Tal-aħħar m’għandux ibeżżagħna

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 13 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-33 Ħadd tas-Sena. Parroċċa tal-Lunzjata, Ħal Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Meta se jseħħ l-aħħar tad-dinja? Din hi diskussjoni li kultant żmien tqum, u nafu li kull darba li ħabbru li d-dinja se tispiċċa f’xi sena partikulari, dan ma seħħx. Meta nisimgħu dal-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju, għall-bidu taħsbu li qed jitkellem fuq dan, qisu biex jagħti ħjiel. Imma mbagħad jgħid sentenza ċara: ħadd ma jaf meta, “ħadd ħlief il-Missier”. Ma jaqtgħalniex il-kurżità! Li qed jgħid Ġesù hu: inutli toqgħod tiddiskuti ħafna fuq meta se jseħħ l-aħħar tad-dinja.

Ir-realta kif inhi

Id-deskrizzjoni ta’ Ġesù fl-Evanġelju llum għall-bidu taħsibha li magħmula biex tbeżża’, biex tiġbed l-attenzjoni tan-nies bil-biża’ ta’ dak li jista’ jiġri. Imma fil-fatt aħna nafu li Ġesù qatt ma tkellem biex ibeżża’, imma tkellem biex jgħid l-affarijiet kif inhuma.

U hawn jgħid xi ħaġa tant importanti: li Alla “jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu”. Ġesù qed jgħid: dawk li għażlu li jimxu warajh, dawk li jgħixu f’għaqda miegħu, dawk li jfittxu lilu, m’għandhomx għax jibżgħu. Għandhom ikunu konxji tar-realtà, imma mhux biex jimtlew bil-biża’. U fil-fatt, jekk taħseb ftit, x’inhu l-aktar importanti: meta se jseħħ l-aħħar tad-dinja, jew meta se jkun l-aħħar ta’ ħajjtna u aħna ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem? Nafu li f’mument minnhom aħna nispiċċaw minn din il-ħajja biex ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem. Dak hu l-importanti, u fuq dak Ġesù jridna naħsbu, mhux biex nibżgħu imma biex nagħrfu kif għandna ngħixu llum.

Papa Benedittu XVI fl-Enċiklika sabiħa fuq it-tama (Spe salvi) jgħid hekk: il-fidi fi Kristu mhijiex biss ħarsa lura, lejn iż-żmien li għex Kristu; mhijiex biss ħarsa ’l fuq, lejn is-sema; imma hija ħarsa ’l quddiem lejn il-mument meta aħna niltaqgħu miegħu wiċċ imb’wiċċ. U din il-fidi tgħinna biex aħna nagħrfu kif ngħixu hawnhekk, fiż-żmien li jagħtina, b’tama wkoll f’Alla li jħobbna, li jaħfrilna, li jixtiqilna l-ġid, u li f’idejh nerħu ruħna.

Kliemu ma jgħaddix

Ġesù jgħid kelma importanti ħafna għalina llum. Jgħid: “kliemi ma jgħaddix”. Hawn hu s-sigriet tal-ħajja li rridu ngħixu llum. Il-ħsieb tal-mument meta aħna ’l quddiem se niltaqgħu ma’ Alla għandu jgħinna biex illum ngħixu ż-żmien li Alla jagħtina kif irid hu, li hu fl-aħħar mill-aħħar kif inhu l-akbar ġid tagħna, għax dak li jixtieq hu hu għall-akbar ġid tagħna. Għalhekk il-ħsieb li aħna mexjin lejh jgħinna biex nagħrfu kif ngħixu l-ħajja ta’ issa. Dak hu li Alla jrid minna llum. Ma jridx li aħna nippreokkupaw ruħna fuq x’jista’ jiġri ’l quddiem, imma aktar li nagħrfu ngħixu ż-żmien li jagħtina llum, u li nagħrfu ngħixuh fid-dawl tal-kelma tiegħu.

Nindunaw, u din turina l-esperjenza tal-ħajja, li meta aħna ngħixu magħqudin miegħu, meta din l-esperjenza ssir ħajja fina, hemmhekk inkunu qegħdin ngħixu mhux biss bi preparazzjoni għal meta se niltaqgħu miegħu, imma nkunu qegħdin ngħixu hawhekk il-ħajja tagħna bl-aħjar mod, u nagħmlu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn isbaħ. Jekk taħsbu ftit  fuq tant valuri sbieħ li għallimna Ġesù – l-onestà, l-integrità, is-sinċerità, il-ġustizzja, l-imħabba, il-maħfra – nintebħu kemm dawn huma sbieħ meta ngħixuhom. U meta ngħixuhom, nagħrfu kemm hu veru dak li Alla qalilna li aħna nippreparaw ruħna għall-ġurnata meta niltaqgħu miegħu proprju bl-għażliet li nagħmlu llum fil-ħajja ta’ kuljum. Hemmhekk aħna msejħin biex nagħżlu dejjem lil Alla u dak li tfisser il-kelma tiegħu. Għalhekk, nistgħu nifhmu kif il-ħsieb tal-ħajja ta’ dejjem b’ebda mod m’għandu jaljenana mill-ħajja ta’ issa, imma jagħmel il-kontra.  Minn issa, f’dil-ħajja, għandu jgħinna nimpenjaw ruħna biex nibnu soċjetà fejn il-bnedmin jgħixu bħal aħwa, bid-dinjità, b’valuri.

Bil-qawwa tiegħu

Nafu li din hija sfida għall-ħajja tagħna, nafu li kultant hi diffiċli, li kultant inkunu f’ambjent li ma jiħux fid-direzzjoni tal-kelma ta’ Ġesù, imma jieħu l-kontra. Nafu li kultant dak li rridu nagħżlu mhux bilfors ikunu jaqblu miegħu n-nies li magħhom ngħixu, jew il-parti l-kbira tan-nies. Imma Ġesù qatt ma qalilna: imxu kif jimxu l-parti l-kbira tan-nies. Qatt ma qalilna: għixu kif taraw li kulħadd qed jagħmel. Imma hu tana l-qawwa u l-għajnuna tiegħu biex nagħrfu ngħixu kif uriena hu, anke meta nkunu f’ambjent differenti jew f’ambjent ostili. Hu dan li lilna jagħtina l-paċi, hu dan li lilna jħejjina għall-mument meta niltaqgħu miegħu. Iktar ma aħna nagħmlu ħilitna biex ngħixu qrib tiegħu, isbaħ ikun il-mument meta aħna niltaqgħu miegħu wiċċ imb’wiċċ.

Għalhekk, illum, ispirati mill-kelma tiegħu, nitolbuh lill-Mulej biex dejjem ikeċċi minna l-biża’, il-ħsibijiet żejda ta’ preokkupazzjoni li jtaqqlulna qalbna, u biex jagħtina tassew il-paċi tiegħu; u bl-għajnuna tiegħu nagħrfu ngħixu l-preżent, ngħożżu l-kelma tiegħu u ngħixuha, u din tkun l-isbaħ tħejjija għall-mument meta lilna jsejħilna għall-ħajja ta’ dejjem.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply