Il-Papa jitlob għall-vittmi tal-abbuż u dawk milqutin mill-kriżi tax-xogħol

Print Friendly, PDF & Email

Fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa tas-17 ta’ Novembru, l-Papa Franġisku fakkar fid-dmir li jiġu protetti l-vittmi tal-abbuż, hekk kif it-18 ta’ Novembru jimmarka l-Jum Ewropew għall-Ħarsien tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali. Esprima wkoll il-qrubija tiegħu mal-ħaddiema f’fabbriki li qed jitħabtu fir-reġjun tal-Veneto, fl-Italja.

L-istedina tal-Konferenza Episkopali Taljana tappella għat-talb biex jiġu appoġġjati t-toroq tal-irkupru uman u spiritwali tal-vittmi u s-superstiti – kull min safa midrub ġewwa jew barra l-Knisja – u għajnuna għall-familji u l-komunitajiet  milquta mit-tbatija li ġarrbu l-maħbubin tagħhom.

Waqt li semma dan il-Jum Nazzjonali għall-Italja, l-Papa Franġisku esprima t-tama tiegħu li “din l-inizjattiva tista’ tkun opportunità ta’ riflessjoni, għarfien, u talb biex tappoġġja t-toroq tal-irkupru uman u spiritwali tal-vittmi”. Saħaq ukoll l-importanza li tiġi żgurata l-protezzjoni tat-tfal fil-kuntesti tal-edukazzjoni, rikreazzjoni, u taħriġ, filwaqt li nnota “id-dmir inevitabbli ta’ dawk li għandhom responsabbiltajiet edukattivi fil-familja, l-parroċċa, l-iskola, f’ambjenti rikreattivi u atletiċi, li jipproteġu u jirrispettaw l-adolexxenti u ż-żgħażagħ fdati lilhom”, peress li l-maġġoranza tal-abbużi jseħħu f’dawn il-kuntesti.

Il-ħsibijiet tal-Papa mbagħad daru lejn id-diffikultajiet ekonomiċi li qed jaffaċċjaw żewġ kumpaniji storiċi fir-reġjun tal-Veneto, fl-Italja. L-Papa esprima s-solidarjetà tiegħu mal-ħaddiema ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji, filwaqt li għamel “appell mill-qalb biex f’din is-sitwazzjoni, kif ukoll f’oħrajn simili, li tant ipoġġu f’diffikultà familji, ma tirbaħx il-loġika tal-profitt, iżda [minflok] dik tal-kondiviżjoni ġusta u bbażata fuq solidarjetà”. Temm bili nnota li “fiċ-ċentru ta’ kull kwistjoni tax-xogħol dejjem hemm id-dinjità tal-persuna umana: meta ma taqlax ħobżok, titlef id-dinjità tiegħek. Irridu nitolbu, ħafna, għal dawn in-nies”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-11/pope-prays-for-victims-of-abuse-and-those-hurt-by-job-crisis.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: