Qari tas-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu

Print Friendly, PDF & Email

It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu

Solennità – Quddiesa tas-Sebħ

Qari I

Arah ġej is-Salvatur tiegħek.

Iż 62:11-12

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Araw, il-Mulej isamma’ leħnu sa truf l-art:

“Għidu lil bint Sijon:

Arah, ġej is-salvatur tiegħek!

Arah bil-prezz f’idu u l-ħlas quddiemu.

U jibdew isejħulhom Poplu qaddis,

il-Mifdijin tal-Mulej.

U lilek isejħulek l-Imfittxija,

il-Belt qatt abbandunata”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

Salm 96(97):1,6,11-12

R/. Illum jiddi fuqna d-dawl, għax twildilna l-Mulej.

Il-Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ,

u jifirħu l-ħafna gżejjer!

Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu;

jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu. R/.

Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust,

u l-hena għal qalb in-nies sewwa.

Ifirħu, ġusti, fil-Mulej,

u faħħru l-isem qaddis tiegħu. R/.

Qari II

Hu salvana minħabba fil-ħniena tiegħu.

Tit 3:4-7

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Titu

Għażiż, meta feġġet it-tjieba ta’ Alla, Salvatur tagħna,

u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin,

hu salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu,

mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna,

iżda minħabba l-ħniena tiegħu.

Dan l-Ispirtu hu xerrdu bil-kotra fuqna

b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna,

biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu

nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem

skont it-tama li għandna.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 2:14

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,

u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!

R/. Hallelujah.

Evanġelju

Sabu lil Marija u lil Ġużeppi u t-tarbija.

Lq 2:15-20

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-ragħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej”.

Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. Ir-ragħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.


It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu

Solennità – Quddiesa ta’ Binhar

Qari I

Raw it-truf kollha tal-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Iż 52:7-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji

r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara, ta’ min ixandar is-sliem,

ta’ min iħabbar ir-riżq, ta’ min ixandar is-salvazzjoni,

u jgħid lil Sijon: “Alla tiegħek isaltan”.

Ismagħha l-għajta!

L-għassiesa tiegħek għollew leħenhom,

ilkoll flimkien jgħajtu bil-ferħ,

għax raw b’għajnejhom lill-Mulej rieġa’ lura f’Sijon.

Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm,

għajtu lkoll bil-ferħ,

għax farraġ il-Mulej il-poplu tiegħu,

feda lil Ġerusalemm.

Kixef il-Mulej id-driegħ tiegħu qaddis,

quddiem il-ġnus kollha,

u raw it-truf kollha tal-art

is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

Salm 97(98):1,2-3ab,3ċd-4,5-6

R/. (3ċ): Raw it-truf kollha tal-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,

biċ-ċetra u bil-ħlewwa tal-għana,

bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti;

għajtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan! R/.

Qari II

Alla kellimna permezz ta’ Ibnu.

Lhud 1:1-6

Bidu tal-Ittra lil-Lhud

Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa f’dan l-aħħar żmien huwa kellimna permezz ta’ Ibnu, li hu għamlu werriet ta’ kollox, u li bih ukoll għamel il-ħolqien.

Hu, l-Iben, li hu d-dija tal-glorja ta’ Alla u x-xbieha tal-essenza tiegħu, u li jżomm id-dinja kollha bil-kelma setgħana tiegħu, wara li naddafna minn dnubietna, qagħad fuq il-lemin tal-kobor ta’ Alla fl-għoli tas-smewwiet, u b’hekk sar daqshekk aqwa mill-anġli daqskemm ogħla minn tagħhom hu l-isem li kiseb.

Għax lil min mill-anġli qatt qal Alla: “Inti ibni, jiena llum nissiltek!”? Jew: “Jiena nkun missieru, u hu jkun ibni!”? Imbagħad, hu u jdaħħal lil Ibnu l-Kbir fid-dinja, jgħid ukoll: “Ħa jqimuh l-anġli kollha ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Jum imqaddes feġġ għalina: ejjew, ġnus, qimu l-Mulej:

għax illum fuq l-art niżel dawl kbir.

R/. Hallelujah.

Evanġelju

Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna.

Ġw 1:1-18

Bidu tal-Evanġelju skont San Ġwann

Fil-bidu kien il-Verb,

u l-Verb kien ma’ Alla,

u l-Verb kien Alla.

Hu kien fil-bidu ma’ Alla.

Kollox bih sar,

u xejn ma sar mingħajru;

kulma sar kellu l-ħajja fih,

u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.

Id-dawl jiddi fid-dlam,

imma d-dlam ma għelbux.

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla,

jismu Ġwanni.

Dan ġie bħala xhud,

biex jixhed għad-dawl,

biex bih kulħadd jemmen.

Ġwanni ma kienx id-dawl,

imma ġie biex jixhed għad-dawl,

dak id-dawl veru,

li jdawwal kull bniedem,

huwa u ġej fid-dinja.

Kien fid-dinja,

u d-dinja saret bih,

imma d-dinja ma għarfitux.

Ġie f’daru,

u niesu ma laqgħuhx.

Imma lil dawk li laqgħuh

tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla,

dawk li jemmnu f’ismu,

li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem,

u anqas mir-rieda tal-bnedmin, iżda minn Alla.

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,

u aħna rajna l-glorja tiegħu,

il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,

mimli bil-grazzja u l-verità.

Ġwanni ta xhieda fuqu

meta għajjat u qal:

“Dan hu li għalih għedtilkom:

Jiġi warajja, imma hu aqwa minni,

għax kien minn qabli”.

Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna,

grazzja fuq grazzja.

Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè

imma l-grazzja u l-verità

seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu.

Lil Alla għadu ħadd ma rah;

imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,

li hu fi ħdan il-Missier.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

Evanġelju

Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna.

Ġw 1:1-5,9-14

Bidu tal-Evanġelju skont San Ġwann

Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla,

u l-Verb kien Alla.

Hu kien fil-bidu ma’ Alla.

Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru;

kulma sar kellu l-ħajja fih,

u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.

Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.

Kien id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem,

huwa u ġej fid-dinja.

Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih,

imma d-dinja ma għarfitux.

Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx.

Imma lil dawk li laqgħuh

tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla,

dawk li jemmnu f’ismu,

li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem,

u anqas mir-rieda tal-bnedmin, iżda minn Alla.

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,

u aħna rajna l-glorja tiegħu,

il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,

mimli bil-grazzja u l-verità.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

%d bloggers like this: