Imqabbdin miegħu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 19 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Ġimgħa tat-tlieta u tletin ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Il-poplu kollu kien imqabbad miegħu biex jisimgħu”. Dan hu li naqraw illum fl-Evanġelju skont San Luqa, fejn joħroġ ħafna l-kuntrast, speċjalment fl-aħħar sentenza, bejn  il-qassisin il-kbar, il-kittieba u l-kbarat tal-poplu li riedu jeqirdu lil Ġesù, u l-poplu li kien imqabbad miegħu biex jisimgħu. Hawn dan il-kuntrast bejn dawk li kellhom il-poter li riedu jużawh biex jeqirdu lil Ġesù, u n-nies ta’ ħajja ordinarja li raw fih persuna speċjali, u riedu jisimgħuh.

Dan il-kuntrast jidher b’mod qawwi hawnhekk, speċjalment f’din l-aħħar kelma – li l-poplu kien “jisimgħu”. Lil Ġesù kien jisimgħu mhux biss bil-widnejn imma bil-qalb, filwaqt li l-kapijiet u l-kittieba u l-qassisin il-kbar kienu jisimgħuh imma jfittxu li jeqirduh u jeliminawh. Hawnhekk qegħdin fil-kapitlu 19 ta’ San Luqa, fejn Ġesù għadu kif daħal Ġerusalemm, u anke meta daħal hemm, id-dixxipli bdew jgħajtu bil-ferħ, u l-Fariżej riedu lil Ġesù li jsikket lil dawn id-dixxipli.

Ta’ min għaddiet fl-aħħar mill-aħħar? Ftit wara, naraw li dawn il-kittieba, il-kapijiet u l-qassisin il-kbar wasslu lil Ġesù għall-mewt fuq is-salib, jiġifieri waslu biex jeliminawh, biex jeqirduh.  Hemmhekk, meta kien fuq is-salib, Ġesù ma kellux nies imqabbdin miegħu biex jisimgħuh, imma biex jgħajruh u jinsulentawh. Imma ma kinetx dik l-aħħar kelma. Meta huma ħasbu li rnexxielhom jeqirduh u jeliminawh, kien f’dak il-mument li Ġesù salva lill-umanità u qam rebbieħ għal ħajja ġdida.

Dak hu li aħna niċċelebraw fil-knisja, fit-tempju tagħna llum. Aħna niċċelebraw ir-rebħa ta’ Ġesù, din il-ħajja ġdida ta’ Ġesù. Il-knisja niġu biex nisimgħu l-kelma tiegħu, biex inkunu bħal dal-poplu mqabbad miegħu, biex nisimgħu l-kelma tiegħu u napprezzaw it-tagħlim tiegħu.  U niġu wkoll il-knisja biex, kif għedna fis-salm, aħna nfaħħru lil Alla: “Tiegħek, Mulej, il-kobor u l-qawwa, il-ġieħ, is-sebħ u t-tifħir… f’idejk il-qawwa u s-saħħa, f’idejk is-setgħa li tkabbar u lil kulħadd issaħħaħ”.

Hawn naraw, proprju fit-tempju, li aħna niċċelebraw is-setgħa ta’ Alla. Mhux bħal dawk il-kapijiet, il-kittieba u l-qassisin il-kbar li l-poter jużawh biex jeqirduh; imma s-setgħa ta’ Alla li, kif għedna fis-salm, “tkabbar u lil kulħadd issaħħaħ”. Dan hu li niċċelebraw fil-knisja. Alla hu dak li lilna jagħtina l-ħajja, li lilna jgħinna biex aħna nistgħu ngħixu tassew fil-paċi tiegħu u fl-imħabba tiegħu. Aħna, li bil-magħmudija aħna t-tempju ta’ Alla, għandna bżonn ukoll dik il-purifikazzjoni li għamel Ġesù meta daħal fit-tempju, kif rajna fl-Evanġelju. Bis-setgħa tiegħu jippurifikana mill-ħażen u ma jħallix li ħajjitna, il-qalb tagħna tkun bejta ta’ ħażen. Jippurifikana bis-setgħa tiegħu biex aħna nistgħu nkunu tassew tempju li jogħġob lil Alla.

Nitolbu lill-Mulej biex aħna nkunu dejjem imqabbdin miegħu biex nisimgħuh, b’widnejna u b’qalbna; biex ħajjitna tkun ħajja ta’ tifħir lilu, u l-qalb tagħna tkun mimlija bil-preżenza tiegħu, ħa nkunu tassew tempju li jogħġbu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply