Ġwanni Pawlu II f’Għid il-Ħamsin

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA TAS-SOLLENNITÀ TA’ PENTEKOSTE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
San Pietru, 7 ta’ Ġunju 1981

1. “Credo in Spiritum Sanctum Dominum et vivificantem!”.

Fil-jum sollenni tallum tal-Pentekoste l-Knisja Rumana tifraħ bil-preżenza ta’ tant aħwa fil-fidi, tal-pellegrini li ġew minn diversi partijiet tad-dinja, kif ukoll tal-abitanti li b’mod stabbli jgħixu fil-Belt eterna.

Hija tifraħ b’mod partikolari bil-preżenza tagħkom hawn, maħbubin ħuti Kardinali u Isqfijiet, li intom għas-servizz tal-Poplu ta’ Alla f’nofs id-diversi nazzjonijiet, Intom li, għall-istedina tiegħi, illum iltqajtu f’din is-Sedja u issa qegħdin tikkonċelebraw l-Ewkaristija Santissma qrib l-istqarrija ta’ San   Pietru.

Hekk hu, aħna nixtiequ nistqarru b’għajta kbira ta’ leħinkom u ta’ qalbkom il-verità li sittax-il seklu ilu l-ewwel Konċilju Kostantinoplitan ifformula u esprima fil-kliem tant magħruf sewwa.

Nixtiequ nesprimuha hekk, kif kienet espressa dakinhar:
“Credo… in Spiritum Sanctum Dominum et vivificatorem, ex Patre procedentem, cum Patre et Filio adorandum et conglorificandum, qui locutus est per prophetas”.

Huwa għalhekk li ħsibijietna u qlubna, imfawra bi gratitudni lejn l-istess Spirtu tal-Verità, iduru fl-istess ħin lejn dik is-Sedja, li kellha l-fortuna li tospita dak il-meqjum Konċilu – l-ewwel Kostantinopolitan, li kien it-tieni Konċilju ekumeniku  l-istess unità wara dak ta’ Niċea – fejn fil-festa tallum ukoll ħukom il-Meqjum Ħuna Dimitrios I, Patrijarka ta’ Kostantinopli jiżżi ħajr lid-Dawl Etern talli illumina, sittax-il seklu ilu, l-imħuħ tal-predeċessuri tagħkom fl-Episkopat bl-isplendur ta’ dik il-Verità, li fl-ark ta issa ġenerazzjonijiet numerużi żammew l-unità tal-fidi li dak iż-żmien kienet ipprofessata mill-familja kbira tal-konfessuri ta’ Kristu.

U għalkemm fid-diversi żminijiet u postijiet l-istess unità tal-Knisja sofriet xiżmi, il-fidi pprofessata mill-qaddisin predeċessuri tagħna fil-Kredu nicen-kostantinoplitan tixhed l-unità oriġinarja u ssejħilna nill-ġdid biex nibnu mill-ġdid l-unità sħiħa tad-dixxipli kollha ta’ Ġesù Kristu.

Għalhekk, ilkoll insellmu llum b’ferħ speċjali lill-Venerabbli Delegati tal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli, immexxija mill-Eminentissmu Metropolita Damaskinos, kif ukoll il-Venerabbli Rappreżentanti l-oħra tal-Knejjes u tal-Komunitajiet Ekkleżjali, li onorawna bil-preżenza tagħhom. B’ferħ simili jimlina l-fatt li d-Delegazzjoni tagħna mmexxija mill-Kardinal Massimiljanu de Fustenberg, mibgħuta mill-Isqof ta’ Ruma fis-Sedja tal-Patrijarkat ta’ Kostantinopli, tistà tieħu sehem fil-liturġija splendida kommemorattiva tal-ġrajja storika, li permezz tagħha iż-żewġ Knejjes aħwa ta’ Ruma u ta’ Kostantinopli jixtiequ jqimu l-Majjestà ta’ Alla bl-opra mwettqa mill-Konċilju ta’ elf u sitt mitt sena ilu.

2. Jistà qatt ikun jum iktar addattat mill-jum ta’ Għid il-Ħamsin (Pentekoste) għal tali ċelebrazzjoni?

 Ninsabu miġburin – intom ukoll fiżikament u jiena spiritwalment fil-kripta ta’ din il-Bażilika, u l-kuxjenza kollha tagħna hija minfuda mit-tifkira taċ-Ċenaklu Ġerosolmitan, li fih propju fil-jum ta’ Għid il-Ħamsin “kienu jinsabu kollha” (At 2,1) dawk li kienu jikkostitwixxu l-Knisja ewlenijissma. Kienu jinsabu fl-istess post li fih – ħamsin jum qabel – fil-għaxija tal-jum tal-Qawmien mill-Imwiet kien ġie fosthom Ġesù. “Ġie…, waqaf f’nofshom u qal: “Il-paċi magħkom!” Wara li qal dan, urihom idejh u l-kustat” (Ġw 20,19-20). F’dak il-waqt ma setà jkollhom ebda dubju, “u d-dixxipli – jikteb l-Evanġelista – ferħu jaraw il-Mulej” (Ġw 20,20), il-Mulej Irxuxtat. Allura “Ġesù qalilhom mill-ġdid: “Il-paċi magħkom! Bħal ma l-Missier bagħat lili, jien ukoll nibgħat lilkom” (Ġw 20,21). Qalilhom, insomma, kliem diġa magħruf, bdanakollu ġdid: ġdid minħabba l-innovazzjoni tal-Misteru paskwali kollu, ġdid minħabba n-novità tal-Mulej irxuxtat, li kien ippronunzjah: “Jiena nibgħatkom…”.

U fuq kollox kien ġdid minħabba dak li, minnufih warajh, ġie mwettaq minn Kristu. Hekk hu infatti: “Wara li għamel dan, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Irċievu l-Ispirtu Santu”” (Ġw 20,22).

Hekk, diġa dakinhar irċivew l-Ispirtu Santu. Diġa daknihar kien inbeda l-Pentekoste, dak li kellu jasal ħamsin jum wara l-manifestazzjoni sħiħa tiegħu; u dan kien meħtieġ, sabiex ikun jistà jimmatura fihom u jirrivela ruħu fuq barra dak li kien seħħ, meta kienu semgħu: “Irċievu l-Ispirtu Santu…”, sabiex setgħet titwieled il-Knisja. Titwieled irridu ngħidu toħroġ fid-dinja u, għal dan il-fatt, issir viżibbli f’nofs il-bnedmin. Propju fil-jum ta’ Pentekoste l-Knisja ħarġet fid-dinja u saret viżibbli f’nofs il-bnedmin.
U dan twettaq fil-qawwa ta’ dik il-lejla paskwali, il-lejla ta’ dak l-istess jum tal-Qawmien mill-Imwiet (cf. Ġw 20,19); dan seħħ fil-qawwa tal-passjoni u tal-mewt tal-Mulej, li però, diġa fil-viġilja ta’ din il-passjoni, kien qal b’mod l-iktar ċar: “…jekk jien ma nmurx, ma jiġix il-Konsolatur (Paracletos); imma meta jien inkun mort, jiena nibgħatulkom” (Ġw 16,7).

Mela kien mar, permezz tas-salib u reġà ġie permezz tal-Qawmien mill-Imwiet, imma mhux biex jibqà, imma iktar biex jonfoħ fuq l-Appostli u biex jgħidilhom: “Irċievu l-Ispirtu Santu”! Oh, kemm hu twajjeb il-Mulej! Huwa tahom l-Ispirtu Santu, li huwa Mulej u jagħti l-ħajja…, u mal-Missier u l-Iben jirċievi l-istess glorja u adorazzjoni…Huwa, ugwali fid-Divinità. Ġesù tahom l-Ispirtu Santu; qalilhom “irċievu”. Imma, iktar mlli forsi tahom, ma afdax lilhom stess lill-Ispirtu Santu? Jistà l-bniedem “jirċievi” lil Alla l-ħaj u jippossedih bħala “propju”?

Allura Kristu ta lill-Appostli, dawk li kienu l-bidu tal-Poplu ġdid ta’ Alla u l-pedament tal-Knisja tiegħu, lill-Ispirtu Santu, lill-Ispirtu li l-Missier kellu jibgħat f’Ismu  (cf. Ġw 14,26) lill-Ispirtu tal-verità (Ġw 14,17; 15,26; 16,13), lill-Ispirtu, li permezz tirgħu l-imħabba ta’ Alla ġiet mgħoddija fi qlubna (cf. Rm 5,5); tahom lill-Ispirtu sabiex min-naħa tagħhom jirċevuh bħala Don, Don miksub mingħand il-Missier bl-opra tal-Messija, tal-Qaddej sofferenti ta’ Jahwè, li dwaru titkellem il-profezija ta’ Iżaija.

U, għalhekk, huwa “Wrihom idejh u l-kustat” (Ġw 20,20), jiġifieri s-sinjali tas-sagrifiċċju mdemmi, u mbagħad kompla żied: “ lil dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura; lil dawk li żżommuhomlhom, jibqgħu mhux maħfura” (Ġw 20,23).

B’dan il-kliem huwa wettaq id-Don: u d-Don tal-Konsolatur, id-Don mogħti lill-Knisja għall-bniedem, li jġorr fih l-wirt tad-dnub. Għal kull bniedem u għall-bnedmin kollha.

Dan huwa d-Don mill-Għoli, mogħti lill-Knisja li hija mibgħuta fid-dinja.

Fil-jum tal-Pentekoste l-Appostli, u flimkien magħhom dik il-Knisja ewlenijissma, joħorġu minn dan iċ-ċenaklu paskwali, u minnufih isibu ruħhom f’nofs id-dinja suġġetta għad-dnub u għall-mewt, u hemm isibu ruħhom bix-xhieda tal-Qawmien mill-Imwiet.

3. “Credo in Spiritum Sanctum Dominum et vivificantem…”.

Fit-tifkira tal-Konċilju Ekumeniku Kostantinoplitan I nistqarru llum l-istess fidi f’Dak li huwa l-Mulej u jagħti l-ħajja, li flimkien mal-Missier u mal-Iben jirċievi l-istess glorja u adorazzjoni; u waqt li nidentifikaw din il-meqjuma Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma mal-umli Ċenaklu Ġerosolmitan, aħna nirċievu l-istess Don! “Irċievu l-Ispirtu Santu” (Ġw 20,23). Aħna nirċievu l-istess Don, jiġifieri nafdaw aħna stess, il-Knisja lill-istess Spirtu Santu, li lilu darba għal dejjem kienet afdata diġa dik il-lejla tal-jum tal-Qawmien mill-Imwiet u mbagħad filgħodu tal-festa ta’ Pentekoste. U anzi nibqgħu f’dan l-affidament lill-Ispirtu Santu, li allura Kristu opera “billi wrihom idejh u l-kustat” (cf. Ġw 20,20), is-sinjali tal-passjoni tiegħu, qabel ma qal: “Bħal ma l-Missier bagħat lili, jien ukoll nibgħat lilkom” (Ġw 20,21).

Aħna nibqgħu f’dan l-affidament lill-Ispirtu Santu, li kkostitwixxa l-Knisja u kontinwament jikkostitwiha fuq l-istess sisien. Mela aħna nibqgħu f’dan l-affidament lill-Ispirtu Santu, li permezz tiegħu aħna l-Knisja, u li permezz tiegħu aħna mibgħuta, l-istess bħal ma kienu mibgħuta miċ-Ċenaklu dawk l-ewwel Appostli u l-Knisja ewlenijissma Ġerosolmitana, meta, wara buffura riħ li nħasset  qawwija, wara d-dehra tal-ilsna tan-nar fuq kull wieħed minnhom (cf. At 2,2-3), huma ħarġu fost il-folla numeruża li kienet ġiet Ġerusalem għall-festi, u tkellmu bil-lingwi differenti “kif l-Ispirtu kien itihom il-qawwa li jesprimu ruħhom” (At 2,4); u mill-bnedmin li kienu jitkellmu b’lingwi differenti kienu mismugħa bħal dawk li kienu jxandru “fil-lingwi tagħna l-opri kbar ta’ Alla” (At 2,11).

Ejjew mela nibqgħu f’dan l-affidament lill-Ispirtu Santu, u wara kważi elfejn sena ma nixtiequ xejn iżjed milli nibqgħu Fih, ma niġu mifruda minnu bl-ebda mod, ma “nsewdulu qalbu” qatt (cf. Ef 4,30):

  • Għaliex Fih biss huwa magħna Kristu;
    – għaliex bl-għajnuna tiegħu biss nistgħu ngħidu; “Ġesù huwa l-Mulej” (1Kor 12,3);
    -għaliex bil-qawwa tal-grazzja tiegħu biss nistgħu ngħajtu: “Abba Missier” (Rm 8,15);
    – għaliex bil-qawwa tiegħu biss, bil-qawwa tal-Ispirtu Santu, li huwa Mulej u jagħti l-ħajja, aħna l-istess Knisja, il-Knisja li fiha “hemm…diversità ta’ kariżmi, wieħed biss huwa l-Ispirtu, hemm diversità ta’ ministeri, imma wieħed biss huwa l-Mulej; hemm diversità ta’ operazzjonijiet, imma wieħed biss huwa Alla, li jopera kollox f’kulħadd. U lil kull weieħed hija mogħtija manifestazzjoni partikolari tal-Ispirtu għall-utilità komuni” (1Kor 12,4-7).

Hekk mela ninsabu fl-Ispirtu Santu u Fih nixtiequ li nibqgħu:
– Fih, li huwa l-Ispirtu li jagħti l-ħajja u huwa sors ta’ ilma jbaqbaq sal-ħajja ta’ dejjem (cf. Ġw 4,14; 7,38-39);
-Fih, li għalih il-Missier jerġà jagħti l-ħajja lill-bnedmin mejtin minħabba d-dnub, sa ma jum wieħed jirrestitwixxi lil Kristu ġisimhom mortali (cf. Rm 8,10-11);
– Fih, fl-Ispirtu Santu, li jgħammar fil-Knisja u fil-qlub tal-fidili (cf. 1Kor 3,16; 6,19), u fihom jitlob u jirrendi xhieda tal-addozzjoni filjali tagħhom (cf. Gal 4,6; Rm 8,15-16.26);
– Fih, li jeduka l-Knisja b’doni ġerarkiki u kariżmatiċi differenti u bl-għajnuna tagħhom jiggwidaha u jagħniha bil-frott  (cf. Ef 4,11-12; 1Kor 12,4; Gal 5,22);
– Fih, li bil-qawwa tal-Vanġelu jinġjovanixxi l-Knisja mill-ġdid u kontinwament iġeddidha u jmexxiha lejn l- għaqda perfetta mal-Għarus tagħha  (cf. Lumen Gentium, 4).

Iva. Fih: fl-Ispirtu Santu, fil-Paraklitu aħna nixtiequ nibqgħu, hekk kif afdana Lilu – lill-Ispirtu tal-Missier – Kristu msallab u rxoxt. Lilna afdana Lilu, billi rregalahulna: lill-Appostli u lill-Knisja, meta fiċ-Ċenaklu Ġerosolmitan qal: “Irċievu l-Ispirtu Santu” (Ġw 20,22).

U dan il-kliem beda jkollu prattika attwali quddiem il-lingwi u n-nazzjonijiet kollha fil-jum ta’ Pentekoste, fil-jum li fih il-Knisja twieldet fiċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalem u ħarġet fid-dinja.

4. “Credo in Spiritum Sanctum Dominum et vivificantem…”.

Din il-fidi tal-Appostli u tas-Santi Padri, li l-Konċilju Kostantinoplitan fis-sena 381 sollennement ipprofessa u għallem li jipprofessa, aħna, miġburin f’din il-Bażilika Rumana ta’ San Pietru, f’għaqda spiritwali ma’ ħutna, li jiċċelabraw il-liturġija ġubilari fil-Katidral tal-Patriarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli, nixtiequ nipprofessaw, billi ngħallmuha bl-istess purezza u qawwa fis-sena 1981, bħal ma pprofessaha u għallem jipprofessa dak il-venerabbli Konċilju sittax-il seklu ilu.

Nixtiequ wkoll nattwaw fid-dawl tiegħu it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, ta’ dak il-Konċilju ta’ żminijietna, li wera b’mod hekk ġeneruż l-opra tal-Ispirtu Santu, li huwa Mulej u jagħti l-ħajja, fil-missjoni kollha tal-Knisja. Nixtiequ, mela, li nattwaw fil-ħajja dan il-Konċilju, li sar il-leħen u d-dmir tal-ġenerazzjonjiet tagħna, u li nifhmu b’mod iktar profond it-tagħlim tal-Konċilji l-antiki u, b’mod partikolari, ta’ dak li seħħ elf u sitt mitt sena ilu ġewwa Kostantinopli.

F’dan id-dawl – waqt li niffissaw ħarsitna fuq il-misteru tal-uniku Ġisem, li huwa kompost minn diversi membri – aħna nawguraw b’żelu ġdid li titwettaq dik l-għaqda li għaliha, fi Kristu huma msejħin dawk kollha li – skont kliem Pawlu – huma “mgħammdin fi Spirtu wieħed biex jiffurmaw ġisem wieħed” (1Kor 12,13); dawk kollha li kienu “mgħammdin fi Spirtu wieħed” (1Kor 12,13). Dan nawgurawh b’mod speċjali b’żelu ġdid, f’dan il-jum, li jfakkarna iż-żminijiet tal-Knisja mhix mifruda. U għalhekk ngħajtu: “O dawl imqaddes, / infed fl-intimu / il-qalb tal-fidili tiegħek” (Sequenza).

Fi żminijietna, li fihom il-wiċċ tal-art tant stgħana grazzi għall-krejattività u għax-xogħol tal-bniedem permezz tal-opri tax-xjenza u tat-teknika, meta b’mod tant profond diġa ġew esplorati l-intern tal-art u l-ispazji tal-univers kożmiku, meta kontemporanjament l-umanità tinsab quddiem theddid li għadu mhux magħruf da parti tal-qawwiet li l-bniedem stess ivvinta.

Illum aħna, Rgħajja tal-Knisja, werrieta ta’ dawk li rċivew l-Ispirtu Santu fiċ-Ċenaklu tal-Pentekoste, hemm bżonn li noħorġu, l-istess bħalhom, konxji mill-immensità tad-Don, li fil-Knisja jiġi pparteċipat mill-familja umana: aħna hemm bżonn li noħorġu… b’mod kontinwu fid-dinja u, waqt li nsibu ruħna f’postijiet differenti tad-dinja, hemm bżonn li ntennu b’żelu ferm ikbar: Jinżel l-Ispirtu tiegħek, u jġedded il-wiċċ tal-art!

Jinżel!…

Matul l-istorja tal-umanità, matul l-istorja tad-dinja viżibbli il-Knisja ma taqtax li tistqarr:  “Nemmen fl-Ispirtu! / Nemmen fl-Ispirtu Santu, li huwa Mulej u jagħti l-ħajja. / “Credo in Spiritum Sanctum Dominum et vivificantem. / F’dan l-Ispirtu nibqgħu aħna. Amen”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: