Fidi u Perseveranza

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 6 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tat-tieni ġimgħa tal-Avvent. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi 

Bil-Malti għandna espressjoni li tgħid “ma daħalx mill-bieb, daħal mit-tieqa”. F’dal-każ, ma daħħluhx mill-bieb, daħħluh mis-saqaf. Dan hu rakkont sabiħ li nsibu fl-Evanġelju skont San Luqa, u wkoll f’Evanġelji oħra, u hu rakkont li għandu ħafna x’jgħallimna. Hawn Ġesù kien qiegħed jgħallem, u kellu udjenza mħallta mhux ħażin, fosthom kien hemm għorrief tal-Liġi u Fariżej. Dawn kemm-il darba kienu semgħuh, u kienu qegħdin issa jisimgħuh jgħallem. F’mument minnhom, kien hemm din l-interruzzjoni għax mis-saqaf niżżlu lil dan ir-raġel fuq mitraħ minn bejn ix-xorok għal quddiem Ġesù biex ifejqu.  

Ħa nħarsu ftit lejn in-nies preżenti f’din il-ġrajja u naraw x’jgħallmuna. L-ewwel nett, dawk l- li refgħu lil dan ir-raġel, l-irġiel li kienu nies ta’ fidi kbira; fil-fatt, l-Evanġelju jitkellem fuq il-fidi tagħhom, mhux fuq il-fidi ta’ dak li tfejjaq, imma ta’ dawk li refgħuh. Barra nies ta’ fidi, kienu nies ta’ perseveranza, li ma jiqfux mal-ewwel ostaklu. Meta raw li ma setgħux jidħlu mill-bieb, raw x’jagħmlu biex iwasslu lil dan il-bniedem paralizzat għand Ġesù. U għalhekk, bi kreattività kbira, telgħu fuq il-bejt u ddeċidew li jniżżluh minn hemm. Jolqotna ħafna, meta nħarsu lejn dawn l-irġiel, kif il-fidi tagħhom kienet imsieħba mad-determinazzjoni, u mal-imħabba lejn dan ir-raġel li riedu b’kull mezz iwassluh għand Ġesù, u rnexxielhom li jwassluh quddiem Ġesù.

Ħa nħarsu lejn l-għorrief tal-Liġi u l-Fariżej. Dawn kienu bilqiegħda. Dejjem isibu fuqiex jilmentaw, u hawn, meta semgħu lil Ġesù jgħid “dnubietek maħfura”, l-Evanġelju jgħid li  “bejnhom u bejn ruħhom” – mhux fil-beraħ – bdew jgħidu: “Min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?” Qed jgħidu ħaġa vera. Imma li ma ridux jaċċettaw hu li Ġesù seta’ jaħfer id-dnubiet għax fil-fatt hu kien Alla. Hemmhekk kellhom qalbhom magħluqa. Lilu ma ridux jafu bih. Imma Ġesù seta’ jaħfer id-dnubiet għax kien Alla.

Ħa nħarsu lejn Ġesù, li dejjem jimpurtah min-nies, u speċjalment minn min għaddej mit-tbatija. Hawnhekk interrompewh. Kien qed jgħallem, u f’daqqa waħda niżżlu lil dan mis-saqaf. U x’jgħidlu l-ewwel? Ħafna min-nies stennew li jekk ġabuh biex ifejqu, l-ewwel ma jgħidlu jkun “kun imfejjaq”. Ġesù jgħidlu “dnubietek maħfura”. U għaliex jgħid hekk? Għax Ġesù jmur għall-aktar ħaġa importanti l-ewwel. Dan il-bniedem kellu bżonn li jinħeles mid-dnubiet tiegħu minn ġewwa. Ġesù, li jagħraf mhux biss dak li jidher minn barra imma ġewwa wkoll, qallu “dnubietek maħfura”. Ħeles lil dal-bniedem minn dak li kien ifixklu minn ġewwa. Imbagħad fejqu, u għalhekk Ġesù kien għalih dak li ħelsu b’mod sħiħ. U dan il-bniedem li ġarrewh fuq il-friex, issa jaqbad il-friex hu, u jitlaq bihom.  Dan hu li għamel Ġesù f’dan ir-rakkont sabiħ. Ġesù hu dak li jsalva lill-bniedem b’mod sħiħ.

Dan hu li nitgħallmu meta nħarsu lejn dawn in-nies preżenti f’din il-ġrajja. Meta nħarsu lejn in-nies li refgħu lil dan ir-raġel paralizzat, nitgħallmu l-fidi msieħba mad-determinazzjoni biex nagħmlu l-ġid. Meta nħarsu lejn il-Fariżej u l-għorrief tal-Liġi, nindunaw x’tagħmillek il-qalb magħluqa, meta tagħlaqha għal Alla. U meta nħarsu lejn Ġesù, naraw fih dak li jista’ tassew isalvana. L-ewwel li jeħlisna hu minn dak li jfixkilna minn ġewwa – id-dnubiet tagħna – ħalli nistgħu ngħixu tassew bħala wlied Alla.

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li jsaħħaħ fina l-fidi, imsieħba mad-determinazzjoni biex qatt ma naqtgħu qalbna, u li fih insibu tassew dak li jsalvana ħalli nistgħu ngħixu bħala wlied ħielsa ta’ Alla.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: