Liema hu l-ferħ tassew

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 12 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma fil-Quddiesa tal-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat lil Matthew Bajada.
Bażilika u Kolleġġjata tal-Viżitazzjoni, Għarb.

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Naħseb li lkoll kemm aħna nafu u konvinti li qed ngħixu f’soċjetà fejn huma ħafna dawk li madwarna jxerrdu d-dlam u d-dwejjaq. Huma ħafna dawk li flok jagħmlulna l-ħajja iktar sempliċi u ħafifa, iktar jikkumplikawha. Nistgħu nħarsu lejn is-sitwazzjoni personali jew familjari tagħna: ilkoll kemm aħna kapaċi nsibu madwarna nies jew sitwazzjonijiet illi l-ħajja tagħna flok jagħmluha iktar sabiħa u sempliċi, jikkumplikawhielna.

Naħseb li kull wieħed u kull waħda minna kapaċi jindika lil xi ħadd bħal dan, jew bħal dawn, fl-istorja ta’ ħajtu. Nistgħu nsemmu diversi eżempji: min jipprova jieħu dak li mhux tiegħu; min jipprova jaqla’ l-flus b’korruzzjoni; min jipprova jbella’ t-‘trab’ jew affarijiet oħra lil ibnek jew lil bintek, biex jaqla’ l-flus minn fuq darhom; min jipprova jfixkel u jieħu l-post li jmiss lilek, għax jaf lil dak jew lil dik… Nistgħu nibqgħu sejrin b’litanija sħiħa!

San Ġwann il-Battista dalgħodu jsemmi xi ħaġa minn dan kollu. Jgħidilna noqogħdu attenti minn dawk li ħsiebhom biss biex jakkumulaw, biex jiġbru u jġemmgħu. Jgħidilna noqogħdu attenti għal dawk li ma għandhomx idea tal-valur tal-flus u tax-xogħol. Xogħol ftit, flus ħafna; jekk jista’ jkun mingħajr xogħol. Jew bil-maqlub: xogħol li ma jiġix imħallas kif jixraq, għax min jaħdmu mhux tal-istess kulur jew tal-istess ġilda tiegħi. San Ġwann il-Battista jsemmilna sitwazzjoni oħra: ta’ min hu fil-poter, u billi għandu s-saħħa, ma tista’ tagħmel xejn kontrih; allura jasal fejn irid, bit-theddid u bir-rikatti.

Huma ħafna s-sitwazzjonijiet tad-dlam u tad-dwejjaq fil-familja tagħna u fis-soċjetà li ngħixu fiha. Imma llum huwa l-Ħadd tal-Ferħ. Fl-Ewwel Ħadd tal-Avvent il-Knisja stednitna biex nirriflettu fuq is-sahra – jiġifieri li ngħixu l-ħajja fuq il-livelli aktar profondi, ma nkunux superfiċjali u artifiċjali, imma nkunu veri; ngħixu l-ħajja mhux biss kif jaqblilna u fil-mument, imma b’riflessjoni, b’konsapevolezza, b’rieda, b’intelliġenza. Fit-Tieni Ħadd tal-Avvent, jekk aħna ngħixu l-ħajja b’dan il-mod, jekk aħna nishru, allura ser nindunaw fejn irridu nirranġaw: “Indmu!”. Irridu nikkonvertu, irridu nibdlu. Illum Ġwanni l-Battista jagħtina s-suġġerimenti tiegħu biex nifirħu. Għax jekk aħna nindmu, indawru r-rotta, allura għandna biex nifirħu.

Imma f’dan il-Ħadd tal-Ferħ, illum għandna biex nifirħu iktar, għax sejrin nagħtu ministeru, biċċa xogħol, dmir ta’ servizz, ta’ qadi, ta’ akkolitat, lil wieħed minn din il-komunità. Dan is-servizz, dan l-akkolitat, mhux għajr il-maqlub ta’ dawk li jxerrdu d-dlam: dan l-akkolitat, dan il-ministeru tas-servizz, dan is-servizz tas-servizz. Għax il-kelma ministeru tfisser taqdi: “minus stare”, toqgħod taħt, toqgħod attent għal dawk li għandhom bżonn. Il-Ministeru tal-Akkolitat huwa l-qadi tal-altar, allura s-servizz tas-servizz. Dan li ser nagħtu llum, u li huwa l-maqlub ta’ dawk li jxerrdu d-dlam, huwa l-għajn tal-ferħ.

Għax il-ferħ minn fejn jiġi? Ilkoll kemm aħna nafu minn fejn jiġi l-ferħ, għax ilkoll kemm aħna għandna esperjenza tiegħu. Fid-dar tagħna, forsi dalgħodu stess, biex inqlajtu u ġejtu hawnhekk il-knisja… tista’ jew tindanna – tipprova tlibbes it-tfal, u dik għax trid tmur it-toilet, u l-oħra għax ġralha hekk, u kif ser nagħmel u kif ser inlaħħaq? – u tirvilla u tirrabja; jew inkella tiftakar fir-rwol tiegħek ta’ omm, ta’ missier, ta’ qaddej, u bil-paċenzja u l-imħabba tipprova tgħin, issostni, terfa’, tippromovi, tmexxi ’l quddiem. Dak inissel fik il-ferħ. Il-ferħ minn fejn jiġi? Il-ferħ jiġi meta aħna verament nispiċċaw qaddejja ta’ xulxin, meta naqdu lil xulxin. M’hemmx mod ieħor fid-dinja li jagħtina l-hena tal-qalb. L-hena tal-qalb jiġi minn ġewwa, mid-dispożizzjoni tiegħek li tkun qaddej, li tagħmel li tista’ għal dawk ta’ madwarek, kemm tiflaħ. Imbagħad meta ma tiflaħx, tieqaf, u tħalli lil ħaddieħor jaqdi lilek. Għax importanti li naqdu lil xulxin. Il-ferħ jiġi milli nħobbu lil xulxin, anki fil-familja, mill-qadi lejn xulxin.

San Ġwann il-Battista dalgħodu jistedinna għall-ferħ, billi lil kull wieħed u lil kull waħda minna jiġbdilna l-attenzjoni, biex flok li nkunu nies li jiġbru, li jakkumulaw, li jkollhom ħafna, inkunu nies li jaqsmu ma’ xulxin. Kemm minna mmorru Lidl, u tiltaqa’ ma’ dik, ma’ dik, u ma’ dik… tibda tixtri, tiġbor, u ġġemma’! Imbagħad tħares lejn l-ixkaffa u tinduna bl-expiry date: “Armi, din il-biċċa għodda m’għadhiex taħdem, għax il-batterija waqgħet; irrid immur nixtri biċċa għodda oħra, għax qatt ma użajtha”. L-importanti li nakkumulaw! Imma meta takkumula, inti xi tkun qed tagħmel? Qed tagħmel ħajtek iktar kumplessa; qed tirrendi lilek innifsek u tagħmlek iktar ikkundizzjonat. Qed tkun inqas liberu, fl-istess waqt tgħix bl-illużjoni. Ngħixu bl-illużjoni għax għandna ħafna; allura moħħna mistrieħ. Imma hija illużjoni, mhux il-verità.

San Ġwann il-Battista lin-nies ta’ żmienu, u lilna, lin-nies b’mod ġenerali kien qed ikellem, u jgħidilhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess” (Lq 3:11). Kemm-il żarbun għandek li ilek ma tilbishom min jaf kemm? Kemm-il libsa għandna li ilna ma nilbsuha min jaf kemm, sempliċiment biex nimlew? Imbagħad meta nindunaw li għandna żejjed? Meta ma jkollniex aktar fejn inpoġġu. Filwaqt li ħija, ħuk, m’għandux x’jilbes; ħija, ħuk, imterter bil-ksieħ; ħija, ħuk, m’għandux x’jiekol.

Minn fejn jiġi l-ferħ? Il-ferħ jiġi – jgħidilna San Ġwann – meta l-pubblikani, li jridu jitgħammdu, imorru fejnu u jgħidulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?” (Lq 3:12). Il-pubblikani kienu dawn. Meta tgħid pubblikan, qed tgħid ħalliel, korrott tal-prima klassi, korrott minn dawk il-kbar. Tafu kif kienu jagħmlu dawn: Lhud, imorru ħdejn ħuthom il-Lhud, u jiġbru t-taxxa f’isem ir-Rumani. Kif kienu jitħallsu? Skont kemm kienu jifilħu jikkorrompu u jisirqu. Dak kien il-ħlas; ma kienx ikollhom il-ħlas mill-Prefett Ruman, minn Pilatu jew mill-Imperatur. Le! Il-ħlas kienu jeħduh huma b’idejhom, jew jikkalkulawh huma u jiddeċiduh huma, kif iridu huma. Immaġinaw x’korruzzjoni u x’serq. Dawn ukoll imorru ħdejn Ġwanni, u jgħidulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. Għax indunaw li mhix ħajja li tieħu dak li mhux tiegħek, mhix ħajja li inti tgħix mingħalik qiegħed fuq nett tas-sitwazzjoni. Għaliex? Għax jirnexxilek taqla’ l-flus mingħajr ma taħdem għalihom. Anzi, jirnexxielek issib xogħol li fih ma tagħmel xejn. Jirnexxilek issib xogħol li tmur kwarta, tippanċja, titlaq, biex imbagħad tmur tagħmel ix-xogħol tiegħek. Inti taf li mhux sew, il-qalb tiegħek tgħidlek li mhux sew! Tipprova tiġġustifika lilek innifsek u tgħid: “U hemm fuq daqskemm jikkorrompu! Ħaġa kbira jekk jien ma nħallasx taxxa? Hemm fuq daqskemm iħawdu! Ħaġa kbira jekk jien…”. Le! Mhux sew, mhux sew. Inkunu qegħdin inkomplu nkabbru din il-magna tad-dwejjaq u ta’ inġustizzja li qegħdin fiha.

Allura l-Ministeru tal-Akkolitat huwa dak li jħabbar, li jxandar bil-maqlub; huwa dak li jagħti minn tiegħu, dak li jaqsam; dak li x-xogħol jagħtih il-valur tiegħu, dak li l-flus jagħtihom il-valur tagħhom. Naħdem skont kemm naqla’, naqla’ skont kemm naħdem. Mhux naqla’ daqskemm inħaddem moħħi ħalli nqarraq. Le, mhux qligħ ta’ flus. Dħalna fi sqaq, dħalna f’din il-mentalità li se teqridna… jekk mhux lilna, lil uliedna. Naraw biss quddiemna l-ġid, il-flus, imbagħad il-bqija jiġi kollu wara; il-mara tiġi wara, it-tfal jiġu wara. U mingħalija li qed nagħmlu għat-tfal, mingħalija qed nagħmlu għall-familja. Il-Knisja tiġi wara, Ġesù Kristu jiġi iktar lura, mhux problema; l-importanti l-flus. Imma huwa mod ta’ kif nidħlu fi sqaq mudlam. Il-Ministeru tal-Akkolitat irid ifakkarna li aħna niksbu l-ferħ tagħna mill-qadi, mill-kondiviżjoni, billi nippruvaw ngħinu lil xulxin, billi nippruvaw inkunu ta’ sapport u ta’ sostenn għal xulxin; mhux billi nqarrqu b’xulxin, mhux biss billi nkunu makakki biżżejjed u naħsbu biss fina nfusna, u mhux fl-oħrajn.

Ikompli San Ġwann bl-aħħar suġġeriment li jagħtina, u dan jagħtih lis-suldati din id-darba. “Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: ‘U aħna, x’għandna nagħmlu?’” (Lq 3:14). Is-suldati ma nafux jekk kinux ta’ Pilatu jew ta’ Erodi, jekk kinux Rumani jew Lhud. San Ġwann jgħidilhom kelma waħda: ‘Intom li għandkom il-poter’ – dan qed jgħidu lili, għax jien b’xi mod għandi l-poter, u qed jgħidu lil kull wieħed u kull waħda minna li għandna l-poter, ‘tużawx il-poter biex tinqdew biż-żgħir. Tinqdewx bil-poter biex theddu. Tinqdewx bl-armi biex theddu lill-oħrajn. Tinqdewx bil-poter biex taslu fejn tridu intom. Tinqdewx bil-poter biex tfittxu l-interessi tagħkom’. Il-poter mhux għajr ministeru, servizz, qadi.

Din hija t-talba li nixtieq nagħmel dalgħodu. Nixtieq nitlob verament lil Alla biex jagħtina nies li jieħdu fuqhom il-ministeru. X’jiġifieri l-ministeru? Jieħdu fuqhom dan l-ispirtu tal-qadi, ta’ pożittività, ta’ ottimiżmu, li tant għandna bżonnu fis-soċjetà li qed ngħixu fiha. Aħna ngħixu bl-illużjoni li, għax għandna l-flus, ma jonqosna xejn. Imma spiss nindunaw li din hija illużjoni, sħaba, ħolma li qed ngħixu fiha; għax spiss tiġi burraxka fuqna u turina li mhix dik is-soluzzjoni. Ejjew nitolbu lill-Mulej dalgħodu għal Matthew, imma mhux biss għalih. Nitolbu biex oħrajn iħossu l-bżonn li jieħdu fuqhom ir-responsabbiltà, bħalma kellu Ġwanni l-Battista, li jiftħu l-għajnejn u jagħtu d-dawl; li juru t-triq, imma mhux biss bil-paroli, imma anki bil-fatti.

Ġwanni l-Battista ma tkellimx biss dwar il-konverżjoni, imma kien hu l-ewwel wieħed l-ikkonvertit, kien hu l-ewwel wieħed li għexha, kif jgħidilna l-Evanġelju ta’ San Mattew: “Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ” (Mt 3:4). Ġwanni l-Battista kien jgħix fid-deżert, fis-sempliċità assoluta, mhux għax ried isawwat jew jissagrifika lilu nnifsu. Għax fl-aħħar mill-aħħar Ġwanni l-Battista kellu dan fih innifsu, ma kellu bżonn xejn iktar madwaru, ma kellux bżonn rikkezzi jew ġid biex iħossu sew, għax fih innifsu kien sew, kien jaf li hu l-bniedem ta’ Alla, li fuqu straħet il-Kelma ta’ Alla. Il-Kelma ta’ Alla fl-aħħar sabet lil xi ħadd li seta’ tassew jagħmlilha post f’qalbu, allura straħet fuqu.

Kemm għandna bżonn ta’ dawn in-nies! Kemm għandna bżonn li fis-soċjetà jkollna nies li jqumu fuq tagħhom u jippruvaw iqajmu fuq tagħhom ukoll lill-oħrajn, b’mod pożittiv, b’mod sabiħ, mingħajr ma jikkundannaw u jiġġudikaw, imma l-ewwel u qabel kollox billi huma stess joffru lilhom infushom, jagħtu ħajjithom! Il-Mulej jagħtina f’dan il-Ħadd tal-Ferħ li nagħrfu, kull wieħed u kull waħda minna, liema hu l-ferħ tassew.

Leave a Reply

%d bloggers like this: