Aktar minn 1,800 post vakanti għall-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Ir‑regolamenti għad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja għas‑sena skolastika 2022‑2023 ser jiġu ppubblikati għada t-Tlieta 16 ta’ Novembru 2021, fuq il‑websajt tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta http://www.knisja.mt. B’kollox ser ikun hemm 1,848 post vakanti għall‑istudenti (1,596 f’Malta u 252 f’Għawdex). L‑applikazzjonijiet se jsiru kollha online. L‑applikazzjonijiet tal‑‘Ewwel Kriterju’ jsiru bejn it‑23 ta’ Novembru u t‑2 ta’ Diċembru 2021. L‑applikazzjonijiet ta’ ‘Applikanti l‑Oħra’ jintlaqgħu bejn l‑1 u l‑14 ta’ Frar 2022. Il‑lista tad‑dokumenti meħtieġa, il‑ġranet meta wieħed għandu japplika u dettalji oħra huma mniżżla fir‑regolamenti.

Il‑proċess tad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel u t‑tieni sena kindergarten, fl‑ewwel sena primarja u fl‑ewwel sena sekondarja. Din is‑sena hemm ukoll dħul fir‑raba’ sena primarja fl‑iskola tal‑bniet ta’ St Monica, il‑Gżira. L‑applikazzjonijiet tal‑‘Ewwel Kriterju’ f’Malta jinkludu tfal li huma fi djar tal‑Knisja, tfal tal‑impjegati tal‑iskejjel tal‑Knisja u tas-Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija, aħwa li jistgħu jinkitbu fl‑istess skola ta’ ħuthom, transfers bejn skejjel tal‑istess entità reliġjuża, u tfal li qegħdin fi skejjel tal‑Knisja bla kontinwità.

Ser jiġu allokati wkoll numru ta’ postijiet għal tfal li jaqgħu taħt il-kriterju ta’ każijiet serji u li għalihom hemm regolamenti speċifiċi. Il‑każijiet serji jinkludu tfal li għandhom jew ser ikollhom bżonn l‑għajnuna ta’ LSE, każijiet soċjali u każijiet ta’ tfal li qed ifittxu ażil. Il‑każijiet serji jsegwu proċess parallel għall‑applikazzjonijiet l‑oħra.

Il‑proċess tad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel sena kindergarten u fl‑ewwel sena sekondarja. L‑applikazzjonijiet tal‑‘Ewwel Kriterju’ f’Għawdex jinkludu tfal li qegħdin fis‑sitt sena primarja fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex, tfal tal‑impjegati tal‑iskejjel tal‑Knisja, aħwa li jistgħu jinkitbu fl‑istess skola ta’ ħuthom, każijiet soċjali, każijiet ta’ tfal li qed ifittxu ażil, applikanti mill‑Għasri, u applikanti għal St Francis Nadur Kindergarten. Applikanti li għandhom bżonn l‑għajnuna ta’ LSE ta’ dawn il‑kriterji japplikaw fuq l‑istess regolamenti.

In‑numru ta’ postijiet vakanti għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta għas‑sena skolastika 2022‑2023 huwa kif ġej:

In‑numru ta’ postijiet vakanti għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex għas‑sena skolastika 2022‑2023 huwa kif ġej:

Dħul fl-iskejjel tal-Knisja fl-2021

Għas‑sena skolastika preżenti (2021‑2022), is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija rċieva 3,698 applikazzjoni għal 1,701 post vakanti f’diversi livelli tad‑dħul għal skejjel f’Malta. Għal darb’oħra, it‑talba kienet aktar mid‑doppju tal‑postijiet disponibbli fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta. Is-Segretarjat irċieva wkoll 300 applikazzjoni għal 244 post vakanti għall-iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex. Il‑poloz u l‑għażla tal‑iskola saru online.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

%d bloggers like this: