Phoenix Rising – ktieb miktub minn nisa li ġarrbu vjolenza domestika
Dan huwa ktieb ippubblikat mill-Fondazzjoni St Jeanne Antide (VO/005) – ktieb ieħor fuq tema soċjali ta’ siewi għas-soċjetà kollha. Bl-isem Phoenix Rising – starting over after domestic violence, dan huwa ktieb dwar il-vjaġġ li nisa li jkunu ġarrbu vjolenza domestika u bdew jibnu ħajjithom mill-ġdid (survivors) ikollhom jgħaddu minnu wara li jaħarbu mis-sieħeb vjolenti tagħhom u jibdew jibnu ħajja ġdida, għalihom u għal uliedhom. Il-ktieb huwa riċerkat u miktub minn survivors stess.

Id-disa’ kapitli ta’ dan il-ktieb jgħaddsu lill-qarrej f’dinja turbulenti ta’ vjolenza, manipulazzjoni, sforzi kbar kontra l-oppresjoni u disprament. Il-kaptili jinkludu ħames dokumenti mir-riċerka kwalitattiva ma’ tnejn u għoxrin nisa-survivors, fuq l-esperjenza kollettiva tagħhom. Jiġu diskussi temi komuni bħall-esperjenzi fl-għasses tal-pulizija, l-esperjenzi fil-Qrati, xi tfisser li mara bit-tfal tispiċċa barra minn darha, u l-effetti tal-vjolenza ekonomika, tal-medjazzjoni u tas separazzjoni fuq in-nisa-survivors.
Phoenix Rising huwa testment tal-kuraġġ kbir tan-nisa-survivors u d-determinazzjoni tagħhom biex jegħlbu xkiel kbar fis-sistemi sabiex jassiguraw id-dritt tagħhom ta’ ħajja dinjituża bla moħqrija u vjolenza.
Il-ktieb huwa mżejjen minn bosta tpinġijiet tan-nisa-survivors stess. Pinġewhom waqt programm ta’ Arti bħala Terapija. B’entużjażmu, huma għazlu li jaqsmu dawn l-espressjonijiet artistiċi tagħhom mal-pubbliku bħala strument ta’ attiviżmu.
Jinkiseb permezz tas-sit: http://www.antidemalta.org/books.html jew minn Ċentru Antida, 51, Triq Ħal Tarxien, Ħal Tarxien.