Il-Mulej iġib il-ferħ f’ħajjitna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 12 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-3 Ħadd tal-Avvent. Knisja tal-Madonna tal-Abbandunati, il-Wardija.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Għandu mnejn għall-bidu ma narawx ir-rabta bejn ħafna mill-kelma ta’ Alla li smajna llum u l-Evanġelju.

Il-kelma ta’ Alla llum tkellimna, qisu kważi b’ritornell, fuq il-ferħ. Rajna fl-Ewwel Qari fil-ktieb tal-Profeta Sofonija: “Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek…infexx fil-hena u ifraħ b’qalbek kollha”. Dan ripetut ukoll fis-Salm: “Kollkom ferħana timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni”. U għandna mbagħad l-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, fejn jgħidilhom: “Ifirħu dejjem fil-Mulej, nerġa’ ngħidilkom ifirħu”.

Jista’ jkun li ma narawx ir-rabta bejn dawn u l-enfasi li hawn fuq il-ferħ, u dak li jgħid Ġwanni l-Battista meta kien qed ikellem lin-nies u huma, nies differenti, jistaqsuh: “X’għandna nagħmlu?” Naħseb li tajjeb nifhmu kemm fil-fatt hemm rabta bejn dawn il-partijiet differenti tal-kelma ta’ Alla u kif l-enfasi qiegħed fuq il-ferħ li jġib il-Mulej fil-ħajja tagħna.

Hawnhekk Ġwanni l-Battista kien għadu kif qal lin-nies biex iħejju t-triq għall-Mulej u jiddrittaw il-mogħdijiet tiegħu. Imbagħad għandna nies differenti li fehmu li meta qiegħed jgħid hekk, mhijiex xi ħaġa biss li jaħsbuha jew iħossuha, imma hemm xi ħaġa li jridu jagħmlu wkoll. Għalhekk jgħidulu: “X’għandna nagħmlu aħna?” Hawn nies differenti li jistaqsuh, u nixtieq li naraw ftit it-tweġibiet ta’ Ġwanni l-Battista, li kienu jgħoddu ħafna għan-nies ta’ żmienu, meta qed jippreparahom għall-miġja ta’ Ġesù, u li jgħoddu ħafna wkoll għalina llum.

Taqsam ma’ min ma għandux

Lin-nies li fil-bidu staqsewh “x’għandna nagħmlu?”, jgħidilhom hekk: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn. U min għandu x’jiekol, jagħmel l-istess”. Ġwanni l-Battista qed jgħid li jekk aħna rridu verament nimxu skont ma jrid minna l-Mulej, ma nistgħux ningħalqu fina nfusna u nkunu egoisti, u naħsbu li jekk kuntenti aħna, kuntent kulħadd. Imma għandna naqsmu dak li jkollna ma’ ħaddieħor.

Nafu li dan, fil-fatt, hu dak li ’l quddiem Ġesu kien se jenfasizza ħafna: li fil-ħajja tagħna jkollna tassew il-ferħ – hawn jidħol il-ferħ – mhux meta aħna nkunu medhijin bina nfusna u nieqfu hemm, imma meta kapaċi naqsmu dak li għandna ma’ ħaddieħor. Din il-ġenerożità tagħmilna ħafna nixbhu lill-Mulej u tgħinna biex ikollna tassew il-ferħ f’qalbna.

Nixtieq li niftakru ftit kif snin ilu, ftit ’il bogħod minn hawn, mill-Wardija, meta ġie San Pawl fostna fuq il-ġifen ma’ tant nies, fin-nawfraġju, il-Maltin hekk għamlu, kif qal Ġwanni l-Battista: qasmu dak li kellhom ma’ dawk in-nies li kienu tant fil-bżonn. L-Atti tal-Appostli jgħid ukoll li meta ġew biex jitilqu, għabbewlhom fuq il-ġifen dak kollu li kellhom bżonn. Hemm kienet l-aqwa tħejjija tal-Maltin biex jilqgħu l-Evanġelju: meta huma għamlu kif qal Ġwanni l-Battista “min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandux, u min għandu x’jiekol, jagħmel l-istess”. Hekk għamlu l-Maltin. U bħalma dan kien tħejjija għall-miġja ta’ Ġesù, hekk sar fil-każ tagħna l-Maltin. Minn dak l-att ta’ ġenerożità aħna stajna nilqgħu l-Evanġelju li kkonfermana f’dan, u għenna biex aħna nagħrfu li hemm insibu l-veru ferħ: fil-qalb ġeneruża.

Meta ngħixu hekk, inkunu qed ngħixu kif qalilna Ġesù: “Dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi…” Meta ngħixu hekk, ikollna l-ferħ tiegħu u l-paċi f’qalbna.

Timxi b’mod ġust u onest

Lill-pubblikani li jistaqsuh “x’għandna nagħmlu?”, Ġwanni l-Battista jgħidilhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi aktar milli jmisskom tieħdu”. Qed jgħid: kunu ġusti. Imxu ma’ kulħadd b’ġustizzja u b’ekwità. Tippruvawx tgħakksu lil xi ħadd partikulari.

Din tfakkarna li meta aħna ngħixu dawn il-valuri – bħalma hu l-valur tal-ġustizzja – hemmhekk li jkollna tassew il-ferħ, mhux meta ngħakksu lil ħaddieħor, imma meta nimxu tassew bil-ġustizzja. Bħalma jgħid aktar ’il quddiem lis-suldati meta jistaqsuh “x’għandna nagħmlu?”, u jgħidilhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom”. Qed jgħid; imxu b’onestà, b’mod rett. Hemm ikollna tasssew il-ferħ – ara r-rabta mal-kelma ta’ Alla – il-ferħ ma nsibuhx meta nqarrqu b’ħaddieħor, imma meta nimxu b’onestà. Kif jgħid hawnhekk, is-serq jista’ jkun bil-miftuħ u li jista’ jkun minn taħt. L-appell ta’ Ġwanni l-Battista hu biex in-nies jimxu b’onestà. U nafu kemm dal-kliem tiegħu jgħodd ukoll għalina llum: li aħna msejħin biex ikollna dan il-valur kbir tal-onestà, li nimxu b’mod rett, u nindunaw li dak jagħmilna tassew ferħana, mhux meta nsibu mezz kif ngħaddu minn fejn ma għandniex u nqarrqu b’ħaddieħor, imma meta nimxu b’onestà.

Dak li jibnina

Nindunaw li dawn il-valuri sbieħ li semma Ġwanni l-Battista, li qed jgħid lin-nies biex ikunu għalihom tħejjija għall-Mulej, Ġesu mbagħad ikkonfermahom b’mod qawwi u qalilna li hemm hi l-qalba tal-ħajja Nisranija: meta aħna ngħixu l-valur tal-imħabba sħiħa li naqsmu dak li għandna mal-oħrajn, meta aħna nimxu b’mod ġust, rett u onest. Nindunaw li dawn huma l-valuri li jibnu tassew il-ħajja tagħna.

Hu fil-ħajja tal-familja li dawn il-valuri nitgħallmuhom u nikbru fihom. Jgħinuna biex aħna nistgħu naċċettaw lill-Mulej f’ħajjitna, u jkollna l-paċi u l-ferħ tiegħu.

Nitolbu lill-Mulej biex hu jgħinna ħalli ngħixu dawn il-valuri. Niftakru li l-fidi tagħna mhijiex biss xi ħaġa li nżommu f’moħħna u lanqas f’qalbna biss, imma minn hemm trid tgħaddi wkoll għall-azzjoni. Nitolbuh biex aħna ngħixu tassew dawn il-valuri fil-ħajja tagħna, u hu jagħtina l-grazzja li jkollna f’qalbna l-paċi u l-ferħ tiegħu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: