It-Triq lejn Betlehem

Print Friendly, PDF & Email

Kitba tal-Kardinal Angelo Comastri dwar it-triq lejn Betlehem maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

…ktieb li jġagħlek tirrifletti fuq it-tifsira awtentika tal-Milied

Id-Dar ta’ Pubblikazzjonijiet Reliġjon u Ħajja (RuĦ) tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali għadha kif ippubblikat, bil-Malti, il-ktieb tal-Kardinal Angelo Comastri, Prepara la culla: è Natale!

Il-ktieb inqaleb għall-Malti minn Francesco Pio Attard.

Il-Kardinal Comastri hu l-awtur ta’ bosta pubblikazzjonijiet ta’ spiritwalità u ta’ tema pastorali. F’dan il-ktieb hu jikteb għala ħafna persuni mhux jirnexxilhom jaslu Betlehem biex iġeddu t-tama u l-paċi tagħhom. Fil-fatt jgħid li dan mhux ktieb dwar il-Milied imma hu biss kewkba ċkejkna ħafna li miċ-ċokon tagħha tixtieq iddawwal it-triq lejn Betlehem li hi mxekkla minn tant ġebel ta’ kburija, ta’ vanità, ta’ egoiżmu, ta’ indifferenza u ta’ vjolenza.

Hu jsostni li hemm bżonn innaddfu t-triq. Forsi hemm bżonn nagħmlu iżjed. Hemm bżonn li l-Insara jsiru t-triq li twassal għal Betlehem. Hemm bżonn li kull wieħed u waħda minna jxerred madwaru l-fwieħa tal-faqar hieni u mbierek; tas-sempliċità mingħajr xejxi u maskri; u tal-ospitalità li qalbha tiftaħha għall-persuni u mhux għall-persunaġġi. Il-fwieħa tal-ferħ m’għandix bżonn min jisker imma minn jintilef fis-sorpriża tal-Milied.

Il-Kardinal Comastri jsostni wkoll li l-ħajja tal-bniedem hi mimlija bil-ġrieħi tat-tbatija u tad-dgħjufija tiegħu. Il-ġrieħi tat-tradiment u tal-ħażen. Imma minn ġewwa l-maxtura ħarxa tal-bniedem twieled Alla. Din mhix ħolma. Hi esperjenza. Hi l-mewġa li titlaq minn Betlehem u toħloq umanità ġdida. L-umanità li titbissem lill-ħajja. Li tħobb lit-tfal. Li tirrispetta lill-anzjani. Li taħfer id-deni li jsirilha. Li taqsam il-ħobż ma’ min hu bil-ġuħ. Li tferra l-ilma tal-imħabba fuq il-ġrieħi kollha u tfajjaqhom.

Ħejji l-presepju. Ħejji l-qalb tiegħek għax hemm ġej jitwieled Ġesù.

Francesco Pio Attard li kif ktibt fil-bidu qaleb għall-Malti l-ktieb tal-Kardinal Comastri ħadem fuq diversi tradizzjonijiet, fosthom ta’ dokumenti maġisterjali tal-Papiet Benedittu XVI u Franġisku iżda mhux fuq kotba. Kien għalhekk li staqsejtu x’ħajru jagħmel dan. Weġibni li jinnamra ma’ ktieb tal-Milied ma kenitx xi ħaġa li titlob wisq sforz minnu. “Il-Milied ilu f’demmi minn ċkuniti u l-letteratura tal-Milied, bħal kull element ieħor marbut ma’ din il-festa għażiża, hi tassew għal qalbi. Għalhekk, meta ħabiba tiegħi rrakkomandatli u silfitni l-ktieb tal-Kardinal Comastri, Prepara la culla: è Natale!, minnufih bdejt naqrah u ma domtx ma qtajtha li jista’ jkun ktieb tajjeb għat-traduzzjoni bil-Malti biex aktar nies jiggustaw il-ġmiel tal-pinna tal-awtur kif ukoll tar-riflessjonijiet profondi imma daqstant ieħor attwali dwar l-Inkarnazzjoni”.

Hu qalli li l-Kardinal Comastri, barra li hu kittieb mirqum, hu bniedem spiritwali ħafna u r-riflessjonijiet tiegħu mqassma fil-kapitli ta’ dan il-ktieb iġagħluk tirrifletti fuq it-tifsira awtentika tal-Milied u kif nistgħu nħejju f’qalbna u fl-ambjenti tagħna maxtura vera għal Ġesù biex jitwieled fiha.

Staqsejtu wkoll kif imbagħad wasal biex ippubblika din it-traduzzjoni fi ktieb. Francesco Pio Attard qalli li kellu xortih tajba li għal darb’oħra sab lid-Dar tal-Pubblikazzjonijiet Reliġjon u Ħajja li qasmet il-ħolma tiegħu li din it-traduzzjoni tiġi  ppubblikata fi ktieb imżejjen bi xbihat tat-Twelid ta’ Ġesù

fejn allura l-qarrej mhux biss jaqra imma jara.

Il-ktieb Inħejju l-maxtura: wasal il-Milied! qed jinbiegħ mill-ħwienet Emmaus tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali stess f’Birkirkara u f’Victoria Għawdex, mill-ħwienet ewlenin tal-kotba u online mis-sit www.ruhmalta.com għall-prezz ta’ tnax-il ewro.

Riċensjoni minn Michael Caruana

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: