Nippromwovu soċjetà li tgħożż u tieħu ħsieb dak li jkun

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 23 ta’ Novembru 2021: Messaġġ mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-ftuħ taċ-ċentru terapewtiku ‘Tal-Ibwar’ immexxi minn Caritas Malta. Ċentru tal-Ibwar, Siġġiewi.

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Onor. Prim Ministru, Ministru, kollegi b’mod speċjali Anthony Gatt; nixtieq insellem żewġ persuni: Mons. Victor Grech u lill-Eċċellenza tiegħu l-President Emeritu George Abela. Nixtieq nagħtuhom ċapċipa, jekk ma jimpurtax.

Nixtieq nirringrazzja ħafna lill-Istat, li meta ra l-bżonn li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom faċilità biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom, iddeċieda jinvesti u jinvesti bil-kbir. Nirringrazzja wkoll lill-Istat talli afda lill-Caritas, li mhux biss toħlom, biex ngħid bl-Ingliż to dream big, imma li tfittex l-kompetenza biex dan il-post u dan l-ambjent ikun ambjent ta’ suċċess b’risq iż-żgħażagħ tagħna. Dan hu statement qawwi li aħna nixtiequ u qegħdin nippromwovu soċjetà li tgħożż u tieħu ħsieb dak li jkun.

Is-soċjetà għandha dan id-dover lejn il-ġenerazzjonijiet futuri tagħha: li toffrilhom alternattiva ta’ ħajja sana, sabiħa iddedikata lill-oħrajn

Imma meta tkellem liż-żgħażagħ li għamlu l-programm, bħal meta tiltaqa’ mal-adulti li għamlu programmi oħra mnedija u mħaddma mill-Caritas, tirrealizza li dan l-istatement li meta jsibek waqajt, ikkalpestat miċ-ċirkustanzi tal-ħajja u mill-abbużi tad-droga, jerfgħek u jagħtik futur, ma jistax ikun statement iżolat. Għalina jrid ikun xprun biex naħdmu fil-prevenzjoni u l-edukazzjoni. Għax id-droga mhux niffaċilitawha u niffaċilitaw l-użu tagħha, imma nippruvaw nispjegaw u nedukaw biex l-għażliet liberi taż-żgħażagħ tagħna jkunu infurmati. Inti ma tistax bniedem iġġagħlu bilfors jevita l-ħażen imma tista’ tgħinu billi tinfurmah u tedukah.

Nawgura wkoll li tant żgħażagħ li se jgħaddu minn hawnhekk ikunu huma stess dawk li fil-peer groups tagħhom, maż-żgħażagħ sħabhom, ikunu dawk li jippromwovu stil alternattiv ta’ ħajja. Is-soċjetà għandha dan id-dover lejn il-ġenerazzjonijiet futuri tagħha: li toffrilhom alternattiva ta’ ħajja sana, sabiħa iddedikata lill-oħrajn. U persważ li dan ukoll hu l-għan ta’ dan l-investiment qawwi tal-Istat Malti.

Nikkonkludi billi ntenni l-gratitudni tiegħi ta’ dan ix-xogħol fejjiedi li jsir bejn l-Istat ta’ Malta u l-Knisja. Aħna impenjati li nkunu ta’ sapport lill-Gvern ta’ Malta f’dawn l-inizjattivi kollha u nixtieq nirringrazzja tant nies li qegħdin hawn illum. Kulħadd ta sehmu biex din ir-realtà jkollha bidu u futur. Imma nerġa’ nappella wkoll li l-ħolma li ċentri bħal dawn jintużaw biss f’ċirkustanzi estremi u ma jsiru qatt in-norma. Din il-ħolma tibqa’ tkun relevanti u sseħħ ukoll. Nirringrazzjakom.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply