10 pariri għall-ġid tat-tfal

Print Friendly, PDF & Email

Id-Dikasteru għal-‘Lajċi, il-Familja u l-Ħajja’, tal-Knisja Kattolika, inawgura inizjattiva ġdida għas-Sena tal-‘Familja Amoris Laetitia’ li kienet dedikata mill-Papa Franġisku għall-familja.

L-inizjattiva hi Dekalogu għat-tfal, b’10 pariri biex il-ġenituri u t-tfal jikbru flimkien fl-ambjent familjari filwaqt li jqiegħdu fil-prattika dak li jsemmi l-Papa Franġisku fl-eżortazzjoni apostolika Amoris Laetitia.

Huma 10 pariri li l-ġenituri u l-edukaturi jistgħu jagħtu lit-tfal iż-żgħar biex jiskopru l-importanza tad-djalogu fil-familja, tal-ħbiberija, tal-valur tagħhom stess u tal-oħrajn, u tal-ispirtu tal-qadi.

Din il-kampanja hi importanti għax fis-sempliċità tagħha tista’ twassal li l-attenzjoni pastorali tiffoka fuq il-formazzjoni u l-edukazzjoni tat-tfal iż-żgħar fil-familja. Se tgħin lill-ġenituri biex ma jċedux quddiem tant problemi li jinqalgħu f’din l-eta ta’ tfal, li ħafna drabi jiġu min-nuqqas ta’ djalogu mal-ġenituri u minn sens profond ta’ solitudni min-naħa tat-tfal, li jidħlu f’esperjenzi drammatiċi, bħal ma hu s-sajberbuliżmu.

Hi kampanja qasira ta’ 10 ijiem li  bdiet nhar it-Tlieta 16 ta’ Novembru. Se tipproponi l-10 pariri fuq l-instagram, il-facebook u t-twitter tad-Dikasteru. Is-sett kollu tal-cards jinsab fil-paġna dedikata: #10familytips.

Minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: