.
Ma jagħmlux aktar deni
u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi,
għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej
bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.
Imbagħad jiġri f’dak il-jum
li l-għerq ta’ Ġesse jieqaf bħala sinjal għall-popli.
Lilu jfittxu l-ġnus,
u l-għamara tiegħu tkun imsebbħa.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 71 (72), 2.7-8.12-13.17
R/. (ara 7): Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja, u sliem għal dejjem ta’ dejjem
O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.
Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar sa baħar,
u mix-xmara sa truf l-art. R/.
Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin isalva. R/.
Ismu jibqa’ jissemma għal dejjem;
idum ismu sakemm iddum ix-xemx!
Bih jitbierku l-ġnus kollha tal-art;
il-popli kollha jsejħulu hieni. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejja, Mulej, bil-qawwa kbira tiegħek,
dawwal għajnejn il-qaddejja tiegħek.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu.
Lq 10, 21-24
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu”. Imbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: “Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu